Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Biex jiġi indirizzat l-eżodu tal-imħuħ hemm bżonn sforzi konġunti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni kollha tal-UE  

It-telf ta’ ħaddiema żgħażagħ u edukati huwa sfida enormi għall-komunitajiet lokali fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) iwissi li l-fenomenu tal-eżodu tal-imħuħ joħloq riskju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-proġett Ewropew jekk l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni ta’ oriġini u dawk riċeventi jibqgħu ma jiġux indirizzati. L- Opinjoni abbozzata u ppreżentata minn Emil Boc (RO/PPE), Sindku ta’ Cluj-Napoca u eks Prim Ministru tar-Rumanija, ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tal-KtR fit-12 ta’ Frar.

Skont l-Indiċi ta’ Kompetittività Globali ,attwalment, ħafna Stati Membri tal-UE tal-Lvant u tan-Nofsinhar huma fost il-pajjiżi tad-dinja l-inqas kapaċi li jżommu t-talent tagħhom. Pereżempju, kważi 3 miljun Rumen bħalissa jinsabu jgħixu fi Stat Membru ieħor u l-fenomenu partikolarment jikkonċerna ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet. Dan iwassal għal ċirku vizzjuż, li jagħmilha diffiċli biex tinkiseb tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli u kompetittiv ibbażat fuq l-ekonomija tal-għarfien u fuq il-prodotti b’valur miżjud għoli.

“Huwa kruċjali li jintlaħaq bilanċ bejn żewġ prinċipji essenzjali tal-Unjoni Ewropea: il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-konverġenza ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni. Iċ-ċittadini u l-ħaddiema jeħtiġilhom ikunu jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fi ħdan l-UE, iżda biss għax iridu u mhux għax ikunu imġiegħla jitilqu mir-reġjuni tagħhom minħabba l-faqar u nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi”, qal ir-relatur Emil Boc.

Il-Kumitat għalhekk qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex iżżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-disparitajiet reġjonali permezz ta’ politiki u strumenti mfassla apposta li jgħaqqdu l-politika ta’ koeżjoni u sorsi oħra ta’ finanzjament. Jilqa’ l-impenn politiku tal-Kummissjoni għal paga minima ġusta fl-Ewropa, peress li din tindirizza l-kwistjoni tal-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għandha impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni ta’ orġini.

L-Oinjoni tal-KtR qed tissuġġerixxi li jinbeda mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex jiġu integrati u kkoordinati miżuri ta’ politika dwar l-eżodu tal-imħuħ, peress li hemm bżonn li l-aspetti kollha tiegħu (gwadann ta’ mħuħ, ħela ta’ mħuħ, ċirkolazzjoni ta’ mħuħ, migrazzjoni mill-ġdid) jiġu indirizzati flimkien mal-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jitneħħew fatturi strutturali li jżidu l-eżodu tal-imħuħ, bħan-nuqqas ta’ edukazzjoni, trasport jew infrastruttura diġitali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jidentifikaw bl-aħjar mod l-assi partikolari tagħhom u t-talenti u l-politiki li huma meħtieġa.

“Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni huwa li jiżviluppaw politiki innovattivi biex iżommu t-talenti u jerġgħu jattirawhom. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja huwa għodda b’saħħitha ħafna biex jiġu attirati u jinżammu ħaddiema ta’ edukazzjoni”, jenfasizza r-relatur Emil Boc, filwaqt li ġibed l-attenzjoni li ż-Żona Metropolitana ta’ Cluj-Napoca rnexxielha żżid b’mod sinifikanti l-popolazzjoni tagħha matul l-aħħar 20 sena. Matul dawn l-aħħar għaxar snin il-belt kellha l-ogħla rata ta’ tkabbir fil-pajji u tinsab fost l-aqwa bliet Rumeni fl-Indiċi Dinji tal-Kwalità tal-Ħajja . Is-Sindku jispjega li dan inkiseb permezz ta’ mudell ta’ governanza parteċipattiva li jinvolvi l-universitajiet, is-settur privat, l-NGOs, iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni pubblika, b’enfasi fuq li tiġi żviluppata ekonomija bbażata fuq l-għarfien u ekosistemi ta’ innovazzjoni kif ukoll fuq li jiġu pprovduti impjiegi ta’ kwalità, edukazzjoni u servizzi bħal attivitajiet kulturali.

“Il-bliet u r-reġjuni jistgħu jżidu l-attraenza tagħhom billi jippromovu politiki u strumenti sabiex jiġu żviluppati l-intraprenditorija lokali, l-impjieg indipendenti u mudelli alternattivi ta’ żvilupp tan-negozju. Sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali, in-negozji u l-universitajiet huma muturi importanti tat-tkabbir u l-iżvilupp lokali. Huwa kruċjali li jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-universitajiet u tal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-iżvilupp lokali fi ħdan l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien", jikkonkludi s-Sur Boc.

Aktar informazzjoni:

Il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS ) ser ikollu dibattitu ta’ politika fl-20 ta’ Frar 2020 dwar “Iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ – forza li tixpruna ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”. Ir-relatur Emil Boc ippreżenta l-abbozz ta’ opinjoni tal-KtR fil-Kumitat tal-Edukazzjoni tal-Kunsill fit-23 ta’ Jannar fuq stedina tal-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-UE. Fil- prijoritajiet tagħha, il-Presidenza Kroata inkludiet mobbiltà bbilanċjata ta’ xjentisti u riċerkaturi, waqt li tippromovi tagħlim ta’ kwalità għolja tul il-ħajja kollha u l-iżvilupp ta’ ħiliet għall-impjiegi tal-futur.

F’Novembru 2018, il-KtR ppubblika studju intitolat "Addressing brain drain: The local and regional dimension" (Nindirizzaw l-eżodu tal-imħuħ: id-dimensjoni lokali u reġjonali – mhux disponibbli bil-Malti) li joffri osservazzjonijiet fil-mod kif ir-reġjuni jistgħu jżidu l-attraenza tagħhom sabiex iżommu jew iġibu lura ż-żgħażagħ b’ħiliet, u ppreżenta 30 inizjattiva li ħallew il-frott u li ġew implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-22 Stat Membru.

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :