Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan direzzjonali għall-irkupru ekonomiku u soċjali tagħna  

L-iżgurar li l-Patt Ekoloġiku jkun fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru b’rabta mal-COVID-19 huwa prijorità ewlenija għall-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija (ENVE) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR). Fil-laqgħa tal-lum b’vidjokonferenza, il-Kummissarju Sinkevičius ħa sehem f’dibattitu mal-membri tal-ENVE dwar il-bżonn ta’ rkupru ekoloġiku. Id-dibatittu tmexxa mill-President tal-ENVE u s-Sindku ta’ Sevilja Juan Espadas. Fil-15 ta’ Ġunju li ġej, il-KtR ser iniedi l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku sabiex jiggarantixxi li l-irkupru tal-UE jitwettaq fil-livell lokali u jiġi adattat għal kull territorju.

Fid-diskors tal-ftuħ tad-dibattitu, il-President tal-Kummissjoni ENVE u s-Sindku ta’ Sevilja Juan Espadas (ES/PSE) qal: “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan direzzjonali tagħna għall-irkupru ekonomiku u soċjali li għandu jkun ukoll irkupru ekoloġiku. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jserrħu fuq ir-reġjuni u l-bliet biex jaqdu rwol attiv, peress li nistgħu nissuġġerixxu strateġiji biex jiġu appoġġjati aħjar is-soċjetajiet u dawk l-aktar milquta. Biex noħorġu minn din il-kriżi, jeħtieġ li niffukaw l-isforzi tagħna biex flimkien nibnu d-dinja ta’ għada fil-livelli kollha, u nirringrazzja b’mod partikolari lill-Kummissarju Sinkevičius għad-djalogu tiegħu magħna llum u r-rieda tiegħu li nintensifikaw il-kooperazzjoni tagħna.”

Virginijus Sinkevičius , il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd qal: “Il-mod kif infasslu l-irkupru tagħna llum ser jiddefinixxi l-ġejjieni tagħna għal ħafna għexieren ta’ snin. M’għandniex nippermettu li l-kriżi tal-lum tikkomprometti t-tranżizzjoni ekoloġika tagħna. Il-Patt Ekoloġiku huwa ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi usa’ ta’ pjan ta’ rkupru tal-UE. Il-Pjan ta’ Investiment Ewropew għall-Patt Ekoloġiku u l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta għandhom ikunu l-elementi kostitwenti ta’ ‘Pjan Marshall Ekoloġiku’. L-ekonomija ċirkolari, it-tniġġis żero, il-bijodiversità u l-ikel sostenibbli huma lkoll oqsma partikolarment rilevanti għal irkupru ekoloġiku. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni minn dejjem kien imsieħeb importanti u l-punt ta’ referenza bejn l-UE u l-gvernijiet lokali u reġjonali tagħha. Huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali li din it-tranżizzjoni ser tkun ta’ suċċess.”

Il-membri ddiskutew l-abbozzi ta’ Opinjonijiet li ġejjin:

  • Il-Liġi dwar il-Klima : il-President ta’ Andalusija Juanma Moreno huwa r-relatur tal-Opinjoni tal-KtR dwar Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima: jiġi stabbilit il-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika . “Il-pjan ta’ rkupru b’rabta mal-COVID-19 huwa opportunità biex titwettaq rivoluzzjoni tassew ekoloġika, u nadottaw mudelli sostenibbli ġodda ta’ stili ta’ ħajja, konsum u produzzjoni” , qal il-President Moreno f’ intervista reċenti dwar il-proposta legalment vinkolanti biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. L-adozzjoni finali hija skedata għas-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju.

  • Il-Patt Klimatiku: l-abbozz ta’ Opinjoni tas-Sindku ta’ Varsavja dwar Il-Patt Klimatiku Ewropew huwa lest għall-adozzjoni u ser issir votazzjoni dwaru fis-sessjoni plenarja tat-13 u l-14 ta’ Ottubru 2020. “Aħna nimpenjaw ruħna li nappoġġjaw irkupru ekoloġiku iżda l-bliet u r-reġjuni jeħtieġu fondi tal-UE adatti u diretti biex jitħaffef il-proċess”, qal Rafał Trzaskowski (PL/PPE). Jekk tixtieq tkun taf aktar, aqra din l- intervista . Bħalissa hemm kwestjonarju miftuħ online għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u għal partijiet interessati oħra.
  • L-idroġenu: “L-idroġenu nadif huwa ċentrali biex tinkiseb in-newtralità klimatika. Għandna bżonn strateġija tal-UE b’qafas legali tal-UE adatt u b’appoġġ tas-suq biex tinbena ekonomija tal-idroġenu nadifa minn isfel għal fuq ”, qalet Birgit Honé (DE/PSE), Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej u l-Iżvilupp Reġjonali (is-Sassonja t’Isfel) u r-relatur tal-Opinjoni Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif – il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima . L-adozzjoni hija skedata għas-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2020.
  • L-ilma: il-membri ddiskutew l-abbozz ta’ Opinjoni dwar Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar , tar-relatur Piotr Całbecki (PL/PPE). F’ intervista reċenti, il-President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-pomorskie talab għal “bidla fundamentali li tpoġġi ċ-ċirkolarità, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tal-ġestjoni tal-ilma, u appella għall-aġġornament tad-Direttiva b’mod li tirrifletti l-Ftehim ta’ Pariġi u l-SDGs”. Din l-Opinjoni għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja li jmiss tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2020.
  • Arja nadifa: L-irkupru diffiċli quddiemna ma jistax jipperikola l-ambizzjoni tal-UE għal tniġġis żero. L-arja nadifa u l-pjan ta’ azzjoni globali għal tniġġis żero għandhom ikunu parti integrali mill-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19, li jeħtieġ li jindirizza t-tniġġis tal-arja mis-sors u jinvolvi ċ-ċittadini fil-proċess” , qal János Karácsony (HU/PPE), membru tal-Gvern Lokali ta’ Tahitótfalu matul id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu dwar Il-Futur tal-Politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta ambizzjoni ta’ tniġġis żero . Il-votazzjoni finali hija skedata għas-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju 2020.
  • Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari , l-abbozz ta’ Opinjoni tal-KtR tar-relatur Tjisee Stelpstra (NL/KRE), Ministru Reġjonali tal-Provinċja ta’ Drenthe. Tista’ taqra l-fehmiet tar-relaturi dwar dan il-fajl ewlieni tal-Patt Ekoloġiku f’ dan l-artiklu .

Il-membri tal-ENVE ħatru lill-President tar-Reġjun tat-Toskana  Enrico Rossi (IT/PSE) bħala relatur ta’ Opinjoni futura dwar il-“mewġa ta’ rinnovazzjoni”, l-inizjattiva tal-UE biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-Ewropa.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jorganizza l-ewwel laqgħa tiegħu nhar it-Tnejn, 15 ta’ Ġunju. L-iskop uniku u l-għan aħħari tiegħu huma li jiġi garantit li l-politika qafas tal-UE biex tinkiseb in-newtralità klimatika tiġi eżegwita fi sħubija mill-qrib mal-bliet u r-reġjuni tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li l-Patt Ekoloġiku jitwettaq fil-livell lokali u li jkun adattat għal kull territorju.

Sfond

Jekk jogħġbok ikklikkja hawnhekk biex taċċessa d-dokumenti tal-laqgħa tal-Kummissjoni ENVE tat-8 ta’ Ġunju 2020.

Aqra hawn l-aħħar edizzjoni tal-Bulettin tal-Kummissjoni ENVE, ENVOY.

Persuna ta’ kuntatt:

David Crous

david.crous@cor.europa.eu

+32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi: