Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, il-gvernijiet lokali jitolbu aktar ambizzjoni u forestrija sostenibbli  

Fis- sessjoni plenarja ta’ Lulju , Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta, kważi b’mod unanimu, , Opinjoni abbozzata minn Roby Biwer bit-titlu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” . Ir-relatur tal-Opinjoni tal-KtR jappella għal skema b’saħħitha ta’ ċertifikazzjoni tal-UE u għal sistema ta’ informazzjoni li jiggarantixxu prodotti tal-forestrija sostenibbli u ktajjen tal-provvista trasparenti minn pajjiżi mhux tal-UE.

“Il-foresti huma l-pulmun ekoloġiku tal-pjaneta tagħna u rridu nieħdu ħsiebu bl-istess mod daqslikieku kien il-pulmun tagħna stess. Mhux se nilħqu l-miri tagħna dwar il-klima u l-bijodiversità mingħajr ma nżidu l-isforzi biex nipproteġu u nirrestawraw il-foresti tad-dinja. Nappellaw lill-Kummissjoni biex tkun aktar ambizzjuża. L-inkoraġġiment mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ niggarantixxu li l-prodotti kkunsmati fl-UE jkunu ġejjin minn ktajjen ta’ provvista sostenibbli tal-foresti f’pajjiżi terzi, peress li l-biċċa l-kbira tal-foresti primarji tad-dinja jinsabu barra mill-UE. Il-prevenzjoni tat-telf tal-foresti jista’ jkollha diversi benefiċċji għan-nies u għall-ekosistemi inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-emissjonijiet permezz tal-assorbiment tal-karbonju u l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistemi li jistgħu jixprunaw it-tkabbir sostenibbli. “Il-bliet u r-reġjuni se jaqdu rwol importanti fit-tisħiħ ta’ dawn l-isforzi” qal Roby Biwer (LU/PSE) , Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, il-Lussemburgu.

Ir-relatur jinsisti fuq kif l-importazzjonijiet tan-negozji tagħna, l-azzjonijiet tagħna bħala individwi u fuq il-fatt li l-għażliet ta’ politika tagħna għandhom impatt kbir fuq il-foresti. L-akkwist pubbliku jista’ jkun mod importanti biex is-settur privat jiġi mħeġġeġ jiżgura kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti aktar sostenibbli. Għal dan il-għan, il-fatt li d-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku tipprojbixxi x-xiri pubbliku ta’ prodotti mid-deforestazzjoni jista’ jkollu impatt pożittiv sinifikanti fuq il-promozzjoni ta’ prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni.

L-Opinjoni tappella għal koerenza politika biex tallinja l-isforzi, l-objettivi u r-riżultati prodotti mill-politiki differenti tal-UE fi strateġija ta’ sostenibbiltà komprensiva. Dan jinkludi l-Patt Ekoloġiku Ewropew biż-żewġ strateġiji l-ġodda tiegħu dwar il-bijodiversità u mill-Għalqa sal-Platt, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida u l-impenji internazzjonali kollha tal-UE, inkluża l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-politika kummerċjali tal-UE.

“Meta l-UE tinnegozja ftehimiet kummerċjali, il-kapitoli tagħhom dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni jridu jissaħħu. Jekk l-imsieħba tagħna ma jissodisfawx l-impenji ambjentali u klimatiċi tagħhom, għandna nkunu lesti biex nirreaġixxu! Id-deforestazzjoni drammatika tal-Amażonja fil-Brażil turi li l-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur sa issa falla f’dan ir-rigward” qal Roby Biwer.

It-tkabbir tal-popolazzjoni u d-domanda dejjem tikber għall-ikel qed iwasslu biex il-foresti jinbidlu f’art agrikola, u biex tingħata aktar attenzjoni lill-produttività agrikola. Il-foresti tad-dinja jinsabu mhedda – bejn l-1990 u l-2016 intilfet żona forestali ta’ 1,3 miljun kilometru kwadru. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 800 grawnd tal-futbol ta’ foresti li jintilfu kull siegħa.

L-Opinjoni tfakkar l-importanza tat-tisħiħ tal-informazzjoni u l-azzjonijiet edukattivi biex niżguraw li l-konsumaturi jkunu konxji mill-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tad-drawwiet tal-konsum tal-ikel tagħhom. Għal dak l-istess skop, il-gvernijiet lokali jridu jippromovu wkoll dieti tajbin għas-saħħa u etikament korretti, filwaqt li jenfasizzaw kemm il-benefiċċji nutrittivi kif ukoll dawk soċjoekonomiċi tal-konsum ibbażat fuq il-pjanti b’livelli għoljin ta’ frott u ħaxix li jkunu ċċertifikati u ġejjin minn ktajjen ta’ provvista mingħajr deforestazzjoni.

L-Opinjoni tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra li tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Forestrija fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja.

L-Opinjoni ġiet adottata flimkien ma’ dibattitu ta’ livell għoli dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE dwar it-tkabbir biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Fil-15 ta’ Ġunju, il-KtR nieda l-grupp ta’ ħidma dwar il- “Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali” . Magħmul minn 13-il rappreżentant elett fuq livell lokali u reġjonali , il-grupp għandu l-għan li jittrasforma l-Ftehim Ekoloġiku fi proġetti konkreti u jwassal il-finanzjament dirett fil-bliet u r-reġjuni biex iwettqu t-tranżizzjoni sostenibbli fuq il-post.  

Noti:

L-Unjoni Ewropea għandha qrib 182 miljun ettaru ta’ foresti, li jkopru 43 % tat-territorju tagħha, li jagħmilha waħda mill-aktar reġjuni fid-dinja li fihom foresti. L-espansjoni agrikola tibqa’ l-ixprun ewlieni tad-deforestazzjoni, tad-degradazzjoni tal-foresti u tat-telf assoċjat tal-bijodiversità tal-foresti. Dan u tagħrif ieħor jistgħu jinstabu fir-rapport

“The State of the World's Forests. 2020” (L-Istat tal-Foresti fid-Dinja, 2020).
Mill-1990 ’il hawn, huwa stmat li ntilfu 420 miljun ettaru ta’ foresti fid-dinja kollha minħabba l-konverżjoni għal użi oħrajn tal-art, għalkemm ir-rata ta’ deforestazzjoni naqset matul l-aħħar tliet deċennji. Bejn l-2015 u l-2020, ir-rata ta’ deforestazzjoni kienet stmata għal 10 miljun ettaru fis-sena, li huwa tnaqqis minn 16-il miljun ettaru fis-sena fis-snin 90.

Ikklikkja hawn biex taqra intervista reċenti ma’ Roby Biwer.

Kuntatt:

Wioletta Wojewodzka

Tel. +32 (0)2 282 2289

Mobile: +32 (0)473 843 986

wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu

Share: