Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-allokazzjonijiet speċjali għar-reġjuni tal-faħam m’għandhomx jiddevjaw il-flus mill-politika reġjonali  
L-appoġġ mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għandu jiġi kanlizzat mill-programmi tal-fondi ta’ koeżjoni

Ir-reġjuni li jipproduċu l-faħam għandhom jirċievu flus mill-Unjoni Ewropea biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tagħhom lil hinn mill-karburanti fossili, qal il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-9 ta’ Ottubru. Madankollu, l-assemblea tal-UE għall-mexxejja lokali u reġjonali saħqet li l-appoġġ ma għandux ikun għad-detriment ta’ reġjuni oħrajn.

It-talba mill-mexxejja lokali u reġjonali hija għal appoġġ favur miżuri speċjali biex jgħinu diversi tużżani ta’ reġjuni u għal protezzjoni tal-baġit tal-UE għall-iżvilupp reġjonali, li xi mexxejja nazzjonali tal-UE jixtiequ jaraw li jitnaqqas sostanzjalment. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet kemm tnaqqis fil-fondi ta’ koeżjoni għall-iżvilupp reġjonali, kif ukoll il-ħolqien ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għar-reġjuni tal-faħam. Il-President il-ġdida tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen , ma qalitx kif se jiġi ffinanzjat il-Fond.

L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ġiet abbozzata minn Mark Speich (DE/PPE), Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali għall-Istat Ġermaniż tan-Nordrhein-Westfalen.

Is-Sur Speich qal li: " It-tibdil fil-klima huwa sfida għall-Ewropa kollha. It-trasformazzjoni tar-reġjuni tal-faħam hija kontribut kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima. Għalhekk, l-UE għandha tappoġġja lir-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni. L-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għat-tranżizzjoni soċjoekonomika tar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Sabiex jitqanqlu investimenti ġodda għandna bżonn ukoll biżżejjed flessibbiltà għar-reġjuni fir-rigward tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni.”

Kompla jgħid: “Napprezza l-proposta tal-President eletta tal-Kummissjoni għal Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Dan il-Fond għandu jkun imfassal biex inaqqas l-impatti soċjali, soċjoekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mill-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam Ewropej. Madankollu, dan il-fond ikollu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali u mhux mill-pakkett previst għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Il-finanzjament għandu jkun marbut mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni. Dan il-finanzjament addizzjonali jista’ mbagħad jintuża biex isaħħaħ il-programmi tal-FEŻR u tal-FSE għal dawn r-reġjuni fil-livell 2 tan-NUTS matul is-seba’ snin li ġejjin.”

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR jargumentaw li l-appoġġ mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għandu jiġi kanalizzat mill- programmi tal-fondi ta’ koeżjoni. Dawn jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li l-UE tippermetti li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkollhom aktar flessibbiltà biex jappoġġjaw lin-negozji milqutin mit-tranżizzjoni lil hinn mill-faħam. Il-KtR jgħid li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li ser jiskadu fl-2020, għandhom jiġu riveduti biex jiżguraw “li dawn ir-reġjuni tal-faħam jingħataw biżżejjed flessibbiltà sabiex ikunu jistgħu jillimitaw l-impatti soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mit-tneħħija gradwali tal-faħam”.

Is-Sur Speich qal li “ L-appoġġ għal perspettivi soċjoekonomiċi ġodda fir-reġjuni tal-faħam għandu jibda minn issa - ikun tard wisq biex naġixxu meta l-qagħda ekonomika fir-reġjuni tal-faħam tkun marret għall-agħar.”

It-350 membru tal-KtR jinkludu ħafna rappreżentanti mill-41 reġjun fi 12-il Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit) li għad għandhom minjieri tal-faħam. Il-KtR rrakkomanda kooperazzjoni fost dawn ir-reġjuni – u bejnhom u l-livelli ta’ gvern nazzjonali u tal-UE – huma u jaġġustaw l-ekonomiji tagħhom, kemm biex tiġi evitata d-duplikazzjoni kif ukoll biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR jidentifikaw it-taħriġ vokazzjonali addizzjonali, il-ħolqien ta’ universitajiet tekniċi, l-iżvilupp ta’ ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni, u d-diġitalizzazzjoni bħala għodod kritiċi biex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom.

L-Opinjoni tal-KtR tenfasizza wkoll il-potenzjal tal-iżvilupp tal-aspetti pożittivi li dawn ir-reġjuni diġà għandhom. Din targumenta li t-trasformazzjoni strutturali f’dawn ir-reġjuni għandha tuża n-nisġa attwali industrijali u tal-enerġija bħala l-bażi għall-iżvilupp, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċikli ta’ innovazzjoni u ta’ investiment tal-atturi industrijali eżistenti, u tibni fuq ir-raggruppamenti industrijali, il-ħiliet operazzjonali u l-kapaċità ta’ riċerka.

Il-konferenza ta’ livell għoli organizzata mill-KtR fit-9 ta’ Ottubru – Ir-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni – kienet tinkludi lil ministri nazzjonali u mexxejja reġjonali minn ħdax-il reġjun tal-faħam fi tmien Stati Membri, flimkien ma’ Günther Oettinger, il-Kummissarju Ewropew għall-Baġit u r-Riżorsi Umani.

Il-proposta biex jinħoloq Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta hija element importanti tal-programm ippreżentat mis-Sinjura von der Leyen, li se tilħaq president tal-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru. Fit-2 ta’ Ottubru, il-Kummissarju Ewropea eletta għall-Koeżjoni u r-Riforma, Elisa Ferreira , qalet the lill-Parlament Ewropew li kienet se tippreżenta proposta għall-Fond fi żmien 100 jum minn meta tieħu l-kariga. Kompitu ieħor minn tal-bidu tal-Kummissjoni li jmiss se jkun li jintlaħaq ftehim mal-Istati Membri tal-UE u mal-Parlament Ewropew dwar il-baġit tal-UE għall-2021-27.

It-tneħħija gradwali tal-industrija tal-faħam hija mistennija li twassal għal għadd kbir ta’ impjiegi li jintilfu fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fi Spanja u fir-Renju Unit, bis-sensji wkoll fil-Greċja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja. Studju li sar jissuġġerixxi li ż-żewġ reġjuni fejn il-konsegwenzi soċjali jistgħu jkunu l-akbar huma r-reġjun Grieg ta’ Dytiki Makedonia u r-reġjun tar-Rumanija ta’ Sud-Vest Oltenia.

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)2 282 2366

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Share: