Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jasal fil-livell lokali  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed iniedi grupp ta’ ħidma ġdid biex jiżgura li l-bliet u r-reġjuni jkunu jistgħu jibdew jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew bi proġetti konkreti u b’finanzjament dirett lill-awtoritajiet lokali u reġjonali

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni llum nieda l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. Magħmul minn 13-il rappreżentant elett lokali u reġjonali, l-objettiv tiegħu huwa li jiggarantixxi li l-bliet u r-reġjuni tal-UE jkunu direttament involuti fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-ħafna inizjattivi taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-UE biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Issa wasal iż-żmien li ninvestu flimkien u naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa, sostenibbli u newtrali f’termini tal-karbonju. Permezz tal-pakkett ta’ rkupru tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandna nirresponsabilizzaw u niffinanzjaw lill-bliet u lir-reġjuni biex nibnu r-reżiljenza u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19. Dan huwa l-messaġġ ewlieni li qed jasal mill-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku. Il-Grupp ta’ Ħidma qed jibda l-ħidma tiegħu hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strument ta’ rkupru ġdid ta’ EUR 750 biljun, u rrinfurzat l-elementi relatati mal-klima inklużi fil-proposta tal-baġit fit-tul ta’ EUR 1 100 biljun għall-2021-2027. Dan issa għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew.

Juan Espadas (ES/PSE) , Sindku ta’ Sevilja u President tal-grupp ta’ ħidma, qal li: “ Id-dinja qed tiffaċċja l-aktar reċessjoni ħarxa li nistgħu niftakru, iżda m’għandniex ninsew li l-isfida tal-klima għadha hemm. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-aħjar għodda li għandna biex nindirizzaw iż-żewġ kriżijiet flimkien. Huwa opportunità biex ninvestu fit-trasport pubbliku nadif, fl-enerġija rinnovabbli, f’akkomodazzjoni b’materjal iżolanti affordabbli, fl-agrikoltura sostenibbli, u fil-protezzjoni tal-bijodiversità. Din hija rivoluzzjoni pożittiva iżda ma tistax tinkiseb mingħajr l-involviment sħiħ tal-bliet u r-reġjuni u l-appoġġ Ewropew. Bħala President tal-Grupp ta’ Ħidma, irrid niżgura li t-talbiet tagħna jinstemgħu aktar u b’mod ċar.”

Waqt id-diskors tagħha fid-dibattitu dwar ‘l-irkupru ekoloġiku’, l- MEP Aurore Lalucq (FR/S&D) , kopresident tal-Intergrupp tal-Patt Ekoloġiku Ġdid fil-Parlament Ewropew, qalet: “Il-Patt Ekoloġiku qabel il-kriżi tal-COVID-19 ma jistax ikun l-istess wara l-kriżi. Illum, neħtieġu aktar ambizzjoni, baġit tal-UE akbar u investimenti akbar. Il-Patt Ekoloġiku huwa s-soluzzjoni għall-kriżi ekonomika iżda wkoll l-opportunità biex jitnieda mudell ta’ żvilupp ġdid li jgħaqqad flimkien il-ġustizzja ambjentali u soċjali. Irid ikollna l-immaġinazzjoni, il-prammatiżmu u l-flessibilità biex id-deċiżjonijiet makroekonomiċi jiġu adattati għat-territorji permezz ta’ djalogu soċjali wiesa’.  Il-Patt Ekoloġiku huwa l-mezz adatt biex tiġi implimentata politika ambizzjuża tal-impjiegi u biex kull ċittadin Ewropew jingħata impjieg deċenti u paga deċenti. Sabiex nirnexxu, jeħtieġ li nimmobilizzaw l-atturi kollha fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell Ewropew u dak lokali. Huwa għalhekk li d-djalogu bejn l-Intergrupp tal-Patt Ekoloġiku Ġdid fil-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa essenzjali, daqs id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet lokali.”

Waqt li kien qed jindirizza lill-membri tal-grupp ta’ ħidma, Diederik Samsom , il-Kap tal-Kabinett tal-Kummissarju Frans Timmermans, Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, qal: “Nimpenjaw ruħna li niżguraw li l-Patt Ekoloġiku tassew jasal fil-livell lokali. Il-kriżi tal-COVID-19 titlob li nadattaw għal realtà ġdida iżda wkoll li nipprijoritizzaw u naċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ dawk l-elementi tal-Patt Ekoloġiku li jikkontribwixxu b’mod dirett għat-tkabbir u l-impjiegi, pereżempju, il-“mewġa ta’ rinnovazzjoni”, l-ekonomija ċirkolari u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet u t-trasport urban tagħna. L-ebda tranżizzjoni mhi se tirnexxi jekk ma tkunx ankrata sew fil-bliet u r-reġjuni Ewropej. Irridu naħdmu flimkien biex niksbu riżultati għall-Ewropej.”

L-għan tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa li jiżgura li kemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll l-istrateġija ta’ rkupru tal-UE fil-fatt jissarrfu fi proġetti tanġibbli u finanzjament dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-grupp ta’ ħidma għandu tliet objettivi speċifiċi :

  • Li jlaqqa’ flimkien il-fehmiet tal-bliet u r-reġjuni fil-KtR dwar il-bosta inizjattivi ta’ politika fi ħdan il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jiżgura li dawn leħinhom jinstema’.
  • Li jiffaċilita l-ħidma konġunta tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex il-bliet u r-reġjuni jitqiegħdu fil-qalba ta’ politiki li jippromovu n-newtralità karbonika.
  • Li jwassal l-isfidi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw waqt l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika lokalment u li jenfasizza l-kisbiet u l-aħjar prattiki tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata r-replikazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

Id-dossiers prijoritarji attwali tal-grupp ta’ ħidma jinkludu l-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Patt Klimatiku , il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta , strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa , arja u ilma nodfa , idroġenu , il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari l-ġdid, bijodiversità u l-foresti .

Il-Grupp ta’ Ħidma huwa magħmul minn 13-il membru mis-sitt kummissjonijiet kollha u mis-sitt gruppi politiċi kollha fil-KtR, u dan jagħmlu inizjattiva tassew orizzontali u inklużiva.

Il-grupp ta’ ħidma ser jiltaqa’ fuq bażi regolari u jikkontribwixxi għas-sessjonijiet plenarji tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u l-ewwel kontribut se jingħata waqt il-plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju li jmiss b’dibattitu dwar “Reġjuni u Bliet għal Irkupru Ekoloġiku” , bil-parteċipazzjoni tal-MEP u l-President tal-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew, Pascal Canfin . Ser isiru żewġ dibattiti oħra: wieħed dwar il-QFP futur fid-dawl tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 mal-Kummissarju Johannes Hahn , u ieħor dwar l-aspetti ekonomiċi tal-irkupru wara l-COVID-19 mal-Kummissarju Thierry Breton .

Kuntest:

Ikklikkja hawn biex taċċessa l-portal web il-ġdid 'Green Deal Going Local'.

Aqra hawnhekk ir-riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku adottata mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’Diċembru 2019.

X’qed jingħad mir-relaturi għall-Patt Ekoloġiku: issa tista’ taqra s-serje ġdida tagħna ta’ intervisti hawnhekk .

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew  huwa l-pjan direzzjonali biex l-ekonomija tal-UE ssir sostenibbli. Dan jinkludi strateġija ġdida ta’ tkabbir sostenibbli flimkien ma’ sett ta’ miżuri leġislattivi, azzjonijiet ta’ politika u mekkaniżmi ta’ finanzjament. Għandu tliet objettivi: li ma jkunux hemm emissjonijiet netti ta’ gass b’effett ta’ serra sal-2050; li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, u li l-ebda persuna u l-ebda post ma jitħallew jibqgħu lura ( Kummissjoni Ewropea ). L-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jinkludi l-oqsma li ġejjin:

  • Enerġija sostenibbli
  • Ekonomija ċirkolari
  • Trasport nadif
  • Natura u bijodiversità
  • Ikel u agrikoltura
  • Finanzjament ekoloġiku

Persuna ta’ kuntatt:

David Crous

david.crous@cor.europa.eu

+32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :