Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-trasport pubbliku wara l-COVID-19: neħtieġu soluzzjonijiet innovattivi u siguri għall-kriżi attwali u għal kriżijiet potenzjali fil-futur  

Fl-intervista li ġejja, Adam Struzik (PL/PPE) , President tal-Provinċja ta’ Mazowieckie jwieġeb sitt mistoqsijiet dwar kif jista’ jiġi ottimizzat it-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani.

L-Opinjoni dwar L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani , imfassla minn Adam Struzik (PL/PPE) bħala relatur, mistennija li tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal - KtR ta’ Diċembru 2020.

L-Opinjoni tindika l-isfidi li jirriżultaw miż-żieda fit-traffiku tal-karozzi fil-bliet u ż-żoni metropolitani u tappella għal soluzzjonijiet sostenibbli u intelliġenti fil-qasam tal-mobbiltà.

1. X’inhuma l-isfidi ewlenin għat-trasport pubbliku fir-reġjuni metropolitani?

L-isfida ewlenija hija, fuq kollox, li jkollna soluzzjonijiet tat-trasport li jkunu siguri u moderni, jiġifieri trasport imfassal tajjeb, organizzat, integrat u li jiffunzjona sew.

Soluzzjonijiet tajbin fil-qasam tat-trasport jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal kwalità ta’ ħajja tajba għar-residenti, jekk dawn is-soluzzjonijiet jiżguraw aċċess faċli għall-prodotti u s-servizzi, u kwalità tajba fir-rigward tal-ambjent. Dan jirreferi kemm għall-aċċessibbiltà f’termini ta’ distanza mill-punti tas-servizz pubbliku kif ukoll għall-affordabbiltà finanzjarja u l-bilanċ ottimali bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Trasport pubbliku ta’ kwalità għolja għandu rabta inseparabbli mal-kompetittività tiegħu meta mqabbel mat-trasport privat, li jfisser li għandu jinstab bilanċ bejn l-ispejjeż imġarrba mill-utenti u dawk għall-awtoritajiet lokali, kif ukoll permezz tal-aċċess għall-mezzi alternattivi ta’ trasport (eż. mixi, ċikliżmu, eċċ.).

Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli biex jiżguraw li t-trasport pubbliku jkun sikur għall-utenti tiegħu u ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

2. Kif nistgħu ninfluwenzaw l-imġiba tal-utenti u ta’ dawk li jivjaġġaw lejn ix-xogħol u lura sabiex nippromovu l-aktar kunċetti sostenibbli tat-trasport? X’inċentivi jistgħu jipprovdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali?

L-ewwel pass huwa li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-modi differenti ta’ trasport filwaqt li fl-istess ħin titqajjem kuxjenza b’mod sistematiku fost ir-residenti. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat, permezz ta’ pjanar ottimali tal-infrastruttura, li t-trasport pubbliku joffri aktar vantaġġi mit-trasport privat.

Jeħtieġ li nagħtu prijorità lil dawk l-għodod elettroniċi sempliċi fir-rigward tal-użu tal-mezzi tat-trasport, iżda jeħtieġ ukoll li nqisu l-aċċess għat-trasport għall-partijiet interessati kollha, inkluż dawk il-gruppi soċjali b’limitazzjonijiet ta’ għarfien diġitali.

Jeħtieġ li mmexxu bl-eżempju u għalhekk huwa importanti ferm li nintroduċu b’mod urġenti soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni u l-organizzazzjoni tat-trasport, u ġestjoni tajba tat-territorju, biex b’hekk niffaċilitaw l-integrazzjoni tat-trasport pubbliku u dak privat. Dan tal-aħħar ma jistax jiġi eliminat għalkollox, iżda nistgħu nnaqqsuh kemm jista’ jkun. Dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu ottimizzati aktar abbażi ta’ analiżi u konklużjonijiet mid-data aġġornata permezz tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-fluss tal-mobbiltà li jikkontribwixxu għall-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni, il-bliet u r-reġjuni metropolitani jeħtieġu deċiżjonijiet ta’ politika xierqa u finanzjament adegwat, inkluż minn sorsi esterni bħall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u strumenti finanzjarji oħrajn.

3. Il-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli rnexxielhom jegħlbu l-ostakli amministrattivi u ġeografiċi u jfasslu sistema ta’ mobbiltà urbana?

Fil-Polonja, il-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli intlaqgħu tajjeb ħafna u b’interess kbir f’għexieren ta’ bliet, u bosta minnhom intgħażlu biex jikkooperaw b’mod dirett ma’ JASPERS.

Nixtieq nenfasizza li l-ippjanar effettiv tal-mobbiltà urbana jeħtieġ li jitfassal skont l-għadd ta’ abitanti, ikun imsejjes fuq l-esperjenzi fil-qasam tal-mobbiltà u jadatta għall-ispeċifiċitajiet taż-żoni u s-sistemi tat-trasport, jiġifieri jqis ir-rabtiet mal-belt kapitali tar-reġjun, jieħu miżuri biex ibiddel b’mod pożittiv ix-xejriet tal-mobbiltà tar-residenti tal-bliet jew taż-żoni metropolitani, u jiżgura konnettività tajba u integrazzjoni ma’ bliet ġirien.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu impenjati li jagħmlu t-trasport pubbliku effiċjenti u integrat f’termini ta’ spazju, organizzazzjoni u nollijiet. Dan huwa partikolarment importanti f’żoni metropolitani, reġjuni bi bliet kapitali u agglomerazzjonijiet urbani akbar fejn aċċessibbiltà tajba teħtieġ l-interkonnessjoni ta’ bosta modi ta’ trasport urban, suburban u lokali mat-trasport nazzjonali. Nixtieq nenfasizza wkoll l-importanza tal-aċċessibbiltà tal-bliet miż-żoni rurali – pereżempju, fil-Polonja għad hemm nuqqas ta’ konnettività f’xi postijiet.

L-iżvilupp ta’ pjan ta’ mobbiltà urbana sostenibbli jippermetti l-ippjanar tal-aħjar mudell possibbli għal sistema ta’ mobbiltà li tintegra sistema komuni ta’ pprezzar b’sinerġiji ċari bejn ħafna operaturi tat-trasport pubbliku li jaħdmu fl-istess żona metropolitana. Barra minn hekk, mudell bħal dan jiffaċilita l-aċċess għall-waqfiet tat-trasport pubbliku, eż. permezz ta’ network ta’ spazji ta’ parkeġġ tal - Park & Ride fil-periferija tal-belt.

4. L-Unjoni Ewropea kienet ambizzjuża biżżejjed fl-objettivi tal-politika preċedenti tagħha f’dak li jirrigwarda t-trasport? F’liema oqsma tista’ tkun aktar ambizzjuża?

Il-White Paper tal-2011 saret obsoleta u l-Kummissjoni Ewropea diġà qed taħdem fuq strateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, li ċertament hija pass pożittiv ħafna. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-UE tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzjament. Il-Fond ta’ Koeżjoni u l-istrumenti finanzjarji tal - UE mhux talli se jappoġġjaw investimenti ġodda fl-infrastruttura tat-trasport, iżda se jikkontribwixxu wkoll għall-modernizzazzjoni tas-sistemi eżistenti tat-trasport billi jespandu l-firxa ta’ alternattivi sostenibbli f’dak li jirrigwarda t-trasport privat.

B’mod ġenerali, jeħtieġ li l-mobbiltà urbana u l-politika tat-trasport pubbliku jiġu inkorporati wkoll f’politika soċjali usa’. Huwa importanti li nagħtu kas ir-residenti lokali li huma affettwati l-aktar mill-ispejjeż eċċessivi tal-użu tat-trasport, kemm f’termini finanzjarji kif ukoll f’termini ta’ esternalitajiet negattivi, minħabba l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u tal-ħamrija, u l-esproprjazzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb l-infrastruttura.

5. X’tip ta’ appoġġ jeħtieġu l-awtoritajiet lokali u reġjonali mil-livell Ewropew fid-dawl ta’ politika komuni tat-trasport?

M’hemmx dubju li l-istrateġija l-ġdida tat-trasport imsemmija hawn fuq, li tistabbilixxi viżjoni moderna għat-trasport urban u metropolitan, se tappoġġja bil-qawwa u sservi ta’ stimolu għal viżjoni ġdida f’dan il-qasam, fejn it-trasport pubbliku jirrappreżenta sistema ċirkolatorja vitali għall-bliet.

Sabiex jiġi standardizzat il-livell tas-servizzi tat-trasport li jipprovdu, l-ekosistemi urbani u metropolitani tal-UE jeħtieġ li jirċievu appoġġ finanzjarju estern. Hemm ħafna programmi, fondi u strumenti li jistgħu jintużaw għal dan il-għan u dawn għandhom ikunu faċilment aċċessibbli, peress li s-soluzzjonijiet l-aktar sempliċi ħafna drabi jkunu dawk l-aktar effettivi. Dan huwa l-uniku mod biex jinħolqu sistemi integrati tat-trasport pubbliku li jiffunzjonaw tajjeb. Għalhekk huwa essenzjali li r-riżorsi tal-baġit tal-UE jiġu diretti lejn l-awtoritajiet reġjonali responsabbli għal dawn il-kompiti u l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ programmi operazzjonali għall-perjodu finanzjarju li jmiss (2021-2027).

F’dan ir-rigward, ir-rwol speċjali tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bħala parti mill-pakkett ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jiġi enfasizzat. Dan il-fond huwa maħsub biex jappoġġja r-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali u ekonomiċi kbar biex jiksbu n-newtralità klimatika, inklużi l-bliet u ż - żoni metropolitani fit-tranżizzjoni tagħhom lejn trasport pubbliku mingħajr emissjonijiet ta’ CO 2 .

6. Il-pandemija tal-coronavirus kellha impatt devastanti fuq l-użu tat-trasport pubbliku. Kif tista’ terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-utenti u jiġi kkumpensat it-telf tad-dħul sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ servizz fil-futur?

Sfortunatament, il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tendenza ċara, mhux mistennija li jitnaqqsu l-ħtiġijiet tal-mobbiltà ta’ kuljum. Dan huwa dovut, prinċipalment, għall-espansjoni tat-telexogħol, l-introduzzjoni ta’ miżuri mill-Istati Membri individwali li jillimitaw l-attivitajiet taċ-ċittadini fl-ispazji pubbliċi u s-sentiment dejjem jonqos li t-trasport pubbliku huwa sikur. Tweġiba għal dawn ix-xejriet tista’ tkun il-kunċett ta’ “belt ta’ 15-il minuta” (jiġifieri belt fejn in-neċessarju jintlaħaq fi 15-il minuta mid-dar).

Dan kollu jirrikjedi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jġarrbu spejjeż addizzjonali għall-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa fit-trasport pubbliku, fi sforz biex jillimitaw it-telf ta’ dħul minħabba l-fatt li qed jintuża anqas. Kampanja ta’ informazzjoni effettiva tista’ tgħin biex jiġi limitat l-użu tal-karozzi privati u, b’mod partikolari, l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura, li ħafna drabi jsir bil-karozza u mingħajr passiġġieri għajr is-sewwieq.

L-istrateġija l-ġdida integrata għat-trasport pubbliku għandha tinkludi standards fil-livell Ewropew għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ theddid speċifiku, inklużi pandemiji, u prattiki biex jiġi żgurat il-moviment sikur tal-persuni f’każ ta’ theddid bħal dan.

Kuntatt:

PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :