Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Diskors tal-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, fis-sessjoni inawgurali tal-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa  

“Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-kopresidenti għall-ħidma eċċezzjonali u l-appoġġ kbir tagħhom.

Għeżież kollegi, ninsab hawnhekk f’isem il-miljun politiku elett reġjonalment u lokalment u t-300 reġjun u d-90,000 muniċipalità tal-Ewropa.

Għeżież ħbieb, huwa bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea li llum għandna arja aktar nadifa, nikkunsmaw prodotti ta’ kwalità għolja, għandna sptarijiet mgħammra aħjar u skejjel u servizzi pubbliċi diġitalizzati.

Iżda jekk illum tistaqsi ċittadin medju tal-Ewropa jekk iħossx u jekk jirrealizzax b’liema mod l-Unjoni Ewropea hija involuta fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, taħseb li se tirċievi t-tweġiba t-tajba? Nibża’ li le. Huwa tiegħu jew tagħha t-tort? Dażgur li le. Ifisser li xi mkien żbaljajna.

U dan huwa dak li rridu nagħmlu matul din il-konferenza: jeħtieġ li nisimgħu, neħtieġu djalogu kredibbli u jeħtieġ li niffukaw fuq il-ħtiġijiet reali u l-kwistjonijiet taċ-ċittadini. U fuq kollox jeħtieġ li noħolqu viżjoni ġdida li tgħaqqadna dwar il-klima, il-mobbiltà, l-ekonomija lokali u l-impjiegi lokali, dwar id-diġitalizzazzjoni, u naturalment dwar il-valuri Ewropej tagħna, dwar l-edukazzjoni u l-kultura.

Jeħtieġ li nqarrbu lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha u jeħtieġ li nagħmlu mod li kulħadd jifhem li Brussell u l-UE mhumiex ’il bogħod. Għall-kuntrarju: l-Ewropa tinsab kullimkien.

Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qiegħed hawn biex jgħin f’dan il-proċess u biex iġib valur miżjud fil-post f’kull reġjun, belt u raħal, permezz tal-ħidma politika tagħna mal-membri tagħna, permezz tad-djalogi lokali tagħna maċ-ċittadini u permezz tal-alleanzi li bnejna fl-Ewropa ma’ assoċjazzjonijiet territorjali u Ewropej u familji politiċi.

Ninsab definittivament pożittiv li nistgħu nagħmlu dan kollu realtà u li flimkien nagħmlu din il-konferenza suċċess!”

Matul is-sessjoni inawgurali tal-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, tkellmu 8 membri tal-KtR:

  • Apostolos Tzitsikostas (EL/PPE), President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali, il-Greċja; President tal-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni Griegi)

  • Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE), L-1 Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores, il-Portugall)

  • Olgierd Geblewicz (PL/PPE), President tal-Grupp PPE (President tar-Reġjun ta’ Zachodniopomorskie, il-Polonja, President tal-Assoċjazzjoni Pollakka tar-Reġjuni)

  • Kata Tüttő (HU/PSE), Viċi President tal-Grupp PSE (Viċi Sindku ta’ Budapest, l-Ungerija)

  • François Decoster (FR/Renew Europe), President tal-Grupp Renew Europe (Sindku ta’ Saint Omer, Franza)

  • Roberto Ciambetti (IT/KRE), President tal-Parlament Reġjonali tal-Veneto, l-Italja

  • Kieran McCarthy (IE/AE), President tal-Grupp AE (Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Cork, l-Irlanda)

  • Muhterem Aras (DE/Il-Ħodor), President tal-Parlament tal-Istat ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja

3 membri oħra tal-KtR intervjenew bħala rappreżentanti nominati mill-Parlamenti nazzjonali: Matteo Bianchi (IT/KRE), Birgit Honé (DE/PSE) u Karel Vanlouwe (BE/AE).

Barra minn hekk, l-eks President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz (BE/PSE) tkellem waqt is-sessjoni “Catch-the-eye”.

Kelliem f’isem il-President:

Michele Cercone

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu