F’din l-intervista, Piotr Całbecki (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie, iwieġeb ħames mistoqsijiet relatati mal-ġestjoni tal-ilma fil-kuntest tal-COVID-19 u tat-tisħin globali li mhux qed jonqos. Ir-relatur tal-Opinjoni tal-KtR dwar Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar jitlob għal bidla fundamentali li tpoġġi ċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tal-mod tagħna kif nużaw ir-riżorsi naturali, u b’mod partikolari l-ilma. L-abbozz ta’ opinjoni ser issir votazzjoni dwaru fil- laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni ENVE fit-8 ta’ Ġunju . L-Opinjoni hija skedata li tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju flimkien ma’ dibattitu ta’ livell għoli dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Bħala r-relatur dwar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, tista’ tgħidilna għaliex dan is-suġġett huwa importanti għall-UE u r-reġjuni u l-bliet tagħha? Kif tivvaluta l-implimentazzjoni tagħha wara 20 snin mid-dħul fis-seħħ tagħha u x’tagħlimiet nistgħu nisiltu minnha?
Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kellha effetti pożittivi ħafna. Mhux biss billi tejbet l-istat ekoloġiku tal-ekosistemi tal-ilma ħelu u dawk kostali fl-Ewropa, iżda wkoll billi żiedet is-sensibilizzazzjoni ambjentali tas-soċjetà tagħna. Madankollu, wara 20 snin ta’ implimentazzjoni, tfaċċaw sfidi ġodda kif ukoll soluzzjonijiet ġodda. Fost l-isfidi ġodda li qed niffaċċjaw hemm is-sintomi li qed jiżdiedu tat-tisħin globali u l-ħtieġa urġenti li jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u strateġija ġdida biex tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari u lill-bijoekonomija. L-ewwel nett, neħtieġu soluzzjonijiet sistemiċi, li se jittrasformaw it-theddida ta’ nixfiet f’opportunitajiet, u għandna nibdew billi nintegraw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar l-Għargħar. Barra minn hekk, jeħtieġ li nxerrdu soluzzjonijiet innovattivi u nisfruttaw l-opportunitajiet maħluqa mill-ekoidroloġija u minn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Dawn huma għodod effettivi, speċjalment għall-mitigazzjoni tal-impatti intermedji, bħat-tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati minn żoni agrikoli u urbanizzati, li jiġġeneraw madwar 50 % tas-sustanzi li jniġġsu f’xi żoni fejn jinġabar l-ilma.
Inti l-President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie. L-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa huma wkoll sfida dejjem akbar fil-Polonja. Kemm hu importanti li jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġestjoni tal-ilma?
Ir-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie huwa wieħed mill-aktar reġjuni diversifikati fil-Polonja fir-rigward tar-riżorsi tal-ilma. Madankollu, qed inħabbtu wiċċna wkoll ma’ problemi li jeħtieġ li nsolvu b’urġenza. Il-livelli tal-ilma fix-xmara Vistula naqsu b’mod drammatiku minħabba n-nixfiet f’dawn l-aħħar snin. Fin-naħa tan-Nofsinhar tar-reġjun tagħna, l-art agrikola intensiva kienet esposta għall-iskarsezza tal-ilma, li ġġenerat erożjoni tal-ħamrija, tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati fil-lagi u x-xmajjar, u tnaqqis fit-tul fis-sostenibbiltà. Madankollu, fil-parti tat-Tramuntana tar-reġjun, il-foresti u l-lagi naturali kbar huma ġenna għall-bijodiversità. Bħala president reġjonali bi grad universitarju fir-restawr tal-lagi, ninsab f’pożizzjoni ideali biex inkun naf li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali għall-ġestjoni tal-ilma. Ninsabu fl-aħjar pożizzjoni biex nidentifikaw l-isfidi speċifiċi li kull territorju u komunità qed jiffaċċjaw, iżda ninsabu f’pożizzjoni aħjar biex niżviluppaw politiki mfassla apposta li jqisu dawk l-istess speċifiċitajiet.
It-tibdil fil-klima u l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollhom impatt kbir fuq ir-riżorsi tal-ilma, is-servizzi u t-twassil fl-Ewropa u fid-dinja. X’għandu jsir biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal ilma nadif u ta’ kwalità tajba?
Irridu nibdlu l-perċezzjoni tagħna ta’ kif ninteraġixxu man-natura. Irridu nittrasformaw l-approċċ mekkanistiku – li għadu għaddej – li permezz tiegħu nippermettu lilna nfusna li nikkonsmaw riżorsi naturali, bil-għama u mingħajr kontroll, iktar u iktar meta kostantament qed niddepożitaw lura l-iskart u s-sustanzi niġġiesa. Jeħtieġ li nevolvu u nħaddnu approċċ tal-ekosistema li jpoġġi ċ-ċirkolarità fiċ-ċentru tal-mod kif nużaw ir-riżorsi naturali, u b’mod partikolari l-ilma. Is-sostenibbiltà fil-ġestjoni tal-ilma mhijiex possibbli mingħajr teħid ta’ deċiżjonijiet responsabbli u inklużiv li jiżgura li l-ilma nadif ikun aċċessibbli għal kulħadd.
L-Opinjoni tiegħek se tikkontribwixxi wkoll għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta s-sena d-dieħla. Xi jkun il-messaġġ ewlieni tiegħek f’dan il-kuntest?
Il-messaġġ prinċipali tiegħi huwa li jeħtieġ li nibdlu r-relazzjoni tagħna man-natura u, konsegwentement, li niżviluppaw politiki li jirrispettaw l-ambjent. Fil-perjodu Antropoċenu li ngħixu fih, perjodu li fih l-attività umana hija l-influwenza dominanti fuq il-klima u l-ambjent, ilkoll kemm aħna għandna nieħdu d-deċiżjonijiet b’mod responsabbli. Se nkomplu niddegradaw in-natura u noħolqu theddida diretta għaċ-ċivilizzazzjoni umana, jew se nitgħallmu niġġestixxu r-riżorsi b’mod sostenibbli? Għandna opportunità kbira biex nimxu lejn ekonomija ċirkolari li tirrispetta l-ambjent, li tikkonsma ilma u riżorsi vitali oħra b’mod sostenibbli. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija huwa kruċjali f’din il-bidla.
L-Opinjoni tiegħek tikkonċerna sfidi relatati mal-għargħar, it-tniġġis tal-ilma u l-konsegwenzi ambjentali tal-attività tal-bniedem. Liema strumenti għandhom bżonn l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iwieġbu aħjar għal dawn l-isfidi?
L-impatt tal-attività tal-bniedem fuq l-ambjent u r-riżorsi tal-ilma b’mod partikolari għandu effett kumulattiv u qed joħloq ċirku vizzjuż perikoluż. Neħtieġu paradigma ġdida bbażata fuq evidenza xjentifika li tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu l-aħjar għażliet ta’ politika. Biex jinkiseb dan, huwa importanti li tiġi stabbilita kooperazzjoni permanenti bejn dawk li jfasslu l-politika fi-livell lokali u reġjonali u x-xjenzjati. Bħala eżempju, aħna kburin li nsemmu l-kooperazzjoni tagħna mal-Professur Maciej Zalewski, id-direttur taċ-Ċentru Reġjonali Ewropew għall-Ekoidroloġija (ERCE – European Regional Centre for Ecohydrology ), l-istitut internazzjonali tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi ddedikat għall-istudju tal-interazzjonijiet bejn l-ilma u s-sistemi ekoloġiċi.
Bħala t-tieni pass, neħtieġu strumenti addizzjonali biex insaħħu l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà, is-sensibilizzazzjoni fil-komunitajiet tagħna u l-iżvilupp ta’ għarfien u valuri li jwasslu għal tendenzi ta’ għajxien aktar sostenibbli. Id-dinja diġitali ġġib magħha opportunitajiet enormi biex iċ-ċittadini jkunu direttament involuti f’dan l-isforz. Applikazzjoni mobbli li ġiet żviluppata reċentement mill-proġett AMBER (Adaptive Management of Barriers in European Rivers) hija eżempju tajjeb, peress li tinkludi wkoll programm ta’ “xjenza taċ-ċittadini” li jinvolvi lill-awtoritajiet, lill-NGOs u lill-pubbliku fil-ġbir u t-tixrid tad-data. Illum, il-Patt Ekoloġiku Ewropew joffri opportunitajiet ġodda, peress li jipprovdi viżjoni koerenti bbażata fuq qafas interdixxiplinari sod. Huwa għalhekk li ninsab ottimist dwar il-futur.
Noti:
L-abbozz ta’ opinjoni Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar mir-relatur Piotr Całbecki (PL/PPE) huwa disponibbli bi 23 lingwa tal-UE u se ssir votazzjoni dwaru matul il-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni ENVE fit-8 ta’ Ġunju. Id-dokumenti tal-laqgħa jistgħu jitniżżlu minn hawnhekk.
Terz tal-art tal-UE ibati minn stress tal-ilma. L-iskarsezza tal-ilma hija ta’ tħassib f’ħafna Stati Membri. Filwaqt li t-tibdil fil-klima jirriżulta f’xejriet tat-temp imprevedibbli, wieħed għandu jistenna li jiżdiedu n-nixfiet u n-nuqqasijiet fili jonqsu l-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi tal-ilma ħelu. L-istqarrija għall-Istampa tal-KtR tal-11/12/2018 dwar “Reusing water for agriculture and keeping our urban areas green” (Nużaw l-ilma mill-ġdid għall-agrikoltura u nżommu ż-żoni urbani tagħna ekoloġiċi).
Persuna ta’ kuntatt:
David Crous
Tel.: +32 (0) 470 88 10 37
david.crous@cor.europa.eu