Dwar
Il-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) hija responsabbli għat-tħejjija u l-provvista tar-riżorsi u l-istrumenti meħtieġa biex il-Kumitat jaqdi bis-sħiħ ir-rwol konsultattiv tiegħu fil-proċess leġiżlattiv u politiku tal-UE.
Il-Kummissjoni ENVE tappoġġja t-tħejjija tal-messaġġi politiċi tal-KtR fl-oqsma relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew li ġejjin:
- it-tibdil fil-klima;
- l-enerġija;
- il-politika Ewropea dwar l-ispazju;
- il-bijodiversità;
- l-ekonomija ċirkolari;
- it-tniġġis żero.
It-tim jgħin lill-membri jfasslu Opinjonijiet tal-ENVE u jappoġġja l-proċess politiku fi ħdan il-Bureau u s-sessjonijiet plenarji. Jappoġġja wkoll l-attivitajiet ta’ segwitu u ta’ evalwazzjoni tal-impatt. Huwa jorganizza l-laqgħat tal-kummissjoni u avvenimenti esterni fl-oqsma ta’ politika rilevanti.
Attivitajiet
Grupp ta' Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali
Il-Kummissjoni ENVE tikkoordina wkoll il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. Din l-inizjattiva bejn il-kummissjonijiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li kemm l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-pjan ta’ rkupru tal-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni u proġetti tanġibbli għal kull territorju. Il-Kummissjoni ENVE tikkontribwixxi wkoll għall-kampanja relatata tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali.
Task Force 3
Il-Kummissjoni ENVE hija responsabbli għall-koordinazzjoni tat-Task Force 3 li tappoġġja l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. L-għan ewlieni tat-Task Force 3 huwa li jipprovdi għodda għall-koordinazzjoni fil-kummissjonijiet, il-gruppi politiċi u s-servizzi ta’ komunikazzjoni kollha. It-Task Force 3 b’hekk tiżgura l-konsistenza fil-ħidma leġiżlattiva tal-Patt Ekoloġiku tal-KtR u l-komunikazzjoni effettiva tagħha.
Networks u Pjattaformi oħra
Il-Kummissjoni ENVE hija responsabbli wkoll għall-attivitajiet relatati mal-Patt tas-Sindki, inizjattiva li tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda favur politiki aħjar dwar il-klima u l-enerġija.
Il-Kummissjoni ENVE hija impenjata fil-Patt Klimatiku Ewropew, li għandu l-għan li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex isawru Ewropa aktar ekoloġika. Il-membri tal-KtR huma mistiedna jissieħbu f’din l-inizjattiva bħala Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR. Permezz tal-proġett CoR 4 Climate Pact, il-KtR jappoġġja lill-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku tal-KtR fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti lokali dwar il-klima li għandhom l-għan li jrawmu sensibilizzazzjoni u jħaffu l-azzjoni klimatika fil-livell lokali.
Il-Kummissjoni ENVE hija responsabbli għall-ġestjoni konġunta tal-Pjattaforma għalll-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero mal-Kummissjoni Ewropea. Il-Pjattaforma twaqqfet biex tgħin fil-kisba tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero fi djalogu ma’ atturi minn komunitajiet u oqsma ta’ għarfien espert differenti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali.
L-impenn tal-ENVE fil-livell globali
Fil-livell globali, il-Kummissjoni ENVE għandha rwol ewlieni fl-involviment tal-KtR fil-konferenzi tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. Il-Kummissjoni ENVE hija responsabbli għall-koordinazzjoni tad-delegazzjoni tal-KtR għall-Konferenzi tal-Partijiet għall-UNFCCC, fosthom il-COP26 fi Glasgow fl-2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ENVE tikkoordina l-kontribut tal-KtR għall-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-NU. F’dan il-kuntest, it-tfassil konġunt tal-KtR tad-Dikjarazzjoni ta’ Edinburgu dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 huwa fost l-aħħar kisbiet tiegħu li jenfasizzaw l-importanza tal-governanza f’diversi livelli fil-livell globali.