Il-Libja – L-Inizjattiva ta’ Nikosija  

Għaliex il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jaħdem ma' bliet Libjani

Sa mill-2015, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni żviluppa relazzjoni mill-qrib politika, u, dejjem aktar, prattika ħafna ma' bliet Libjani. Ir-relazzjoni għandha ż-żewġ miri li tgħinu biex ittejjeb is-servizzi pubbliċi fil-Libja u li tgħin lill-bliet Libjani jidħlu fil-komunità internazzjonali. Il-kooperazzjoni hija reazzjoni għat-taqlib politiku u n-nuqqas ta' sigurtà li l-Libja ilha tesperjenza mill-2011 'l hawn, li dgħajfu s-servizzi muniċipali fil-Libja, żammu l-bliet Libjani iżolati internazzjonalment, u bidlu l-pajjiż f'rotta ewlenija ta' transitu għall-migranti irregolari.

Fuq talba tal-bliet Libjani, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ilu minn Jannar 2016 jimmobilizza sħubijiet għall-awtoritajiet lokali tal-Libja. Il-KtR qed iqabbel it-talbiet tal-bliet Libjani ma' offerti ta' għarfien espert minn bliet u reġjuni tal-UE. L-għan huwa li titjieb ħajjet il-Libjani ordinarji billi l-muniċipalitajiet jiġu megħjuna jipprovdu servizzi aħjar f'oqsma li jvarjaw mill-kura tas-saħħa primarja għall-ġestjoni tal-iskart. L-inizjattiva hija wkoll kontribut – permezz tad-diplomazija tal-bliet – lejn l-istabbilizzazzjoni tal-Libja f'punt meta t-taqlib politiku u n-nuqqas ta' sigurtà wasslu għall-iffriżar tal-kooperazzjoni mal-Libjani.

Dan huwa proċess minn isfel għal fuq – magħruf fost il-parteċipanti bħala l-“Inizjattiva ta' Nikosija" – li jwieġeb għall-ħtiġijiet ta' wieħed mill-eqreb pajjiżi ġirien tal-UE kif ukoll wieħed mill-aktar fraġli. L-involviment tal-KtR jirrifletti t-twemmin tal-assemblea li d-diplomazija tal-bliet u d-diplomazija bejn il-pari jeħtieġ li jiġu attivati biex jiġui indirizzati sfidi internazzjonali, kbar u fit-tul. Huwa wkoll konformi mal-istrateġija globali tal-UE u kunvinzjoni li l-UE għandha taħseb globalment u taġixxi lokalment.

Ma' min qed jaħdem il-KtR?

Il-bliet Libjani li qed jipparteċipaw fl-Inizjattiva ta' Nikosija jew li magħhom il-KtR kien f'kuntatt jinkludu:

  • Tripoli (popolazzjoni stmata: 1,1 miljun)
  • Benghazi (popolazzjoni stmata: 630 000)
  • Ghariyan (190 000)
  • Tobruk (120 000)
  • Sabha (97 000)
  • Sirte (80 000)
  • Zintan (82 000)
  • Zliten (270 000)

Is-sindku ta' Tripli, Abdelrauf Beitelmal, u s-sindku ta' Zintan, u Mustafa Abdullah al-Baruni, qed jirrappreżentaw is-sindki tal-Libja, bħala l-punt fokali għal sħubijiet u bħala osservaturi tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM). Ħafna mill-membri Ewropej tal-ARLEM, li tlaqqa' flimkien lill-politikanti u r-rappreżentanti politiċi mill-UE u r-reġjun tal-Mediterran, huma membri tal-KtR.

Il-KtR iservi bħala s-segretarjat tal-ARLEM u tal-Inizjattiva ta' Nikosija.

Il-KtR kif qed jappoġġja l-bliet Libjani?

Il-KtR huwa assemblea politika. Il-pedament fit-tul tar-relazzjoni tal-KtR mal-Libja huwa politiku – xewqa biex bliet Libjani jiġu megħjuna jingħaqdu mal-komunità internazzjonali u jibbenefikaw mis-sħubijiet u l-għanijiet komuni li normalment jissawru bejn il-bliet u r-reġjuni permezz ta' kuntatt regolari.

Mill-2011 'l hawn, madankollu, il-Libja sofriet fil-livell nazzjonali minn taqlib politiku u l-qagħda tas-sigurtà u politika għadha fraġli. Il-kriżi affettwat is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajxien, u l-prospetti tal-Libjani madwar il-pajjiż. Madankollu, ħafna awtoritajiet lokali rnexxielhom iżommu jaħdmu s-servizzi bażiċi, u ħafna jgawdu mandat elettorali kontinwu u leġittimità popolari b'saħħitha. Matul il-kriżi, huma pprovdew ċerta stabbiltà għall-popolazzjonijiet tagħhom.

Il-KtR għalhekk ikkonkluda li l-appoġġ għal bliet u reġjuni tal-Libja kien mod wieħed promettenti kif l-UE tkun tista' tgħin lil-Libja. Il-bliet u r-reġjuni tal-UE kienu diġà wrew li għandhom l-esperjenza politika, il-kapaċità istituzzjonali u l-ħiliet tekniċi biex jgħinu lill-kontropartijiet tagħhom madwar id-dinja. Permezz tal-Inizjattiva ta' Nikosija, hija qed tfittex li żżid l-appoġġ għal-Libja f'oqsma identifikati bħala kritiċi mill-amministrazzjonijiet lokali tal-Libja.

X'tip ta' appoġġ jeħtieġu l-bliet Libjani?

Ir-reġjuni u l-bliet tal-UE pprovdew jew wegħdu appoġġ fl-oqsma li ġejjin:

  • Ġestjoni tal-ilma: Murcia (ES)
  • Ġestjoni tal-iskart: Antwerp (BE)
  • Kura tas-saħħa primarja: Vila Real (PT)
  • Amministrazzjoni pubblika: Nikosija (CY)
  • Tagħlim tal-lingwa Ingliża: Awtoritajiet lokali Maltin (MT)
  • Baġit: Fjandri (BE)

Matul żjarat ta' studju fl-UE, esperti Libjani għamlu żjarat fuq il-post f'faċilitajiet operazzjonali u ħadu sehem f'workshops u dibattiti.

Sindki Libjani u Ewropej akkumpanjaw kull żjara ta' studju, u kellhom laqgħat bil-għan li jistabbilixxu l-bażi għal relazzjonijiet aktar fit-tul.

Il-KtR bħalissa qed jaħdem fuq:

  • li jqabbel talbiet ma' offerti f'dawn l-oqsma li ġejjin: ibbaġitjar, xogħol maż-żgħażagħ, ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, is-sajd, kooperazzjoni internazzjonali
  • li jiżviluppa netwerk ta' skejjel Ewropej tal-amministrazzjoni lokali li lesti jipprovdu taħriġ għal-Libjani, potenzjalment li jwassal għall-istabbiliment ta' skola għall-amministrazzjoni pubblika fil-Libja
  • li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' proġetti fuq skala kbira li jinvolvu bliet Libjani u tal-UE.

Kronoloġija tar-relazzjoni

  • Lulju 2015: Delegazzjoni ta' ħames sindki Libjani żżur il-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell
  • Ottubru 2015: L-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) tistieden is-Sindku Beitelmal fi Brussell biex jattendi laqgħa tal-kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli bħala osservatur
  • Jannar 2016: Delegazzjoni ta' sindki Libjani ġiet mistiedna f'Nikosija, Ċipru, biex tattendi laqgħa plenarja annwali tal-ARLEM bħala osservatur. Is-Sindku Beitelmal jippreżenta ittra b'talba għal appoġġ f'sitt oqsma. L-ARLEM twieġeb billi tniedi l-“Inizjattiva ta' Nikosija"
  • Mejju 2016: L-ewwel riżultat tal-isforz ta' tlaqqigħ tal-KtR huwa żjara ta' studju dwar il-ġestjoni tal-ilma, organizzata u ospitata mir-Reġjun ta' Murcia
  • Ġunju 2016: Żjara ta' studju koorganizzata mal-Belt ta' Antwerp b'enfasi fuq il-ġestjoni tal-iskart. Matul iż-żjara ta' studju delegazzjoni ta' sindki Libjani ltaqgħet ma' Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea
  • Settembru 2016: Iż-żjara ta' studju koorganizzata mal-Muniċipalità ta' Vila Real, il-Portugall, bil-għan li jiġu skambjati prattiki tajba fis-settur tas-saħħa primarja
  • Settembru – Ottubru 2016: Sessjonijiet ta' taħriġ koorganizzati mal-Muniċipalità ta' Nikosija, Ċipru, f'oqsma bħall-ġestjoni tar-riżorsi umani, kontroll amministrattiv u konverżjoni mill-ġdid ta' siti storiċi
  • Frar 2017: Skambju koorganizzat mill-gvern tal-Fjandri dwar il-ġestjoni finanzjarja u t-trasparenza
  • Marzu 2017: Workshop fuq il-post u żjara ta' studju f'Tozeur, it-Tuneżija, bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-aħjar teknoloġija għall-installazzjoni ta' Unitajiet tal-Kompost għall-iskart organiku f'sitt muniċipalitajiet Libjani.
  • April 2017: Taħriġ pilota għal 20 żagħżugħ opinjonista fil-Paċi Pożittiva, organizzat b'mod konġunt mal-UNICEF u l-Istitut għall-Ekonomija u l-Paċi
  • Mejju 2017: L-ewwel laqgħa tan-Netwerk ta' skejjel tal-amministrazzjoni pubblika għal-Libja ma' universitajiet Libjani u Muniċipalitajiet. L-għan tal-laqgħa kien li tiġi pprovduta l-ewwel valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-muniċipalitajiet Libjani u jesplora modi differenti li bihom l-Universitajiet jistgħu jgħinuhom fil-bini tal-kapaċità
  • Ġunju 2017: Stambju ta' studju organizzat mir-Reġjun ta' Friuli Venezia Giulia, l-Italja, li jiffoka fuq is-sajd u kooperattivi tas-sajd
  • Ottubru 2017: Seminar internazzjonali dwar Strateġiji, għodod u teknoloġiji urbani fl-era ta' sostenibbiltà fil-belt ta' Sfax
  • Novembru 2017: L-ewwel blokk ta' tliet moduli għall-iskejjel dwar kwistjonijiet urġenti għal rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Libjani
  • Novembru 2017: jumejn ta' taħriġ/coaching għal riċerkaturi lokali fit-Tuneżija dwar it-trasparenza u l-governanza tajba
  • Novembru/Diċembru 2017: 100 siegħa ta' Taħriġ għal 20 tekniku Libjan fit-trattament tal-ilma mormi u l-użu mill-ġdid tal-irrigazzjoni.

Din l-inizjattiva mill-Kumitat tar-Reġjuni ma tkunx possibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju u politiku tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tad-DĠ NEAR tal-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir), permezz tal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Pubblika tal-UE għal-Libja.

L-appoġġ ta' loġistika huwa pprovdut minn Crown Agents, organizzazzjoni internazzjonali tal-iżvilupp.

L-Unjoni għall-Mediterran, li tgħaqqad flimkien it-28 Stat Membru tal-UE u 15-il stat tal-Mediterran, ipprovdiet ukoll appoġġ politiku qawwi. Il-Libja mhijiex membru tal-Unjoni għall-Mediterran.

Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-UE, iddeskriviet il-kooperazzjoni tal-KtR mal-bliet Libjani bħala eżempju ta' “diplomazija fil-livell tal-bliet fl-aqwa tagħha". Hija sostniet li “il-muniċipalitajiet jistgħu jaqdu rwol ċentrali fir-rikostruzzjoni tal-Libja, u għandna bżonn [il-KtR] nibqgħu nimpenjaw ruħna magħhom. Huma għandhom bżonnkom bħala msieħba f'dan iż-żmien diffiċli." Hija ddikjarat il-konvinzjoni tagħha li l-bliet u r-reġjuni jridu jaqda parti attiva f'“arkitetturi ġodda" fil-politika barranija.


  
Il-KtR iqis li dan l-approċċ minn isfel għal fuq huwa adattat għal trasformazzjoni fi proġetti fit-tul u għall-programmi mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea, bil-KtR jipprovdi appoġġ politiku. L-Unjoni għall-Mediterran tista' wkoll tittrasforma xi wħud minn dawn l-inizjattivi fuq skala żgħira fi proġetti fit-tul.

Share: