Il-kooperazzjoni bejn il-pari
Il-ħidma tat-Task Force tal-Ukrajna evolviet matul is-snin mill-għoti ta’ pariri ġenerali dwar il-politiki għal proġetti aktar konkreti, b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-bini tal-kapaċità li jappoġġja r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Fl-2018, ġiet implimentata inizjattiva ta’ kooperazzjoni bejn il-pari bl-appoġġ tal-programm U-LEAD. Ħames pari ta’ msieħba mill-UE u l-Ukrajna ħadmu fuq proġetti fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku lokali, it-turiżmu, l-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp rurali u l-involviment taċ-ċittadini. Fl-aħħar avveniment ta’ għeluq fit-13 ta’ Frar 2019 fi Brussell, il-partijiet ikkonċernati kkonkludew li l-għanijiet tal-fażi pilota tal-kooperazzjoni bejn il-pari kienu ntlaħqu.
Il-fażi li jmiss tal-kooperazzjoni bejn il-pari saret fl-2022, bl-appoġġ tal-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea Kontra l-Korruzzjoni (EUACI) u l-kunċett tagħha ta’ “Bliet ta’ Integrità”. Il-bliet skambjaw esperjenzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ż-żieda fit-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika lokali.
Kif inhu magħmul?
Il-Grupp ta’ Ħidma huwa mmexxi minn Alexandra Dulkiewicz (PPE/PL) u jikkonsisti minn 13-il membru tal-KtR. Jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Ara min huma l-membri tal-Grupp ta’ Ħidma.