Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ħu sehem fl-istħarriġ tal-KtR/l-OECD dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)!  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fi sħubija mal-Organizzazzjoni għall - Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) nedew stħarriġ dwar il-kontributi prinċipali fil-livell lokali u reġjonali għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Aqsam l-esperjenza tiegħek sat-22 ta’ Frar u kkontribwixxi għall-futur tal-istrateġija tal-UE dwar l-SDGs.

Minn mindu ġew adottati fl-2015 l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il SDG, il-193 pajjiż firmatarju huma mistennija jirrapportaw regolarment dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda universali, li tkopri l-politiki kollha u teħtieġ is-sehem tal-partijiet interessati kollha. L-awtoritajiet reġjonali u lokali huma msieħba essenzjali f’dan il-proċess ta’ implimentazzjoni, mhux biss minħabba li l-biċċa l-kbira tal-SDGs (65% skont l-OECD) jinvolvuhom/jaffettwawhom direttament, iżda wkoll minħabba l-fatt li ħafna minnhom diġà kkontribwixxew b’suċċess għal- lokalizzazzjoni tal-SDGs .

Bis-saħħa ta’ feedback mill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-ħidma tagħhom fil-qasam tal-SDGs, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jixtieq juri kif il-bliet u r-reġjuni implimentaw, jew attwalment qed jimplimentaw l-SDGs. Din l-informazzjoni ser tintuża biex tinfluwenza l-istrateġija futura tal-UE dwar l-SDGs, biex jitressqu argumenti aħjar għal approċċ territorjali fil-proċessi Ewropej u nazzjonali tat-tfassil tal-politika u biex jissaħħu l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Il-fehmiet tiegħek dwar x’għandha tagħmel l-UE dwar l-SDGs u dwar liema prijoritajiet għandha tieħu azzjoni l-UE ser jikkontribwixxu wkoll għall-Opinjoni tal-KtR dwar Ewropa Sostenibbli sal-2030 li ser titħejja matul l-2019.

L-istħarriġ se jikkontribwixxi wkoll għall-Programm usa’ tal-OECD dwar A Territorial Approach to SDGs: A role for cities and regions to leave no one behind (Approċċ territorjali għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: Rwol għall-bliet u r-reġjuni sabiex jinkludu lil kulħadd), li jfittex li jappoġġja l-bliet u r-reġjuni fit-trawwim ta’ approċċ territorjali għall-SDGs billi:

iwettaq analiżi dwar il-pożizzjoni tagħhom vis-a-vis l-medja nazzjonali u l-pari tagħhom;

jagħmel possibbli djalogu mal-livelli ta’ gvern tagħhom – kemm dawk fl-iżjed livell lokali, kif ukoll dawk f’livell ogħla – biex jinħoloq kunsens dwar min jista’ jagħmel xiex; u

jikkondividi l-aħjar prattika u t-tagħlim mill-esperjenza internazzjonali.

Ibda l-istħarriġ!

L-istħarriġ huwa disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE; biex tagħżel il-lingwa preferuta tiegħek, ikklikkja d-drop - down fin-naħa tal-lemin tal-iskrin

L-istħarriġ ser ikun miftuħ sa nofsillejl tal-Ġimgħa, 22 ta’ Frar  

Kull risposta ser tinżamm kunfidenzjali

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil econ-survey-cor@cor.europa.eu

Il-KtR jixtieq jirringrazzja lin-Netwerk tal-Gvernijiet Reġjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli (nrg4sd) għall-kollaborazzjoni tagħhom.

Share: