Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali jitolbu appoġġ aktar qawwi għal trasport sostenibbli u aċċessibbli biex is-saħħa taċ-ċittadini u l-ambjent jkunu mħarsa aħjar  

Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika u jittejbu l-istandards tas-saħħa u tal-għajxien taċ-ċittadini. Fl-Opinjonijiet dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport u l-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana adottati fis-sessjoni plenarja tal-11 ta’ Ottubru, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jappella għal regoli aħjar u mezzi finanzjarji adegwati biex jikkollegaw it-territorji tal-UE permezz ta’ networks tat-trasport aċċessibbli u sostenibbli u biex jiġu żviluppati sistemi tat-trasport urban mingħajr emissjonijiet u affordabbli.

Il-bliet u r-reġjuni Ewropej jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ trasport aċċessibbli u sostenibbli fl-UE. Dawn jinsabu fuq quddiem nett fit-twettiq tal-miri tad-dekarbonizzazzjoni miftiehma fil-livell tal-UE u fl-iżvilupp ta’ networks tat-trasport għat-territorji kollha tal-UE li jsaħħu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u jreġġgħu lura r-riskju dejjem jikber tal-faqar tal-mobbiltà fiż-żoni rurali.

Matul is-sessjoni plenarja tagħhom tal-11 ta’ Ottubru, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adottaw Opinjonijiet dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana li jappellaw għal involviment aktar mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ politiki u gwida dwar it-tnedija ta’ sistemi tat-trasport sostenibbli u aċċessibbli fir-reġjuni u l-bliet tal-UE.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ippjanar u l-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport fit-territorji tagħhom. Għal din ir-raġuni, huma appellaw għal involviment akbar tar-reġjuni fl-istruttura ta’ governanza tan-Network Trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fl-Opinjoni dwar “Linji gwida għall-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)”, adottata mill-membri tal-KtR matul is-sessjoni plenarja tagħhom fil-11 ta’ Ottubru.Huma enfasizzaw li t-tixjin tad-distakki, it-tneħħija tal-konġestjonijiet u l-ostakli tekniċi fis-settur tat-trasport huma l-aħjar mod biex jingħata valur miżjud Ewropew konkret liċ-ċittadini Ewropej. Skont l-Opinjoni, it-TEN-T, li jindirizza l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ network tat-trasport multimodali fl-Ewropa kollha, li jiffavorixxi l-aktar modi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, jipprovdi valur miżjud Ewropew b’saħħtu u huwa s-sinsla tal-koeżjoni u l-konnettività tar-reġjuni kollha.

L-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport, speċjalment mill-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet, jammontaw għal terz tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE. Billi jipprovdi infrastruttura għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi jew żero, it-TEN-T se jkollu rwol ewlieni fil-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta’ Pariġi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali enfasizzaw il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġetti transkonfinali fit-territorji tagħhom iżda enfasizzaw li t-TEN-T għandu jqis id-diversità tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-UE.

Il-membri tal-KtR enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ regoli ċari dwar il-promozzjoni ta’ modi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-klima u l-iżgurar li l-infrastruttura tat-trasport tiġi adattata biex tiffaċċja l-effetti tat-tibdil fil-klima u riskji ġodda relatati.

Isabelle Boudineau (FR/PSE), membru tal-Kumsill Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine u relatur ta’ din l-Opinjoni, qalet: “Id-diffikultajiet fl-importazzjoni tal-qamħ u tal-materja prima, li attwalment jinsabu mblukkati fl-Ukrajna, juru li l-istabbiliment ta’ sistema tat-trasport Ewropea effiċjenti huwa aktar minn ħtieġa ekonomika; dan huwa ħtieġa f’termini ta’ sovranità Ewropea. Din hija r-raġuni għaliex huwa essenzjali li jitlesta t-TEN-T billi jiġu żviluppati proġetti tat-trasport transfruntiera. Jeħtieġ li ntejbu u nintegraw aħjar in-nodi urbani fis-sistema tat-trasport, biex il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija jsir realtà għal kulħadd.”

Fir-rigward tal-“Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana” propost mill-Kummissjoni Ewropea, il-membri tal-KtR enfasizzaw li, wara għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment fit-trasport pubbliku, il-pandemija tal-COVID u l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna qed jaggravaw id-diskrepanza fil-finanzjament li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan jirriskja li jdgħajjef l-impenn tagħhom li jipprovdu servizzi tat-trasport aħjar u aktar nodfa għaċ-ċittadini kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali.

Peress li attwalment iż-żoni urbani huma responsabbli għal madwar 23 % tal-emissjonijiet totali tat-trasport tal-UE, il-membri enfasizzaw fl-Opinjoni dwar “Il-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana” li t-trasport pubbliku jrid ikun is-sinsla tal-mobbiltà urbana fl-UE, ikkomplementat minn kundizzjonijiet imtejba għal aktar mobbiltà attiva, kif ukoll mikromobbiltà u soluzzjonijiet innovattivi oħra.

Ir-relatur Linda Gaasch (LU/Ħodor), Membru tal-Kunsill Muniċipali tal-Belt tal-Lussemburgu, qalet: “Il-promozzjoni tal-mixi u ċ-ċikliżmu, l-iżvilupp ulterjuri ta’ sistemi tat-trasport pubbliku b’saħħithom u soluzzjonijiet għal-loġistika mingħajr emissjonijiet huma l-futur tal-mobbiltà urbana.Bl-Opinjoni dwar Il-Qafas għall-Mobilità Urbana, il-Kumitat tar-Reġjuni jibgħat sinjal qawwi lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn: Il-bliet u r-reġjuni jinsabu lesti għat-tranżizzjoni tal-mobbiltà!

Barra minn hekk, l-Opinjoni tgħid li biex tiġi żgurata l-konnettività taż-żoni periurbani u rurali u biex jittaffa l-faqar tal-mobbiltà jeħtieġ li jkun hemm żieda ġenerali fil-kapaċità tat-trasport pubbliku u approċċ aktar strateġiku għall-innovazzjoni (eż. it-trasport pubbliku fuq talba). Il-prosperità ekonomika taċ-ċentri urbani u l-inħawi tagħhom hija marbuta direttament mal-fluwidità tal-mobbiltà; biex tinkiseb din il-fluwidità u biex jintlaħqu l-miri tas-sostenibbiltà tal-UE, huwa essenzjali li niżguraw aċċess imtejjeb għall-fondi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-Opinjoni titlob ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi b’mod aktar attiv fl-iżvilupp tal-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u tindika wkoll il-potenzjal sinifikanti mhux sfruttat tal-mobbiltà attiva (il-mixi u ċ-ċikliżmu), li toffri kobenefiċċji importanti għas-saħħa u għas-soċjetà u ftit li xejn tirrikjedi investiment.

Kuntest:

Ir-reviżjoni tal-politika tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), proposta mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2021, qed tiżviluppa network tat-trasport multimodali fl-Ewropa kollha bil-għan li jixxejnu d-distakki, jitneħħew il-konġestjonijiet u l-ostakli tekniċi u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE. Il-politika tappoġġja l-applikazzjoni tal-innovazzjoni, tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-soluzzjonijiet diġitali għall-modi kollha tat-trasport biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-objettiv huwa l-użu mtejjeb tal-infrastruttura, it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u ż-żieda fis-sikurezza. Biex tindirizza l-effetti tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna fuq it-trasport u l-infrastruttura, il-Kummissjoni emendat il-politika tat-TEN-T f’Lulju 2022, u saħħet il-konnessjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna.

Biex tappoġġja t-tranżizzjoni lejn mobbiltà aktar nadifa, aktar ekoloġika u aktar intelliġenti, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet il-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana f’Diċembru 2021. Il-qafas jitlob network tat-trasport pubbliku aktar b’saħħtu, loġistika urbana effiċjenti b’emissjonijiet żero, u ġestjoni aħjar tal-flussi tal-mobbiltà, permezz ta’ ċentri multimodali u soluzzjonijiet diġitali. Dan jipprovdi gwida għall-azzjoni lokali u jfittex li jappoġġja l-bliet u r-reġjuni fir-rwol tagħhom bħala ċentri essenzjali tat-trasport fi ħdan is-suq uniku.

Biex jappoġġja l-objettivi ta’ trasport sostenibbli u affordabbli għall-bliet u r-reġjuni Ewropej kollha, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni stabbilixxa l-Kampanja tal-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tpoġġi r-reġjuni u l-bliet fiċ-ċentru tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tawtonomizza lill-mexxejja lokali u reġjonali biex jieħdu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u jsaħħu l-implimentazzjoni ta’ proġetti sostenibbli ffinanzjati mill-UE fil-komunitajiet lokali fl-Unjoni Ewropea kollha.

Persuna ta’ kuntatt:

Theresa Sostmann

Tel. +32 475999415

Theresa.Sostmann@cor.europa.eu

Ikkondividi :