Il- Kummissjoni SEDEC għandha mandat wiesa’, li jkopri għadd kbir ta’ oqsma ta’ politika, li jinkludu:
il-politika tal-impjiegi, il-politika soċjali u l-protezzjoni soċjali,
il-ħolqien ta' opportunitajiet ugwali,
l-edukazzjoni u t-taħriġ,
ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I),
l-aġenda diġitali, is-soċjetà tal-informazzjoni tal-UE,
in-Netwerks tal-ICT Trans-Ewropej,
l-industrija awdjoviżiva u t-teknoloġiji tal-midja,
iż-żgħażagħ u l-isport,
il-multilingwiżmu, il-promozzjoni tal-lingwi minoritarji, il-kultura u d-diversità kulturali.
Apparti dan, il-kummissjoni SEDEC tamministra l- Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien (KEP) , li hija forma ta’ kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u d- Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD). Il-pjattaforma tfittex li tippreżenta soluzzjonijiet R&I ġodda, prodotti innovattivi u l-aħjar prattika, billi torganizza seminars fi Brussell u avvenimenti bejn il-pari fir-reġjuni, jew tospita avvenimenti ta’ espożizzjoni li jikkontribwixxu għall-pjan ta’ azzjoni annwali tal-KEP.
Barra minn hekk, peress li l-2018 hija s- Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (EYCH 2018) , il-kummissjoni SEDEC ser taħtaf din l-okkażjoni sabiex tenfasizza r-rwol fundamentali tal-entitajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni, il-promozzjoni, il-protezzjoni u s-salvagwardja tal-wirt kulturali Ewropew.
L-EYCH hija opportunità unika biex jiġu involuti ċ-ċittadini, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, f’avvenimenti u proġetti li jenfasizzaw il-wirt kulturali u l-valuri tal-Ewropa.