Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Klimatiku: flimkien fit-triq lejn in-newtralità klimatika  

Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma mistiedna jingħaqdu man-network il-ġdid tal-UE dwar il-klima bħala Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR

Il-Kummissjoni Ewropea nediet uffiċjalment il- Patt Klimatiku, inizjattiva mifruxa mal-UE kollha li tistieden individwi, komunitajiet u organizzazzjonijiet biex jinvolvu ruħhom fl-azzjoni klimatika u jibnu Ewropa aktar ekoloġika. Bħala l-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jimpenja ruħu li jikkontribwixxi b’mod attiv għall-Patt Klimatiku, billi jibda billi jippromovi l-objettivi tiegħu u jrawwem il-parteċipazzjoni, b’mod partikolari mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE. Il-Patt Klimatiku huwa pjattaforma parteċipattiva b’appoġġ għall- Patt Ekoloġiku Ewropew , l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Il-Patt Klimatiku tnieda llum taħt it-tmexxija ta’ Frans Timmermans , Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-bidu tas-sessjoni, is-Sur Timmermans qal: “B’xorti tajba daqt se jkollna t-tilqima li se tgħinna negħlbu l-pandemija tal-COVID-19. Iżda ma hemm l-ebda tilqima għall-kriżijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità. Il-Patt Klimatiku Ewropew se jlaqqa’ flimkien lil kull min irid jieħu azzjoni favur il-pjaneta tagħna. Bil-Patt, irridu ngħinu lil kulħadd fl-Ewropa jieħu azzjoni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u nagħtu lil kulħadd l-opportunità li jinvolvi ruħu fit-tranżizzjoni ekoloġika u jispira wieħed lill-ieħor. Fil-kwistjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kulħadd jista’ jieħu azzjoni, u kulħadd jista’ jikkontribwixxi”.

Il- Patt Klimatiku se jipprovdi spazju li jippermetti l-konnessjoni bejn persuni minn kull qasam tal-ħajja sabiex dawn jiżviluppaw u jimplimentaw b’mod kollettiv soluzzjonijiet klimatiċi, kemm kbar kif ukoll żgħar. Iż-żewġ għanijiet ewlenin tiegħu huma li jżid u jxerred is-sensibilizzazzjoni u jappoġġja l-azzjoni klimatika madwar l-UE.

Is-Sindku ta’ Varsavja, Rafał Trzaskowski (PL/PPE) , relatur tal- Opinjoni tal-KtR dwar il-Patt Klimatiku , tkellem waqt l-avveniment uffiċjali tat-tnedija u qal: “Biex tinkiseb in-newtralità klimatika, jeħtieġ li l-bliet ikunu fiċ-ċentru tal-azzjoni klimatika. Mhux biss peress li l-bliet huma konsumaturi kbar tal-enerġija u huma responsabbli għal 70 sa 80% tal-emissjonijiet dinjija, iżda minħabba li huwa fil-livell tal-belt li ċ-ċittadini qed jinvolvu ruħhom fl-azzjoni klimatika. Aħna nħossuna responsabbli għal dawn l-emissjonijiet u nixtiequ nieħdu rwol ta’ tmexxija fl-azzjoni klimatika. Il-Patt Klimatiku huwa l-opportunità biex jinħoloq moviment madwar l-Ewropa kollha li jappoġġja, jinkoraġġixxi u jirrikonoxxi l-kisbiet klimatiċi individwali. Flimkien ma’ proġetti pan-Ewropej li jaċċelleraw l-azzjoni klimatika lokalment, neħtieġu li ċ-ċittadini jingħaqdu fit-triq lejn in-newtralità klimatika. Ma nistgħux inwettqu l-Patt Ekoloġiku mingħajr iċ-ċittadini u l-livell lokali.”

Uħud mill-modi konkreti biex wieħed jieħu sehem fil-Patt Klimatiku huma:

Biex tappoġġja n-network tal-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku, il-KtR nieda sejħa lill-membri tiegħu biex isiru Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR . Huma se jippromovu b’mod attiv id-diversi aspetti tal-Patt Ekoloġiku fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom stess permezz ta’ attivitajiet politiċi u l-aħjar prattiki u jipprovdu feedback perjodiku dwar l-effettività tal-politiki tal-UE fuq il-post. L- Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR se jkunu parti min-network usa’ mniedi mill-Kummissjoni Ewropea. Permezz tal-proġett CoR 4 Climate Pact, il-KtR se jappoġġja wkoll lill- Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti lokali dwar il-klima li għandhom l-għan irawmu sensibilizzazzjoni u jħaffu l-azzjoni klimatika fil-livell lokali.

Is-Sindku ta’ Varsavja Rafał Trzaskowski (PL/PPE) huwa wieħed mill-ewwel Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR .

Il-fażi tal-bidu tal-Patt Klimatiku se tipprijoritizza l-azzjonijiet dwar “ Żoni ekoloġiċi ”, “ Trasport ekoloġiku ”, “ Binjiet ekoloġiċi ” u “ Ħiliet ekoloġiċi ”. Maż-żmien, il-Patt Klimatiku għandu jespandi għal oqsma oħrajn, bħall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-kwalità tal-ħamrija, l-ikel tajjeb għas-saħħa u d-dieti sostenibbli, l-oċeani, u ż-żoni rurali u kostali. Il-Patt Klimatiku għandu mandat miftuħ u l-ambitu tiegħu se jevolvi abbażi tal-ideat u l-kontributi tan-nies u l-organizzazzjonijiet li jsiru parti minnu.

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il- komunikazzjoni tagħha dwar Il-Patt Klimatiku fid-9 ta’ Diċembru 2020.

Informazzjoni ta’ sfond

  • Għal dawk il-membri u s-sostituti tal-KtR li lesti jsiru Ambaxxatur tal-Patt Klimatiku tal-KtR, jekk jogħġobkom ikklikkjaw hawn (skadenza 31 ta’ Jannar 2021)

Persuna ta’ kuntatt

David Crous

david.crous@cor.europa.eu

+32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :