Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
“Il-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel”  

Intervista ma’ Concha Andreu (ES/PSE), relatur tal-KtR dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

F’din l-intervista, Concha Andreu Rodríguez (ES/PSE), President ta’ La Rioja, titkellem dwar l-istrateġija tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq in-nisa. Concha Andreu hija r-relatur tal-Opinjoni adottata mill-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) din il-ġimgħa. L-adozzjoni hija skedata għas-sessjoni plenarja ta’ Ottubru.

Inti r-relatur tal- Opinjoni tal-KtR dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn i-ġeneri. X’inhi l-fehma tiegħek dwar il-proposti tal-Kummissjoni u x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Opinjoni tiegħek?

Il-Komunikazzjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025” hija għodda siewja ħafna biex ikun hemm progress konkret fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentatha fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing, l-ewwel pjan ta’ azzjoni universali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Minkejja ż-żmien li għadda, dawn għadhom validi sal-lum il-ġurnata, għaliex għad fadal ħafna xi jsir fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea se tgħinna wkoll nilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija element essenzjali għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli.

Madankollu, għad hemm lok għal titjib fil-governanza tal-Istrateġija. Aħna, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, twarrabna għalkollox. Bħala protagonisti fil-ġestjoni tal-politiki li jaffettwaw b’mod dirett liċ-ċittadini, jeħtieġ li naqdu rwol fl-Istrateġija, u għalhekk nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidrana bħala msieħba strateġiċi fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħha.

Kif tiddeskrivi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq in-nisa?

Wara dawn ix-xhur fuq quddiem nett fil-ġestjoni tal-COVID-19 fir-reġjun tiegħi, wieħed mill-ewwel u l-aktar milquta mill-pandemija fi Spanja, nista’ ngħid li l-aspetti tal-kriżi kienu differenti ħafna. Ma kenitx biss kriżi tas-saħħa jew kriżi ekonomika, iżda kellna wkoll nindirizzaw kwistjonijiet soċjali li jinbtu mill-inugwaljanza.

Il-kriżi tal-COVID mhux biss żiedet l-inugwaljanza, iżda ħarġet fid-dieher, f’forma iktar akuta, l-inugwaljanzi eżistenti u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri kienet waħda mill-inugwaljanzi ewlenin. Fit-taqsimiet kollha tal-Opinjoni aħna inkludejna punti dwar il-COVID, li fihom indirizzajna l-vjolenza abbażi tal-ġeneru aggravata mis-sitwazzjonijiet tal-konfinament, id-diffikultajiet li esperjenzaw ħafna nisa fl-UE biex jirrikonċiljaw it-telexogħol mar-responsabbiltà tal-kura, il-fatt li n-nisa wettqu l-ħidma tal-ewwel linja matul il-pandemija (ħaddiema fis-settur tas-saħħa, ħaddiema fil-qasam tal-kura tat-tfal u tal-anzjani, ħaddiema domestiċi u fil-qasam kummerċjali, eċċ.), is-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà li ġiet aggravata għan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, eċċ.

L-Istrateġija ġiet żviluppata u ppubblikata qabel ma faqqgħet il-kriżi tas-saħħa pubblika tal-COVID-19; għalhekk, nistgħu nqisu li mhijiex kompleta u għandha tivvaluta kif il-kriżi għamlet saħansitra aktar viżibbli l-inugwaljanzi li diġà jeżistu bejn in-nisa u l-irġiel. Jeħtieġ li nisiltu tagħlima minn dan li nipprevedu għodod ta’ reżiljenza marbuta ma’ kwistjonijiet tal-ġeneru, f’każ li jkollna kriżijiet futuri.

Inti l-ewwel president mara tar-Reġjun ta’ La Rioja. Il-gvern reġjonali kif qed jippromovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri?

Ħloqna l-ewwel struttura ta’ ugwaljanza tal-gvern reġjonali, id-Direttorat Ġenerali għall-Ugwaljanza, li jikkoordina l-azzjonijiet ta’ ugwaljanza permezz tal-Kummissjoni Interdipartimentali dwar l-Ugwaljanza, korp li fih il-ministeri kollha huma rappreżentati għall-promozzjoni ta’ azzjoni ta’ ugwaljanza fis-setturi differenti. Dan jippermettilna nindirizzaw l-inugwaljanzi speċifiċi f’oqsma bħalma huma ż-żoni rurali, l-impjieg, il-konċiljazzjoni u l-kultura.

Minbarra l-ħidma dwar l-integrazzjoni tal-approċċ dwar il-ġeneru fl-azzjoni ta’ kuljum tal-amministrazzjoni, li hija essenzjali, qed nippromovu l-iżvilupp regolatorju li jagħmel din l-istruttura ta’ integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-amministrazzjoni u tippromwvi l-ugwaljanza fl-imsieħba soċjali l-oħrajn kollha. Barra minn hekk, fil-fehma tagħna huwa essenzjali li, bil-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza reġjonali, ikun hwmm sensibilizzazzjoni u tagħrif fil-qasam tal-ugwaljanza; l-aspett punittiv legali huwa importanti u meħtieġ, iżda nemmen li dak li huwa verament trasformattiv hu li s-soċjetà tassumi l-ideali u l-prinċipji tagħha stess ta’ ugwaljanza u diversità.

Biex nilħqu dawn l-għanijiet, qed naħdmu fuq l-att dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u qed nipparteċipaw f’inizjattivi li jappoġġjaw dan il-prinċipju, bħall-inizjattiva “¿Dónde están ellas?” (Fejn huma n-nisa?) , imnedija mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fi Spanja li jagħmel analiżi annwali f’rapport dwar kemm nisa jipparteċipaw f’avvenimenti pubbliċi fejn hemm aktar minn kelliem wieħed bil-għan li ċ-ċifri jittejbu sena wara sena. Aktar minn 150 istituzzjoni, strument tal-midja, intrapriża, entità, eċċ., diġà ngħaqdu f’din l-inizjattiva.

X’jistgħu jagħmlu l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u istituzzjonijiet oħra tal-UE fil-livell Ewropew?

Diġà beda d-dibattitu dwar l-Istrateġija, li trid tiġi approvata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni qed jikkontribwixxi fil-proċess permezz ta’ din l-Opinjoni , iżda lil hinn mill-proċedura għall-adozzjoni tal-Istrateġija, li aħna involuti fiha, aħna, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, qed nappellaw li jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħna bħala msieħba ewlenin fl-implimentazzjoni tagħha.

Minħabba r-responsabbiltajiet tagħna bħala amministraturi tal-politiċi pubbliċi aħna nikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru fl-iżvilupp tagħhom. Fl-Opinjoni tagħna, nagħmlu numru ta’ talbiet lill-istituzzjonijiet Ewropej biex ikunu involuti b’mod strutturat fin-network tal-Unjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-implimentazzjoni tal-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni li se titnieda fil-livell Ewropew meħtieġa biex jiġu miġġielda l-istereotipi tas-sessi. Nappellaw ukoll għal finanzjament adatt għall-politiki dwar il-ġeneru, bl-użu tal-programmi previsti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Il-Kumitat għandu perċentwal baxx ħafna ta’ nisa fost il-membri tiegħu, li sa ċertu punt jirrifletti r-rappreżentanza baxxa tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ rappreżentanza lokali u reġjonali. Għalkemm dan qed jinbidel, għad hemm ftit wisq nisa b’responsabbiltajiet politiċi fl-Ewropa. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jadotta strateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif diġà għamlu wħud mill-partiti politiċi tiegħu, u b’hekk jibgħat sinjal ċar li l-affarijiet jeħtieġ li jinbidlu.

Aħna wkoll il-vetrina ideali biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jippreżentaw u jikkondividu l-aħjar prattiki tagħna dwar kwistjonijet ta’ ġeneru, u rridu nkomplu nippromovu l-idea li aħna nipprovdu spazju għad-diskussjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi ħalli aħna lkoll – ir-reġjuni u ċ-ċittadini – inkunu nistgħu nagħtu feedback lil xulxin u nitgħallmu dwar miżuri li nistgħu napplikaw fit-territorji tagħna.

Persuna ta’ kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :