Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jitlob it-tneħħija tal-ostakli eżistenti li jfixklu l-iskjerament sħiħ tal-komunitajiet lokali tal-enerġija fl-Ewropa L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi prinċipali biex l-Ewropa teqreb iktar lejn l-għanijiet tagħha tal-enerġija u tal-klima. Il-produzzjoni tal-enerġija fil-livell lokali hija kruċjali għat-trawwim tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-tixrid tad-demokrazija enerġetika u għat-tnaqqis tar-rati tal-faqar enerġetiku. Illum, madwar 50 miljun unità domestika fl-Ewropa qegħdin isibuha diffiċli jkollhom tisħin adegwat tad-dar ( EPOV ). Madwar EUR 180 biljun ta’ investimenti addizzjonali huma meħtieġa kull sena biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija tal-UE 2030 miftiehma f’ Pariġi , inkluż tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (mil-livelli tad-90ijat).
Hekk kif progressivament l-aspetti differenti tal-pakkett tal-UE dwar l-enerġija nadifa qegħdin jieħdu forma u ġimagħtejn wara l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex tintlaħaq in-newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta Opinjoni b’rakkomandazzjonijiet għall-iżblokkar sħiħ tal-komunitajiet tal-enerġija lokali, inklużi kooperattivi tal-enerġija.
Il-membri adottaw l-Opinjoni tar-relatur Mariana Gâju (RO/PSE) dwar Mudelli ta’ sjieda tal-enerġija lokali u r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tranżizzjoni enerġetika fl-Ewropa. Il-bliet u r-reġjuni Ewropej jinnotaw li l-komunitajiet tal-enerġija għadhom jiffaċċjaw ħafna ostakli għall-iżvilupp tagħhom bħalma huma oqfsa legali nazzjonali li jfixklu, aċċess limitat għall-grilji tal-elettriku nazzjonali u għall-finanzi u jiffaċċjaw skemi ta’ appoġġ kontradittorji bejn l-Istati Membri u nuqqas ġenerali ta’ appoġġ politiku.
Is-Sindku ta’ Cumpăna fil-kontea Rumena ta’ Constanța, Mariana Gâju (RO/PSE) qalet: “Aħna nemmnu li l-ġejjieni tal-produzzjoni tal-enerġija huwa f’idejn iċ-ċittadini. Irridu niżguraw li l-komunitajiet tal-enerġija lokali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod sħiħ għad-deċentralizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u jrawmu żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli lokalment. Il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum lokali tal-enerġija huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku”.
Il-bliet u r-reġjuni jitolbu regoli u proċeduri amministrattivi simplifikati għall-produtturi ż-żgħar tal-enerġija rinnovabbli u l-komunitajiet tal-enerġija lokali sabiex jiżguraw li dawn ma jiffaċċjawx piżijiet jew spejjeż amministrattivi diskriminatorji meta mqabbla ma’ kumpaniji tal-enerġija stabbiliti.
Il-membri jappellaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-politiki tal-enerġija u reġjonali tal-Istati Membri. Razzjonalizzazzjoni tad-diversi skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u dawk tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-membri jfakkru.
L-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni tħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu ppjanar aħjar u politiki ta’ investiment fit-tul għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, b’mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju garantiti sabiex is-sjieda tal-enerġija lokali tkun tista’ tkun aktar fis-sod.
Għaldaqstant, il-KtR jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ ta’ finanzjament dedikati għall-komunitajiet tal-enerġija lokali, partikolarment waqt il-fażijiet ta’ ppjanar u stabbiliment. Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jirrakkomandaw l-iżvilupp ta’ tat-trasformazzjoni tal-għotjiet f’self (grant-to-loans), garanziji u opportunitajiet ta’ kreditu affordabbli b’aċċess faċli għal informazzjoni u gwida teknika dwar l-istabbiliment, il-finanzjament u l-operat ta’ proġetti komunitarji u strutturi ta’ sjieda innovattivi.
Rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jappellaw lil-livelli kollha ta’ governanza biex itejbu l-informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini dwar il-potenzjal ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali u l-opportunitajiet biex dawn jipparteċipaw fihom. Il-membri jilqgħu r-referenza għar-rwol ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali f’leġislazzjoni reċenti tal-UE, iżda jitolbu għal aktar ċarezza u regoli komuni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-membri tal-KtR jirrakkomandaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa biex jidentifikaw il-komunitajiet tal-enerġija u jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom permezz ta’ servizzi ta’ konsulenza.
Informazzjoni ta’ sfond
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni rreaġixxa għall-aspetti differenti tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa fl-opinjonijiet li ġejjin:
Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija , relatur: Michel Lebrun (BE/PPE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Viroinval (April 2016).
Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Enerġija Nadifa , relatur: Bruno Hranić (HR/PPE), Sindku ta’ Vidovec (Lulju 2017).
L-effiċjenza fl-enerġija u l-bini , relatur: Michiel Rijsberman (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Provinċja ta’ Flevoland (Lulju 2017).
L-enerġija rinnovabbli u s-suq intern tal-elettriku , relatur: Daiva Matonienė (LT/KRE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Šiauliai.
L- Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE (EPOV) huwa proġett ta’ 40 xahar li beda f’Diċembru 2016. Il-missjoni prinċipali tiegħu hija li titwassal bidla trasformattiva fl-għarfien dwar il-medda tal-faqar fl-enerġija fl-Ewropa, u biex jitrawmu politiki u prattiki innovattivi biex dan jiġi miġġieled.
Kummissjoni Ewropea (Marzu 2018). Madwar EUR 180 biljun ta’ investimenti addizzjonali fis-sena huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2030 miftiehma f’Pariġi, inkluż tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.
Kuntatt : David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37