Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030 għandhom jiggwidaw l-irkupru Ewropew  

In-nuqqas ta’ referenzi ċari għall-SDGs u n-nuqqas ta’ involviment tal-bliet u r-reġjuni fil-pjani nazzjonali għall-irkupru jistgħu jikkompromettu l-kapaċità biex tingħeleb il-kriżi pandemika

Il-mexxejja lokali u reġjonali Ewropej qed jitolbu li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) jerġgħu jitqiegħdu fuq quddiem fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea, u jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom sal-2030. F’ Opinjoni adottata llum mill-plenarja tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli u li l-SDGs jistgħu jgħinu biex noqorbu lejn viżjoni koerenti u olistika fi ħdan l-istrument Next Generation EU . Madankollu, studju reċenti tal-KtR jindika nuqqas ta’ referenza diretta u trasparenti għall-SDGs tan-NU f’ħafna pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

Il-pandemija li għaddejja bħalissa u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija tagħha juru urġenza ċara li tiġi appoġġjata l-“lokalizzazzjoni” tal-SDGs sabiex il-proċess ta’ bini mill-ġdid ikun aktar ġust u jiġu evitati kriżijiet tas-saħħa futuri. L-SDGs għandhom jgħinu lill-ekonomiji tal-Istati Membri jirkupraw u jimplimentaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi fil-prattika. Madankollu, studju reċenti kkummissjonat mill-KtR ġibed l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ involviment tar-reġjuni u l-bliet fil-pjani nazzjonali għall-irkupru, filwaqt li f’ħafna każijiet m’hemmx referenzi ċari għall-SDGs, u b’hekk titnaqqas l-opportunità għal fehim komuni tal-pjani.

Ricardo Rio (PT/PPE), relatur u Sindku ta’ Braga, qal: “L-SDGs kważi sparixxew min-narrattiva tal-UE : m’hemm l-ebda strateġija ġenerali u l-ebda integrazzjoni je w koordinazzjoni effettiva tal-SDGs fil-governanza interna tal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa partikolarment impressjonanti meta wieħed iqis li fl-istess ħin l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-SDGs kompla jiżdied. Ir-riżultati preliminari tal-istħarriġ tagħna tal-OECD-KtR juru biċ-ċar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti sew fil-ħidma għal irkupru sostenibbli, abbażi tal-SDGs. 40% ta’ dawk li wieġbu kienu qed jużawhom qabel il-pandemija u issa bdew jużawhom biex jindirizzaw l-irkupru, filwaqt li 44% qed jippjanaw li jagħmlu dan biex jirkupraw mill-COVID-19. Din hija opportunità kbira għal dawk kollha li jfasslu l-politika biex joħorġu aktar b’saħħithom minn din il-kriżi u, flimkien mal-OECD, jien se nappoġġjaha b’mod attiv fil-livell tal-UE.”

L-OECD tistma li 65% tal-169 mira tas-17-il SDG ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jew mingħajr il-koordinazzjoni magħhom. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ stħarriġ konġunt ġdid bejn il-KtR u l-OECD juru li 60% tal-gvernijiet lokali u reġjonali jemmnu li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal konvinzjoni akbar li l-SDGs jistgħu jgħinu biex jiġi segwit approċċ aktar olistiku għall-irkupru. Għalhekk, il-KESE huwa diżappuntat li l-SDGs ftit ftit tilfu posthom fin-narrattiva tal-UE, bi profil aktar baxx fit-tfassil tal-politika tal-UE, li qed jipperikola l-opportunitajiet għall-implimentazzjoni tagħhom sal-2030.

Il-membri tal-KtR jistiednu lill-mexxejja Ewropej ikunu ambizzjużi u konsistenti fl-aġendi politiċi domestiċi u barranin tagħhom u jiddikjaraw b’għan wieħed ċar li l-UE għandha tkun fuq quddiem nett u promotur viżibbli fl-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livelli kollha ta’ gvern. L-Opinjoni tindika li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom jipprovdu qafas koerenti għall-politiki kollha tal-UE u jgħinu biex il-prijoritajiet jiġu allinjati mal-programmi ta’ finanzjament kollha. Madankollu, xi kultant ir-rabta bejn l-objettivi tan-NU u l-inizjattivi ewlenin Ewropej, bħall-istrateġija industrijali l-ġdida, tidher li hi dgħajfa. Barra minn hekk, din tappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2022 li jmiss biex tintegra mill-ġdid l-SDGs b’mod formali fis-Semestru Ewropew, torbot aħjar l-SDGs mal- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-pedament tal-istrument Next Generation EU), u tafferma b’mod espliċitu l-SDGs bħala mezz kif l-UE tibni rkupru sostenibbli.

Il-mexxejja lokali u reġjonali jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea ġġedded il-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs jew toħloq pjattaforma ta’ djalogu oħra bil-kapaċità li tinfluwenza u ssegwi b’mod strutturat sabiex trawwem għarfien espert mill-partijiet ikkonċernati differenti kollha minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati rigward l-Aġenda 2030 u biex toffri pariri lill-KE b’mod dirett.

Ir-relatur, is-Sur Rio, diġà għamel is-sejħa nhar it-Tlieta lil dawk kollha f’pożizzjonijiet prominenti li jfasslu l-politika tal-UE, fl-istqarrija li għamel fil-Forum Ekonomiku ta’ Brussell 2021 , l-avveniment ekonomiku annwali ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-President von der Leyen u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel.

Informazzjoni ġenerali:

Il-KtR u l-OECD wettqu stħarriġ b’mod konġunt bejn Mejju u nofs Ġunju 2021 dwar l-SDGs bħala qafas għall-irkupru tal-COVID-19 fil-bliet u r-reġjuni. L-istħarriġ kien jinkludi 86 reazzjoni minn muniċipalitajiet, reġjuni u entitajiet intermedjarji f’24 pajjiż tal-UE, flimkien ma’ ftit pajjiżi oħra fl-OECD u oħrajn mhumiex fl-OECD. Is-sejbiet preliminari ġew ippreżentati nhar it-Tlieta matul ir-raba’ edizzjoni tar- Roundtable tal-Bliet u r-Reġjuni għall-SDGs , avveniment online ta’ jumejn li ffoka fuq l-SDGs bħala qafas għal strateġiji ta’ rkupru fit-tul fil-bliet u r-reġjuni wara l-COVID-19. Id-dokument huwa disponibbli hawnhekk .

Il-KtR adotta Opinjoni tal-bidu dwar “ L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030 ” fl-2019, mir-relatur Arnoldas Abramavičius (LT/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali tad-Distrett ta’ Zarasai.

F’Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “ Delivering on the UN’s Sustainable Development Goals – A comprehensive approach ” (It-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU – approċċ komprensiv – mhux disponibbli bil-Malti).

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0)470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Share: