F’din l-intervista Francina Armengol (ES/PSE) , President tal-Gżejjer Baleariċi, twieġeb sitt mistoqsijiet dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fil-gżejjer tal-Mediterran. Francina Armengol tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija ġdida li tallinja aħjar il-politiki u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE mal-partikolaritajiet tal-gżejjer tal-Mediterran sabiex tinbena reżiljenza akbar għad-diżastri naturali u l-kriżijiet tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19. Dawn il-proposti jinġabru fl-Opinjoni tal-KtR “Lejn użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fil-kuntest insulari tal-Mediterran” li għandha tiġi adottata matul is- sessjoni plenarja tat-12-14 ta’ Ottubru 2020.
Is-sostenibbiltà hija element ewlieni tal-Opinjoni li qed tħejji għas-sessjoni plenarja li jmiss tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, liema kwistjonijiet huma partikolarment rilevanti għall-gżejjer tal-Mediterran?
Nilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex nimxu lejn in-newtralità klimatika permezz tal-Patt Ekoloġiku u permezz ta’ qafas ta’ tranżizzjoni ġusta li se jagħmel possibbli l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-gżejjer tal-Mediterran u konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-maġġoranza tal-abitanti tal-gżejjer tal-UE jgħixu fil-gżejjer tal-Mediterran. Ir-rikkezza eċċezzjonali tal-ekosistemi Mediterranji u l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għall-iżvilupp soċjoekonomiku u t-tibdil fil-klima jagħmlu l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali skarsi ta’ dawn il-gżejjer sfida ewlenija. Għandu jiġi nnutat li mis-sena 2000, il-Gżejjer Baleariċi tilfu 22 punt f’termini ta’ konverġenza lejn il-medja Ewropea, imkejla skont il-PDG per capita, minkejja l-fatt li matul l-istess perjodu l-għadd ta’ turisti rdoppja. Għandna ħafna aktar viżitaturi u madankollu m’aħniex aktar prosperużi, li juri b’mod ċar li hemm problema strutturali fil-mudell tagħna. Nistgħu nsolvu din il-problema parzjalment permezz ta’ protezzjoni ambjentali msaħħa u riformi strutturali aktar b’saħħithom sabiex inżidu l-kwalità tas-servizzi tagħna u niddiversifikaw aktar l-attivitajiet ekonomiċi tagħna.
Il-Gżejjer Baleariċi huma minn ta’ quddiem f’termini ta’ sostenibbiltà fil-Mediterran. L-awtoritajiet reġjonali jinsabu f’pożizzjoni aħjar milli huma l-gvernijiet nazzjonali biex jaqdu r-rwol ta’ trendsetters?
Assolutament. Fil-fatt, is-sena l-oħra l-Parlament tal-Gżejjer Baleariċi adotta żewġ liġijiet importanti li jmorru f’dik id-direzzjoni. Minn naħa waħda, ipprojbixxejna firxa wiesgħa ta’ prodotti li jintużaw darba biss permezz ta’ liġi reġjonali ġdida dwar l-iskart u l-ħamrija kkontaminata li se jkollha impatt profond fuq il-prevenzjoni tal-iskart. Fuq front ieħor, il-liġi l-ġdida dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha taċċellera b’mod sinifikanti l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-gżejjer tagħna. Għandna l-għan li nrawmu r-rwol tagħna bħala trendsetters f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ gżejjer oħrajn fil-Mediterran, sabiex naqsmu l-aħjar prattiki u politiki u nespandu alleanzi bħas-sħubija “Med Insulae”, li ġiet stabbilita f’Sardinja, Korsika, Għawdex u fil-Gżejjer Baleariċi.
It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 bla dubju żvelat punti dgħajfa fis-soċjetà tagħna. X’kien l-impatt tagħha fuq il-Gżejjer Baleariċi s’issa?
Il-kriżi tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltà partikolari tat-territorji insulari, li r-riżorsi tagħhom huma skarsi. Il-firxa globali tal-COVID-19 qed taffettwa ħafna wkoll l-ekonomiji Mediterranji, li l-biċċa l-kbira minnhom huma dipendenti ħafna fuq it-turiżmu u servizzi relatati. F’dak is-sens, l-ispeċjalizzazzjoni għolja tagħna fis-settur tat-turiżmu tagħmel l-ekonomija tagħna aktar fraġli u vulnerabbli mill-ekonomiji kontinentali. Barra minn hekk, il-COVID-19 wera l-vulnerabbiltà tas-sistemi agroalimentari tagħna. Għalhekk inħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex iressqu proposti u investimenti ġodda biex is-sistemi agroalimentari fil-gżejjer tal-Mediterran isiru aktar reżiljenti u sovrani, sabiex ikun hemm biżżejjed produzzjoni tal-ikel biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjonijiet bħal diżastri naturali, kunflitti politiċi u soċjali u kriżijiet tas-saħħa bħall-COVID-19, fejn il-provvisti ma jistgħux jaslu minn barra.
Stajt taqsam l-aħjar prattiki ma’ gżejjer oħrajn tal-Mediterran waqt il-kriżi u fejn tara r-rwol tal-Unjoni Ewropea f’dan il-proċess, speċjalment fil-kuntest ta’ futur aktar f’saħħtu u aktar sostenibbli?
Aħna nqisu li huwa kruċjali li jsir skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki mal-imsieħba tagħna fil-Mediterran, u qed naħdmu f’dik id-direzzjoni b’mod partikolari fil-ġestjoni tas-setturi tagħna tat-trasport u tas-saħħa, fost oqsma oħrajn. Barra minn hekk, nixtiequ li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija għall-gżejjer tal-Mediterran li tqis il-karatteristiċi u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tagħhom u li tiżviluppa sħubija msaħħa bejn dawn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-UE permezz ta’ miżuri speċifiċi u kkoordinati.
Il-gżejjer tal-Mediterran huma hotspot turistiku, u l-COVID-19 biddel l-attenzjoni minn sostenibbiltà ambjentali għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ta’ ġestjoni tas-saħħa relatati mal-mod kif tiffunzjona d-dinja tagħna. Fejn tara l-aħjar bilanċ u x’għandu jkun ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali?
Huwa ċar li l-awtoritajiet reġjonali jeħtieġu l-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej u, għal din ir-raġuni, nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta pjan strateġiku pluriennali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-gżejjer Ewropej fil-Mediterran.
X’inhuma l-proposti konkreti tiegħek għall-futur tal-gżejjer tal-Mediterran, anke fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew?
Aħna nħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija għall-gżejjer tal-Mediterran f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-Rappreżentanzi Permanenti fi Brussell u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-istrateġija għandha tapplika kif suppost u b’mod effettiv l- Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) , li jistipula li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gżejjer fir-rigward tar-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fit-tnaqqis tad-disparitajiet. Din l-istrateġija għandha tinkludi aġġustament aħjar tal-politiki differenti tal-UE u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE għaċ-ċirkostanzi attwali tal-gżejjer tal-Mediterran sabiex tgħinhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet mhux mistennija, bħal diżastri naturali u kriżijiet tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19. Aħna nemmnu li din l-istrateġija l-ġdida għall-gżejjer tal-Mediterran għandha tinkorpora pjani ta’ azzjoni speċifiċi f’oqsma ewlenin bħas-settur agroalimentari u t-titjib tal-istruttura tal-produzzjoni tagħna, it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u l-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar ġodda sabiex tiġi protetta l-bijodiversità u tiżdied is-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali tal-gżejjer tal-Mediterran.
Mill-gvern tal-Gżejjer Baleariċi, aħna allinjati bis-sħiħ mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’dak is-sens, fl-2018 adottajna digriet għall-konservazzjoni tal-posidonia oceanica, li hija speċi ta’ ħaxix tal-baħar li hija endemika għall-Baħar Mediterran (Digriet 20/2018, tas-27 ta’ Lulju). Id-digriet jipprojbixxi l-ankraġġ fuq il-posidonia oceanica u jipprojbixxi kwalunkwe attività oħra li tista’ tkun ta’ ħsara għaliha. Jirregola wkoll l-użu tal-ħaxix mejjet, biex jimmira aħjar l-azzjonijiet ta’ sostenibbiltà, jiddemarka żoni ta’ dan il-ħaxix skont l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.
Mill-gvern tal-Gżejjer Baleariċi, aħna impenjati li nkomplu naħdmu biex niżviluppaw il-miżuri kollha meħtieġa biex nappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku u nikkontribwixxu biex nilħqu n-newtralità klimatika sal-2050.
Kuntatt għall-Istampa: pressecdr@cor.europa.eu