Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi Transfruntiera huwa essenzjali għat-titjib tal-ħajja ta’ kuljum fir-reġjuni tal-fruntiera Ewropej  

L-aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE huwa l-fokus ewlieni tal- Opinjoni mħejjija minn Pavel Branda (KRE/CZ), viċi sindku ta’ Radlo, li ġiet diskussa mill-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni matul is-sessjoni plenarja tagħhom ta’ Frar. Fl-Opinjoni huwa jenfasizza l-vantaġġi li jiġu pprovduti servizzi pubbliċi minn naħa għal oħra tal-fruntieri u jħeġġeġ favur qafas legali aktar b’saħħtu, strutturi permanenti bħal punti ta’ kuntatt transfruntiera kif ukoll appoġġ finanzjarju permezz tal-inizjattiva REACT-EU.

Kważi terz taċ-ċittadini tal-UE jgħixu jew jaħdmu f’reġjuni tal-fruntiera fejn l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, bħat-trasport, l-edukazzjoni jew il-kura tas-saħħa, ħafna drabi huwa limitat meta mqabbel ma’ reġjuni ċentrali jew kapitali. Dan huwa partikolarment minnu fiż-żoni skarsament popolati b’popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Il-forniment ta’ servizzi pubbliċi minn naħa għal oħra tal-fruntieri mhux biss iżid il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fuq kull naħa, iżda jagħmel ukoll is-servizzi pubbliċi aktar kosteffiċjenti. L-Opinjoni tenfasizza li qafas legali aktar b’saħħtu fi ħdan l-UE huwa meħtieġ biex jippermetti l-istabbiliment u l-ġestjoni effiċjenti tas-servizzi pubbliċi transfruntiera. L-Opinjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid l-oqfsa legali tagħhom fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq ir-reġjuni tal-fruntiera, peress li l-oqfsa attwali spiss jimponu piżijiet u spejjeż amministrattivi enormi, li jġiegħlu ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali jabbandunaw il-pjani tagħhom.

“L-aċċess għas-servizzi pubbliċi transfruntiera jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-fruntiera u jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera. Nixtiequ naraw passi aktar konkreti li jtejbu l-kundizzjonijiet għat-twassil effettiv ta’ servizzi pubbliċi transfruntiera fl-Ewropa, bħal qafas legali, strutturi, u finanzjament ”, qal Pavel Branda (KRE/CZ), viċi sindku ta’ Radlo u relatur għall-Opinjoni dwar “Is-Servizzi Pubbliċi Transfruntiera fl-Ewropa”.

Anne Sander (FR/PPE), Membru tal-Parlament Ewropew, ikkummentat: “ Nappoġġja bil-qawwa s-servizzi pubbliċi transfruntiera fl-Ewropa. Il-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jissaħħu s-servizzi pubbliċi transfruntiera eżistenti u li jinħolqu oħrajn ġodda fir-reġjuni transfruntiera li l-aktar għandhom bżonnhom. Dawn huma pilastri awtentiċi ta’ din il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u jtejbu b’mod konsiderevoli l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Kważi terz taċ-ċittadini Ewropej jgħixu u jaħdmu f’reġjuni transfruntiera, u jiffaċċjaw sfidi ta’ kuljum fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-qsim tal-fruntieri, l-użu tat-trasport, it-taħriġ, ix-xogħol u anke l-ivvjaġġar. Hija sfida ekonomika, soċjali, politika u umana”.

Ir-relatur jirrakkomanda li l-Istati Membri jallokaw parti mir-riżorsi tagħhom fi ħdan l-inizjattiva REACT-EU għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, biex b’hekk jippermettu bidu mill-ġdid effiċjenti kif ukoll tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera wara l-kriżi tal-COVID-19. Ir-relatur jissuġġerixxi wkoll li fejn meħtieġ jiġu stabbiliti punti ta’ kuntatt transfruntiera nazzjonali li jkunu stabbli, permanenti u jkopru s-setturi amministrattivi kollha, fattur li jista’ jgħin fit-tneħħija sistematika tal-ostakli fil-fruntieri, u jinnota li għandu jinżamm livell minimu ta’ kooperazzjoni transfruntiera irrispettivament miċ-ċirkostanzi, anke fi żminijiet ta’ kriżi.

Sabiex jiżdied l-aċċess għas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni tal-fruntiera, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal proposti leġiżlattivi bħall-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew (ECBM), li bħalissa huwa mblukkat fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ir-relatur jenfasizza wkoll il-benefiċċji u l-potenzjal tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) li jista’ jkun siewi b’mod partikolari f’każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi huma l-fornituri ewlenin u fejn hemm bżonn ta’ baġit u persunal komuni.

Il-KtR ingħaqad ukoll mal-Alleanza Ewropea taċ-Ċittadini Transkonfinali mnedija mill-Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej (AEBR), il-Mission Operationelle Transfrontalière (MOT) u s-Servizz tal-Ewropa Ċentrali għall-Inizjattivi Transkonfinali (CESCI) f’Ġunju 2020 b’segwitu tal-esperjenzi tal-kriżi tal-COVID-19. L-Alleanza tistieden liċ-ċittadini interessati kollha li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera, kif ukoll kull ċittadin interessat fis-suġġett, biex jingħaqdu mal-Alleanza u jiffirmawha fuq is-sit web tal-KtR.

Informazzjoni ta’ sfond:

  • Il-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew (ECBM) ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 bħala soluzzjoni biex jingħelbu l-ostakli ġuridiċi u amministrattivi li jfixklu l-kooperazzjoni transfruntiera. F’ċerti ċirkostanzi, il-mekkaniżmu jippermetti l-applikazzjoni ta’ liġijiet ta’ stat ġar f’reġjuni transfruntiera. Il-Proposta bħalissa hija mblukkata fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

  • L-inizjattiva REACT-EU hija parti mill-pjan ta’ rkupru tal-UE u tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. L-inizjattiva, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021, hija waħda mill-akbar programmi taħt l-istrument il-ġdid Next Generation EU, u tlaħħaq EUR 47.5 biljun.

  • Ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) huwa strument legali maħsub biex jiffaċilita u jippromovi l-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jmexxi l-pjattaforma tar-REKT , li tintegra r-rappreżentanti politiċi u tekniċi tar-REKT eżistenti kollha, ir-REKT li qed jiġu stabbiliti u l-membri tal-Grupp ta’ Esperti kif ukoll l-assoċjazzjonijiet u esperti u partijiet interessati oħrajn.

Persuna ta’ kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0) 494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Tobias Kolonko

Tel. +32 2 282 2003

tobias.kolonko@ext.cor.europa.eu

Ikkondividi :