Tanya Hristova (BG/PPE), Sindku ta’ Gabrovo, illum ġiet eletta bħala l-President il-ġdid tal- Kummissjoni SEDEC tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), l-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni. Il-Kummissjoni SEDEC hija waħda mis-sitt kummissjonijiet tematiċi tal-KtR, responsabbli għall-Politika Soċjali, l-Impjieg, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni u l-Kultura.
Is-Sinjura Hristova, li ilha membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mill-2012, hija s-suċċessur ta’ José Ignacio Ceniceros, eks President tal-Gvern Reġjonali ta’ La Rioja (Spanja).
Tanya Hristova, twieldet fl-1971, ilha sindku tal-Muniċpalità ta’ Gabrovo sa mill-2011 u tmexxi d-delegazzjoni Bulgara fil-KtR. Hija ħadmet bħala kap tal-uffiċċju politiku tal-Ministru Bulgaru għall-fondi tal-UE bejn l-2010 u l-2011. Is-Sinjura Hristova hija l-ewwel membru Bulgaru li nħatar f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
“Il-Kummmissjoni SEDEC qiegħda tmexxi l-ħidma tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’bosta oqsma importanti li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Dawn jinkludu l-iżgurar tal-progress soċjali fir-reġjuni kollha tal-UE, il-garanzija ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd, l-indirizzar tal-eżodu ta’ mħuħ u d-diskrepanzi fil-ħiliet, kif ukoll biex jingħalaq id-distakk diġitali u dak tal-innovazzjoni fl-Ewropa. Aħna, il-mexxejja lokali u reġjonali, nistgħu nuru t-triq ’il quddiem. Il-belt tiegħi, Gabrovo, hija eżempju tajjeb kif id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni jistgħu jtejbu l-produttività u l-istandards tal-għajxien”, tenniet is-Sinjura Hristova.
Fl-ewwel laqgħa mmexxija mis-Sinjura Hristova, il-membri tal-Kummissjoni SEDEC iddiskutew l-isfidi lokali u regolatorji relatati max-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali, li huwa s-suġġett ta’ abbozz ta' opinjoni mħejji mis-Sur Dimitrios Birmpas (EL/PSE) , Kunsillier Muniċipali ta’ Egaleo. L-abbozz ta’ opinjoni jappella għal linji gwida ċari fil-livell Ewropew sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaforma u biex jiġu indirizzati l-prattiki abbużivi, bħal pereżempju l-impjieg indipendenti fittizju.
“Ir-regolamentazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali se toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn l-ekonomija tradizzjonali u l-ekonomija tal-pjattaformi”, afferma s-Sur Birmpas fir-rapport tiegħu, li se jiġi adottat fis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Diċembru.
Kuntatt:
Lauri Ouvinen
Tel. +32 22822063
lauri.ouvinen@cor.europa.eu