L-Assemblea Ewro-Mediterranja (ARLEM)  

L-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) hija assemblea ta' rappreżentanti lokali u reġjonali mill-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Mediterranji tagħha.

Din ġiet imwaqqfa fl-2010 mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) flimkien mal-assoċjazzjonijiet territorjali attivi f'dan il-kuntest li jippermettu lil rappreżentanti eletti mit-tliet ixtut tal-Baħar Mediterran

  • jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom politikament, inkluż għall-UE u l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM)
  • iżommu djalogu politiku u
  • jippromovu l-kooperazzjoni interreġjonali

Liema huma l-pajjiżi involuti?

L-Eġittu, it-Turkija, l-Alġerija, il-Marokk, is-Sirja (li s-sħubija tagħha bħalissa hija sospiża), it-Tuneżija, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Mawritanja, il-Palestina, Monaco, il-Montenegro. Barra minn hekk, il-Libja qed tipparteċipa bħala osservatur.

X'inhu l-għan tal-ARLEM?

L-ARLEM għandha li għan li:

  • tagħti dimensjoni territorjali lill-Unjoni għall-Mediterran
  • tippromovi d-demokrazija lokali, il-governanza f'diversi livelli u l-kooperazzjoni deċentralizzata fit-tliet ixtut tal-Mediterran
  • tħeġġeġ id-djalogu Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali.
  • tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-għarfien u l-esperjenza teknika fl-oqsma li għalihom huma responsabbli l-awtoritajiet lokali u reġjonali

tippromovi l-integrazzjoni u l-koeżjoni reġjonali

Kif taħdem l-ARLEM?

Fuq livell politiku, l-ARLEM tipprovdi forum għal djalogu politiku kontinwu. Din tikkontribwixxi għax-xogħlijiet konsultattivi tal-KtR permezz ta' rapporti tematiċi. Tirrappreżenta wkoll il-livell lokali u reġjonali fis-summits tal-UgħM.
 

Fil-ħidma tagħha, l-ARLEM toħloq sinerġiji mal-imsieħba tagħha, inklużi l-UgħM (Dikjarazzjoni ta' Intenzjoni ffirmata fl-2013), l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma rrappreżentati fl-ARLEM, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (status ta' osservatur), l-Assemblea Parlamentari tal-UgħM (status ta' osservatur), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Dikjarazzjoni ta' Intenzjoni ffirmata fl-2013) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (status ta' osservatur).

L-Assemblea tlaqqa' flimkien il-membri tal-ARLEM fis-sessjoni plenarja annwali tagħha, li matulha jiġu adottati r-rapport annwali, u għal-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-Bureau. Barra minn hekk, jistgħu jiġu organizzati sessjonijiet ta' ħidma jew konferenzi u jiġu approfonditi aspetti speċifiċi permezz ta' studji.

 

Minn xiex inhi magħmula l-ARLEM?

L-ARLEM tlaqqa' flimkien lil 80 membru u 2 osservaturi mill-UE u mill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran tagħha. Il-membri huma rappreżentanti ta' reġjuni u korpi lokali u għandhom mandat ta' awtorità reġjonali jew lokali.

L-ARLEM hija ppreseduta minn kopresidenza li tirrappreżenta b'mod indaqs lill-imsieħba Mediterranji u lill-UE. Il-kopresident mill-grupp ta' msieħba tal-Mediterran jiġi kkonfermat b'kunsens minn dak il-grupp għal perjodu ta' sentejn u nofs. Il-kopresident mill-UE huwa l-president attwali tal-KtR. Il-kopresidenti attwali huma Karl-Heinz Lambertz, il-president tal-KtR, u Mohamed Boudra, il-president tal-AMPCC, il-Marokk.

Il-Bureau tal-ARLEM jiddefinixxi l-istrateġija tal-Assemblea u l-firxa ta' attivitajiet.

Fil-Kummissjoni għall-Iżvilupp Territorjali Sostenibbli, ir-relaturi tal-ARLEM jelaboraw rapporti tematiċi dwar suġġetti li jirreferu għall-oqsma ta':

  • id-deċentralizzazzjoni
  • l-iżvilupp urban u territorjali
  • il-kooperazzjoni kulturali
  • is-soċjetà tal-informazzjoni
  • il-migrazzjoni u l-integrazzjoni
  • l-impriżi żgħar u ta' daqs medju
  • il-kummerċ
  • l-iżvilupp sostenibbli
  • il-ġestjoni tal-ilma
  • il-ġestjoni tal-iskart
  • l-enerġija, b'mod partikolari l-enerġija solari
  • it-trasport
  • l-agrikoltura u t-turiżmu
  • eċċ.


 

Adopted Opinions

Opinions currently in discussion

Links