Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-“mewġa ta’ rinnovazzjoni” se tkun determinanti fl-irkupru ekonomiku u soċjali tal-Ewropa  

F’din l-intervista Enrico Rossi (IT/PSE), Membru tal-Kunsill Komunali ta’ Signa (Firenze) u Ex President tar-Reġjun tat-Toskana (2010-2020), wieġeb sitt mistoqsijiet dwar l-Opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva Ewropea “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni”, adottata f’Marzu mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, imnedija fl-14 ta’ Ottubru 2020 mill-Kummissjoni Ewropea , għandha l-għan li ttejjeb ir-rendiment tal-istokk tal-bini tal-Unjoni fl-użu tal-enerġija u hija pass importanti fil-pjan direzzjonali tal- Patt Ekoloġiku Ewropew . Peress li l-bini jirrappreżenta 40% tal-konsum tal-enerġija tal-Ewropa u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, ir-rinnovazzjoni tiegħu hija kruċjali biex l-UE tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Permezz tal- Opinjoni ta’ Enrico Rossi, il-bliet u r-reġjuni jappellaw għal reviżjoni tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat, regoli baġitarji aktar flessibbli biex jiġu sfruttati l-investimenti u r-rinnovazzjonijiet, miri sottonazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini, u l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-proġetti ta’ rinnovazzjoni. Il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea għadhom kemm iffirmaw pjan ta’ azzjoni biex jaċċelleraw ir-rinnovazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE.

Enrico Rossi, inti bdejt taħdem fuq il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni xhur ilu, anke qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument mill-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tar-rilevanza tagħha. Għaliex taħseb li din l-istrateġija hija importanti għall-bliet u r-reġjuni Ewropej fl-2021?

Jiena nara l-mewġa ta’ rinnovazzjoni bħala pilastru determinanti għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għal irkupru ekonomiku u soċjali b’saħħtu tal-Ewropa. Il-bliet u r-reġjuni għandhom jagħtu attenzjoni mill-qrib lil din l-istrateġija għal żewġ raġunijiet.

L-ewwel waħda hija bla dubju l-klima. Illum, il-bini fl-Ewropa huwa responsabbli għal 40% tal-konsum tal-enerġija u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Huwa ċar li t-tilħiq tal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 jirrikjedi rivoluzzjoni vera u proprja fl-ippjanar urban u l-arkitettura, li għandha timmira għat-tranżizzjoni ekoloġika u sostenibbli tal-lokalitajiet tagħna malli jitfaslu proġetti ġodda, inkluż permezz tal-promozzjoni u l-inkoraġġiment tal-użu mill-ġdid tal-materjali.

It-tieni raġuni hija l-irkupru ekonomiku mmirat lejn l-indirizzar tal-inugwaljanzi. Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni hija opportunità biex jerġgħu jinbdew iduru r-roti tal-ekonomija, u jinħolqu l-impjiegi u jiġu riġenerati l-ispazji fil-bliet tagħna. Huwa stmat li l-implimentazzjoni tagħha tista’ twassal għal madwar 4 miljun impjieg ġdid. Fl-istess ħin, l-istrateġija hija għodda ideali għall-investiment fl-akkomodazzjoni, dik soċjali kif ukoll pubblika, mill-isptarijiet sal-iskejjel. B’hekk, twassal għall-iżvilupp ekonomiku, is-sostenibbiltà tal-enerġija u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà.

Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni hija meqjusa eżempju perfett tal-irkupru ekoloġiku, fejn l-għażliet marbuta mal-klima jiġu wiċċ imb wiċċ mal-ħtieġa li jiġu rkuprati l-ekonomiji lokali: x’inhuma l-kundizzjonijiet biex dan il-potenzjal isir realtà?

Ir-riżorsi tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin huma straordinarji, meta nqisu l- Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-istrument Next Generation EU , magħruf ukoll bħala l-Pjan ta’ Rkupru. Flimkien jammontaw għal madwar EUR 1,800 biljun. Madankollu, jekk irridu nagħmlu użu sħiħ minn din id-disponibbiltà enormi ta’ riżorsi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-mewġa ta’ rinnovazzjoni, il-lokalitajiet iridu jkunu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Aħna ninsistu fuq governanza f’diversi livelli, inkluż fir-rigward tal-finanzjament. B’mod partikolari, għodda ta’ assistenza teknika, aċċessibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija, u regoli baġitarji aktar flessibbli għall-amministrazzjonijiet ikunu utli ħafna. Għandi f’moħħi l-mudell deċentralizzat fil-livell lokali tal-mekkaniżmu ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali) tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u sinerġija akbar bejn il-BEI u l-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, Orizzont Ewropa , sabiex ikun hemm bidla minn prattika tajba għal investimenti fuq skala kbira. Il-BEI għandu jsir bank għall-klima tal-Unjoni Ewropea u jagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli, inkluż permezz ta’ arranġamenti ta’ deċentralizzazzjoni fil-livell lokali, possibbilment billi jsegwi l-mudell tal-one-stop shops reġjonali jew uffiċċji ad hoc iddedikati għal proġetti speċifiċi.

Meta nitkellmu dwar il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, mill-ewwel jiġina f’moħħna l-bini, iżda fl-Opinjoni tiegħek tirreferi wkoll għall-inħawi lokali u l-bliet. Għaliex taħseb li din id-dimensjoni hija daqshekk importanti?

S’issa l-istrateġiji tal-effiċjenza enerġetika ffukaw fuq binjiet individwali, jekk mhux saħansitra appartamenti individwali. Iżda bis-saħħa tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni, għandna l-opportunità li nibdlu l-iskala tal-intervent. Biex din l-istrateġija taħdem b’mod effettiv, se jkollha tkun kapaċi tipproduċi mewġa ekoloġika fi inħawi lokali sħaħ. Huwa għalhekk li nilqgħu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tenfasizza l-importanza tal-approċċ distrettwali u tal-komunitajiet tal-enerġija.

Għandna opportunità formidabbli biex nippromovu r-riġenerazzjoni urbana, filwaqt li nippromovu “konsum żero” ta’ art ġdida u l-użu dejjem akbar ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħala parti minn strateġija ambizzjuża għal ekonomija ċirkolari.

Reċentement, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, nediet inizjattiva msejħa “ Il-Bauhaus Ewropew Ġdid ”. X’inhuma r-rabtiet bejnha u l-mewġa ta’ rinnovazzjoni?

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa idea interessanti ħafna, li tista’ tagħti spinta lir-riġenerazzjoni urbana u tikkunsidra mill-ġdid b’mod radikali l-inħawi lokali tagħna, is-subborgi tagħna u ċ-ċentri storiċi tagħna. Naħseb li d-djalogu bejn il-Bauhaus Ewropew Ġdid u l-mewġa ta’ rinnovazzjoni jista’ jseħħ rigward uħud mill-punti li semmejt qabel: l-approċċ distrettwali u l-komunità tal-enerġija, l-involviment tal-livell lokali u ċ-ċittadini. Nistgħu nisfruttaw il-potenzjal kreattiv tal-aqwa mħuħ fis-soċjetà Ewropea billi nagħmluh disponibbli għat-trasformazzjoni l-kbira li l- Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jikseb.

Fl-Opinjoni tiegħek inti titlob għal kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, l-ewwel fosthom il-Kummissjoni. X’jista’ jagħmel il-KtR biex jippromovi u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni?

Il-missjoni tal-Kumitat hija li jagħti leħen lil-livell lokali u reġjonali, inklużi lokalitajiet aktar rurali u periferiċi, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dak leġiżlattiv tal-UE. Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni ġibdet interess, partikolarment mill-Kummissjoni, li tirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma livell indispensabbli ta’ gvern għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Iż-żewġ istituzzjonijiet għadhom kemm iffirmaw pjan ta’ azzjoni għal kooperazzjoni msaħħa sabiex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Patt Ekoloġiku, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet f’dak li jirrigwarda r-rieda politika, il-kapaċità teknika u l-assorbiment tal-fondi tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan ukoll li jiżgura li leġiżlazzjoni ġdida tkun adatta għal implimentazzjoni rapida, billi jindirizza minn qabel ostakli u restrizzjonijiet potenzjali filwaqt li jiċċaqlaq mill-UE għal-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; iżda anke jisfrutta bis-sħiħ ukoll l-inizjattivi minn isfel għal fuq, u jippromovi sinerġiji bejn il-livelli differenti ta’ gvern u jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini.

Inti tisħaq li l-istrateġija għall-mewġa ta’ rinnovazzjoni trid tkun ibbażata mhux biss fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew iżda wkoll fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kemm hija importanti d-dimensjoni soċjali f’din ir-rivoluzzjoni urbana?

Id-dimensjoni soċjali hija ta’ importanza fundamentali. Il-ġlieda kontra l-kriżi tal-klima trid tkun ġlieda kontra l-inugwaljanzi u favur il-ġustizzja soċjali. Għandna naraw ll ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. 17% tal-Ewropej jgħixu fi djar iffullati żżejjed u hemm 34 miljun ċittadin jgħixu f’faqar enerġetiku. Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għal akkomodazzjoni affordabbli u b’saħħitha. Il-prinċipju 19 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprevedi dan. Pereżempju, jeħtieġ li jitrażżan il-fenomenu ta’ żgumbramenti minħabba xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni, l-hekk imsejħa “renovictions”, li qed iġiegħlu lil ħafna nies jitilqu minn darhom minħabba li ma jistgħux ilaħħqu maż-żidiet fil-kera kkawżati minn rinnovazzjonijiet mixtieqa mis-sidien.

Huwa wkoll diffiċli għal ħafna mill-kumpaniji tagħna li jindirizzaw l-isfidi tal-bidla u l-ħtieġa li nipproteġu l-forza tax-xogħol tagħna billi nippromovu rotot ta’ rikonverżjoni soċjalment sostenibbli. Is-settur kollu tal-kostruzzjoni jeħtieġ li jiġi megħjun biex jitnaqqas id-distakk fl-għarfien, il-kwalifiki, it-teknoloġija u jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ negozji innovattivi ġodda.

Persuna ta’ kuntatt:

PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-NEED-TO-BUILD-A-RESILIENT-AGRICULTURAL-SYSTEM-EU-REGIONAL-AND-LOCAL-LEADERS-URGE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/THE-RENOVATION-WAVE-INTERVIEW-ENRICO-ROSSI.ASPX

We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
02.06.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-GOING-LOCAL-WORKING-GROUP-ON-MULTIGOVERNANCE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/THE-RENOVATION-WAVE-INTERVIEW-ENRICO-ROSSI.ASPX

Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
31.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BETTER-PREPARE-FUTURE-CRISES-EXTREME-EVENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/THE-RENOVATION-WAVE-INTERVIEW-ENRICO-ROSSI.ASPX

Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/155-PLENARY-ANNOUNCEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/THE-RENOVATION-WAVE-INTERVIEW-ENRICO-ROSSI.ASPX

On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
23.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-TARGETS-FOR-WASTEWATER-TREATMENT-AND-AIR-QUALITY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/THE-RENOVATION-WAVE-INTERVIEW-ENRICO-ROSSI.ASPX

Regions and cities need support to comply with ambitious EU targets for wastewater treatment and air quality
Regions and cities need support to comply with ambitious EU targets for wastewater treatment and air quality
11.05.2023