Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ninsabu lesti li naqilbu għal ekonomija ċirkolari  

F’din l-intervista, Tjisse Stelpstra (NL/KRE), il-ministru reġjonali tal-Provinċja ta’ Drenthe, iwieġeb sitt mistoqsijiet dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (NCEAP), is-sett ta’ proposti tal-UE biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi permezz tal-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti durabbli, li jistgħu jerġgħu jintużaw u li jistgħu jissewwew. Wara l-pubblikazzjoni tal-NCEAP mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta’ Marzu 2020, Tjisse Stelpstra qed imexxi l-kontribut tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’ Opinjoni li għandha tiġi adottata matul is-sessjoni plenarja tat-12-14 ta’ Ottubru 2020. L-ekonomija ċirkolari hija pilastru ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE dwar it-tkabbir biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Sur Stelpstra, inti r-relatur tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (NCEAP): tista’ tgħidilna għaliex dan is-suġġett huwa importanti?

Iċ-ċirkolarità mhijiex biss il-mod ewlieni kif insalvaw ir-riżorsi skarsi tal-pjaneta, iżda wkoll mezz ewlieni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO 2 u għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna. L-ekonomija ċirkolari hija għalhekk kruċjali għall-ġlieda kontra t-tisħin globali. Mingħajr dubju, din hija r-raġuni għalfejn l-ekonomija ċirkolari hija kapitolu ewlieni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew ippreżentat minn Frans Timmermans, il-President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-ekonomija ċirkolari tinsab wara kull bieb tad-dar. L-importanza tagħha tinsab fil-fatt li tindirizza problemi kbar – mill-użu tar-riżorsi għall-iskart u t-tniġġis, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak individwali. Iċ-ċirkolarità ma tirrigwardax biss l-ekonomija, l-industrija u l-ħtieġa għal produzzjoni b’mod responsabbli. Hija dwar il-mod kif ngħixu u nikkunsmaw, mill-ħwejjeġ li nixtru, sa kif id-djar tagħna huma mibnija, l-ammont ta’ skart li nipproduċu u l-kwantità ta’ ilma li nużaw. Dawn huma għażliet ta’ kuljum u rridu nbiddlu x-xejriet tagħna biex nikkunsmaw aktar konxjament u b’mod aktar sostenibbli sabiex nimxu flimkien lejn soċjetà ċirkolari. Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari huwa sett importanti ta’ għodod li jgħinuna f’dan l-isforz enormi u kruċjali.

L-NCEAP ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fil-bidu tal-kriżi tal-COVID-19. Taħseb li l-ekonomija ċirkolari għandha rwol partikolari x’taqdi fil-kuntest il-ġdid tal-kriżi tas-saħħa u l-kriżi ekonomika?

Assolutament! Jeħtieġ li nagħmlu sforz kbir biex jissewwa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-lockdown b’reazzjoni għall-COVID-19. Madankollu, irridu nirrikonoxxu li meta neqirdu l-pandemija tal-COVID-19, li nittama li se jkun dalwaqt ħafna, l-emerġenza tal-klima xorta se tkun magħna. It-tifqigħa tal-COVID-19 wriet il-vulnerabbiltà tagħna u d-dipendenza enormi tagħna fuq il-materja prima. Nafu li s-swieq ekoloġiċi jġibu magħhom opportunitajiet ekonomiċi kbar u impjiegi. Mela ħalli l-COVID-19 isservi ta’ twissija. Verament irridu nagħmlu minn din il-kriżi opportunità u nagħfsu l-buttuna ħadra tar-reset biex nibdlu s-soċjetà tagħna f’waħda sostenibbli.

X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-NCEAP? Huwa ambizzjuż biżżejjed li jiżgura tranżizzjoni rapida għall-ekonomija ċirkolari?

L-NCEAP propost mill-Kummissjoni Ewropea huwa ambizzjuż, iżda jista’ jkun aktar konkret f’termini ta’ azzjonijiet u perjodi ta’ żmien. Dwar diversi kwistjonijiet ewlenin, neħtieġu aktar impenn u miri speċifiċi biex nixprunaw il-bidla. Pereżempju, rigward il-prevenzjoni tal-iskart u l-akkwist pubbliku, verament irridu nagħmlu passi kbar ’il quddiem. L-iffissar ta’ miri realistiċi iżda ta’ sfida, jekk ikun meħtieġ b’differenzjazzjoni reġjonali, se jistimula teknoloġiji innovattivi u l-adozzjoni tagħhom fis-suq. Dan se jwassal għal progress reali. Barra minn hekk, l-NCEAP seta’ integra b’mod aktar sħiħ ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Smajt kemm-il darba li “ir-reġjuni huma kbar biżżejjed biex jagħmlu differenza u żgħar biżżejjed biex jagħmluha realtà.” Naħseb dan huwa l-punt kruċjali hawnhekk.

Mill-esperjenza tiegħek, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif jistgħu jikkontribwixxu aħjar u jkollhom impatt akbar fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari?

Il-bliet u r-reġjuni għandhom ħafna opportunitajiet biex ikunu l-mutur wara l-bidla lejn ekonomija ċirkolari, billi jibdew jimplimentaw azzjonijiet eżemplari dwar l-akkwist pubbliku. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jistabbilixxu standards u jmexxu s-suq lejn prodotti u servizzi aktar sostenibbli. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni reġjonali hija essenzjali għas-sħubijiet pubbliċi-privati, li aħna neħtieġu sabiuex intejbu x-xejriet ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli li huma fundamentali għall-ekonomija ċirkolari. Il-ġestjoni u l-ipproċessar tal-iskart huwa qasam ieħor li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol kbir. Dawn għandhom kompetenzi u għandhom responsabbiltajiet kbar f’termini ta’ regolamentazzjoni, flimkien mal-għarfien u l-esperjenza. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandha tiżviluppa strateġija innovattiva ffukata fuq il-ġbir u ż-żarmar tal-iskart. L-Ewropa teħtieġ l-għarfien u l-esperjenza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali akkumulaw dwar il-ġbir u t-trattament tal-iskart. Barra minn hekk, l-għarfien u l-kompetenzi esperti reġjonali huma meħtieġa ħafna sabiex jiġu kkontribwiti għad-djalogu osservazzjonijiet komprensivi u profondi dwar il-flussi ta’ materjal. Fir-rigward ta’ dan l-aspett, qed nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tikkondividi l-flussi ta’ materjal pubblikament permezz ta’ sistema diġitali fil-livell Ewropew. Qasam ewlieni ieħor fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari huwa l-ilma. Il-bliet u r-reġjuni huma responsabbli għall-kwalità tal-ilma. L-ilma huwa l-aktar riżorsa importanti tagħna, iżda l-akbar fluss ta’ skart tal-unitajiet domestiċi u tal-industrija wkoll. Dan fih ħafna nutrijenti li jistgħu jiġu rkuprati u l-ilma għandu jerġa’ jintuża kemm jista’ jkun.

Tista’ taqsam magħna l-aħjar prattika mir-reġjun tiegħek?

Forsi wieħed mill-aħjar eżempji huwa Circular Friesland Association. Dan in-network ilaqqa’ flimkien kumpaniji, gvernijiet, istituzzjonijiet tal-għarfien u NGOs fuq skala reġjonali. Huma determinati li jgħinu lill-Friesland isir l-aktar reġjun ċirkolari fl-Ewropa sal-2025 minħabba li jaħsbu li huwa meħtieġ, iżda fuq kollox għax iriduh. Il-motto tagħhom huwa li jaħsbu inqas iżda jagħmlu aktar. L-oqsma ta’ attività jvarjaw mill-agrikoltura għall-mobbiltà u mill-bijomassa għall-edukazzjoni. Billi jaqsmu l-għarfien u jispiraw u jimmotivaw lil xulxin, l-iżviluppi għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw. Waħda mill-imħuħ wara din l-inizjattiva hija Ingrid Zeegers, li tappoġġjani bħala espert fl-Opinjoni li jiena relatur tagħha. Hija tibdel l-għarfien globali tagħha f’porzjonijiet żgħar ta’ tagħrif għall-intraprendituri u inizjattivi lokali. Nara l-entużjażmu tagħha f’ħafna oħrajn li qed jikkontribwixxu wkoll biex issir il-bidla lejn ekonomija ċirkolari. L-intraprendituri fir-reġjun tat-Tramuntana tan-Netherlands li tkellimna magħhom waqt li konna qed inħejju l-Opinjoni wkoll jaqsmu ħidmiethom b’passjoni u huma impenjati bis-sħiħ li jġibu ċ-ċirkolarità għal livell ogħla. Jiena nemmen li soċjetà ċirkolari hija soċjetà kuntenta.

Diġà jeżistu għadd ta’ inizjattivi ddedikati għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari: il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, is-Sħubijiet tal-Aġenda Urbana, l-Inizjattiva għal Bliet u Reġjuni Ċirkolari, biex insemmu biss uħud minnhom. Fil-fehma tiegħek, x’azzjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġjati (aħjar) l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari?

Is-suċċess jibda bil-qsim ta’ eżempji tajbin u ta’ ispirazzjoni għal xulxin. In-networks huma ideali għal dan. Iżda l-aħjar appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li l-Ewropa tista’ tagħti huwa li tipproduċi Pjan ta’ Azzjoni b’saħħtu u konkret. Inqas diskors, naġixxu aktar! Il-bliet u r-reġjuni huma ħafna drabi dawk li jġarrbu l-effetti negattivi tal-prodotti li m’għadhomx jintużaw. Aħseb dwar it-tniġġis tal-ilma, l-arja u l-ħamrija. Il-produttur ma għandu l-ebda responsabbiltà f’dan ir-rigward. Dan irid jinbidel, u bl-appoġġ tal-kollegi kollha tiegħi fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ninsabu lesti biex inwettqu din il-bidla.

Sfond:

L- Opinjoni ta’ Tjisse Stelpstra għandha l-għan li ssaħħaħ il-pilastru lokali u reġjonali tal-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari biex il-bliet u r-reġjuni jitqiegħdu fil-qalba tiegħu. L-opinjoni ser tiġi adottata matul is-sessjoni plenarja tat-12-14 ta’ Ottubru 2020. Aqra l-aħħar “Taħt il-Lenti” tagħna hawnhekk.

Il-ġenerazzjoni annwali ta’ skart mill-attivitajiet ekonomiċi kollha fl-UE tammonta għal 2.5 biljun tunnellata ( Eurostat ). Dan ifisser 5 tunnellati per capita fis-sena. Illum, ma hemm l-ebda sett komprensiv ta’ rekwiżiti legali u ta’ politika biex jiġi żgurat li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jsiru dejjem aktar sostenibbli u jgħaddu mit-test taċ-ċirkolarità. Dan huwa l-għan tal- Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea li ġie ppreżentat fil-11 ta Marzu 2020.

Bħala pilastru ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ekonomija ċirkolari hija kruċjali biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 . Fil-15 ta’ Ġunju 2020, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni nieda l-grupp ta’ ħidma 'Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali' . Magħmul minn 13-il rappreżentant elett fuq livell lokali u reġjonali , il-grupp għandu l-għan li jittrasforma l-Ftehim Ekoloġiku fi proġetti konkreti u jwassal il-finanzjament dirett fil-bliet u r-reġjuni biex iwettqu t-tranżizzjoni sostenibbli fuq il-post.

Kuntatti:

Andrea Huisman

A.Huisman@drenthe.nl

David Crous

david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/A-MORE-RESILIENT-INCLUSIVE-AND-DEMOCRATIC-EUROPE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-STAND-READY-TO-SWITCH-TO-A-CIRCULAR-ECONOMY.ASPX

A more resilient, more inclusive and more democratic Europe at the centre of a debate with Oliver Röpke, President of the European Economic and Social Committee
A more resilient, more inclusive and more democratic Europe at the centre of a debate with Oliver Röpke, President of the European Economic and Social Committee
26.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-POLICIES-FOR-SUSTAINABLE-FOOD-SYSTEMS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-STAND-READY-TO-SWITCH-TO-A-CIRCULAR-ECONOMY.ASPX

Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
Local and regional leaders want a stronger role and more coherence in EU policies for sustainable food systems
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-LONG-TERM-BUDGET-MUST-BE-IMPROVED-TO-TACKLE-CURRENT-AND-FUTURE-CHALLENGES-AND-PROMOTE-COHESION.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-STAND-READY-TO-SWITCH-TO-A-CIRCULAR-ECONOMY.ASPX

EU long-term budget must be improved to tackle current and future challenges and promote cohesion
EU long-term budget must be improved to tackle current and future challenges and promote cohesion
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BETTER-PREPARE-FUTURE-CRISES-EXTREME-EVENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-STAND-READY-TO-SWITCH-TO-A-CIRCULAR-ECONOMY.ASPX

Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/155-PLENARY-ANNOUNCEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-STAND-READY-TO-SWITCH-TO-A-CIRCULAR-ECONOMY.ASPX

On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
23.05.2023