Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Is-sostenibbiltà jeħtieġ tkun il-prinċipju li jiggwida ’l-Ewropa  
Il-bliet u r-reġjuni jappellaw biex l-SDGs ikunu fil-qalba tal-istrateġija fit-tul li jmiss tal-Ewropa wara li dawn ġew ittraskurati mill-Kunsill Ewropew

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) bħala bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030 kienu fil-qalba tad-diskussjoni mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Jyrki Katainen, matul is-sessjoni plenarja ta’ Ġunju tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR). Il-membri tal-KtR adottaw ukoll l-Opinjoni ta’ Arnoldas Abramavičius (LT/PPE) li tiffoka fuq ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fil-lokalizzazzjoni tal-SDGs.

Is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) – adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2015 – huma l-pjan ta’ azzjoni biex jiggwida l-proċess tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pjaneta fil-ġejjieni. Kull wieħed mis-17-il għan għandu miri speċifiċi (b’kollox 169 mira) sabiex jintemm il-faqar, jitħares l-ambjent u tiġi żgurata l-prosperità sal-2030. F’Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat dokument ta’ riflessjoni dwar Ewropa aktar sostenibbli, li jipproponi tliet xenarji dwar kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet u l-miri. Wieħed mix-xenarji proposti kien li l-UE tadotta strateġija globali tal-UE għall-SDGs. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jixtieq jagħmel pass ieħor ’il quddiem.

"Jekk l-UE trid turi li hija serja dwar l-ekwità u t-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà għandha tkun aktar minn nota f’qiegħ il-paġna, iżda minflok għandha tkun il-boxxla li tiggwidana għad-deċennju li jmiss. Għalkemm huwa ta’ dispjaċir li l-Istati Membri tal-UE ma kellhomx il-kuraġġ politiku biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030, il-Kumitat tagħna se jkompli jippreżenta l-każ li ma hemm l-ebda alternattiva: għandna nibnu UE sostenibbli billi naħdmu fi sħubija mar-reġjuni u l-bliet tagħha", qal il-President tal-KtR Karl Heinz Lambertz .

Peress li 65% tal-169 mira inklużi fis-17-il SDG ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-involviment tal-atturi sottonazzjonali ( NU ), l-approċċi minn isfel għal fuq u l-governanza f’diversi livelli huma importanti ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti. Stħarriġ reċenti tal-KtR dwar il-kontributi lokali u reġjonali għall-SDGs, imwettaq flimkien mal-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi), juri li 59 % ta’ dawk li wieġbu jinsabu fil-proċess li jimplimentaw l-SDGs.

Jyrki Katainen , il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal li: " Il-Kumitat tar-Reġjuni, il-bliet, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni tagħna huma l-imsieħba ewlenin tagħna fl-implimentazzjoni u l-innovazzjoni. Mingħajr din ir-rabta mill-qrib, ma nistgħux niksbu l-istess għanijiet li ddeċidejna flimkien fil-livell tal-UE ", u żied jgħid li " l-innovazzjonijiet jiġu mir-reġjuni. Kull innovazzjoni tiġri f’belt jew f’muniċipalità ."

" Ħafna reġjuni tal-UE kienu pijunieri fil-lokalizzazzjoni tal-SDGs u wrew li r-reġjuni u l-bliet huma essenzjali mhux biss bħala implimentaturi iżda wkoll bħala dawk li jfasslu l-politiki u jinsabu l-eqreb għaċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet lokali tagħhom. Bosta reġjuni huma aktar ambizzjużi mill-miri nazzjonali. Eżempju wieħed huwa l-belt tiegħi, il-belt ta’ Espoo, it-tieni l-akbar belt fil-Finlandja, li bħala parti mill-programm ta’ tmexxija tal-bliet 25+5 għall-SDGs tan-NU, tistabbilixxi l-mira li tilħaq l-Aġenda 2030 sal-2025 u tappoġġja wkoll lill-oħrajn fil-proċess ta’ trasformazzjoni madwar id-dinja ”, qal Markku Markkula , l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

“L-għan li ħadd ma jitħalla barra se jirrikjedi l-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki kollha tal-UE kif ukoll l-appoġġ u l-integrazzjoni tal-fondi reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Il-bini ta’ mudell aktar sostenibbli u inklużiv għall-Ewropa jeħtieġ riformi strutturali estensivi. L-allinjament tas-Semestru Ewropew u ta’ politika ta’ koeżjoni b’saħħitha għar-reġjuni kollha mal-SDGs huma essenzjali biex l-SDGs jiġu implimentati b’suċċess fuq il-post dment li jkunu bbażati fuq kodiċi ta’ kondotta legalment vinkolanti dwar is-sħubija bejn il-livelli kollha ta’ gvern. L-għodod qegħdin hemm, li għandna bżonn hija r-rieda politika biex l-SDGs isiru prijorità ", qal Arnoldas Abramavičius (LT/PPE), relatur tal-KtR dwar " L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030 " u Membru tal-Kunsill Muniċipali tad-Distrett ta' Zarasai.

Opinjoni speċifika tal-KtR li tiffoka fuq il-pilastru tal-“pjaneta” tal-SDGs se ssegwi fis-sessjoni plenarja tat-8/9 ta’ Ottubru 2019.

Kuntest:

L-Opinjoni dwar " L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030 " hija r-rispons tal-KtR għad- Dokument ta’ Riflessjoni 'Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030' tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentat f’Jannar 2019. Id-Dokument ta' Riflessjoni jippreżenta tliet xenarji biex iqanqal diskussjoni dwar kif għandhom jiġu segwiti l-SDGs fl-UE. It-tliet xenarji huma:

1. Strateġija globali tal-UE dwar l-SDGs biex tiggwida l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

2. Integrazzjoni kontinwa tal-SDGs fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, min-naħa tal-Kummissjoni, iżda mingħajr mja tiġi infurzata l-azzjoni tal-Istati Membri;

3. Enfasi aħjar fuq l-azzjoni esterna filwaqt li tiġi kkonsolidata l-ambizzjoni attwali fir-rigward tas-sostenibbiltà fil-livell tal-UE.

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :