Nifhmu l-Ewropa mill-perspettiva lokali
Id-diskors tal-#EURegionalBarometer huwa bbażat fuq il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE, rapport mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni msejjes fuq studji proprji kif ukoll riċerka akkademika u kontributi minn sorsi pubbliċi oħrajn.
Il-Barometru jagħti stampa tal-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni kollha u jgħin biex tingħata informazzjoni dwar l-għażliet ta’ politika tal-UE. Huwa jipprovdi wkoll direzzjoni għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa u jsegwi l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-perjodu 2020-2025: biex l-Ewropa titqarreb lejn in-nies, jinbnew komunitajiet reżiljenti, u tiġi promossa l-koeżjoni – politiki bbażati fuq il-post – bħala valur fundamentali tal-UE.
Fl-2020, il-Barometru pprovda analiżi komprensiva tal-impatt tal-COVID-19 fl-Ewropa kollha u vvaluta r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforzi biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u ekonomika.
Sena u nofs mindu faqqgħet il-pandemija, ir-reġjuni u l-bliet issa qed jiffukaw fuq l-iżgurar ta’ rkupru ekonomiku u soċjali ġust u rapidu. L-#EURegionalBarometer 2021 jagħti ħarsa ġenerali aġġornata ta’ firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li se jiddeterminaw is-suċċess tal-isforzi ta’ rkupru fir-reġjuni u l-bliet tagħna: mis-saħħa sal-migrazzjoni, mill-Patt Ekoloġiku sat-trasformazzjoni diġitali, u mill-koeżjoni ekonomika u soċjali sat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea.
Stħarriġ: Il-politiċi lokali dwar il-futur tal-Ewropa
Din is-sena, il-Barometru Reġjonali u Lokali tal-UE jinkludi l-ewwel stħarriġ li qatt sar tal-politiċi lokali u reġjonali minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ tal-politiċi lokali tal-UE u l-futur tal-Ewropa, imwettaq mill-IPSOS, se jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex il-governanza Ewropea tiġi kkunsidrata mill-ġdid b’mod aktar inklużiv u demokratiku.
Aqra aktar