Dwar
Il-Kummissjoni COTER issegwi mill-qrib il-fajls relatati mal-politika ta’ koeżjoni, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-baġit tal-UE, kif ukoll il-politika tat-trasport, l-iżvilupp territorjali, il-kooperazzjoni transfruntiera, il-ġestjoni tat-territorju u kwistjonijiet urbani.
Is-Segretarjat tal-COTER huwa responsabbli wkoll mir-reġistru uffiċjali tal-UE tar-REKT u mill-ġestjoni tal-Pjattaforma tar-REKT, li tiġbor flimkien ir-rappreżentanti politiċi u tekniċi tar-REKT kollha eżistenti u ta’ dawk ir-REKT li għadhom qed jiġu żviluppati.
Il-Kummissjoni COTER tissorvelja l-Pjattaforma Transfruntiera Ewropea, li tlaqqa' fi ħdanha atturi li jaħdmu fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera fl-Ewropa. Il-Pjattaforma hija post fejn il-partijiet ikkonċernati transfruntiera jiltaqgħu u jiddiskutu ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet uniċi tal-komunitajiet tal-fruntieri, u tippermettilhom jinvolvu ruħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni COTER hija inkarigata mill-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali tal-KtR. Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali jipprovdu lir-relaturi tal-KtR b’analiżi tal-impatt territorjali potenzjali ta’ proposti leġiżlattivi tal-UE.
L-attivitajiet konġunti tal-KtR-OECD – f’oqsma bħalma huma l-kwalità tal-investiment pubbliku, id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp reġjonali, urban u territorjali – huma wkoll ġestiti mill-Kummissjoni COTER. Din il-kooperazzjoni għandha l-għan ewlieni li ssaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-OECD u l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, li ttejjeb il-politiki pubbliċi li jrawmu l-benesseri ekonomiku u soċjali.