Il-gżejjer, iż-żoni rurali, ir-reġjuni transfruntiera u muntanjużi jeħtieġu miżuri mfassla apposta sabiex ikunu jistgħu jibqgħu attraenti, biex jindirizzaw l-inugwaljanzi u b’hekk jikkontrobilanċjaw l-iżvantaġġi ġeografiċi tagħhom, jiddikjara l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) f’Opinjoni mfassla mill-President tal-Assemblea Reġjonali ta’ Korsika.
Ir-reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, bħal dawk b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u muntanjużi, iż-żoni rurali u r-reġjuni li qed jesperjenzaw tranżizzjoni industrijali, ikopru l-biċċa l-kbira tal-massa tal-art Ewropea. Pereżempju, iż-żoni muntanjużi jirrappreżentaw 29 % tal-erja tas-superfiċje tal-UE, filwaqt li 20,5 miljun persuna (4,6 % tal-popolazzjoni tal-UE) jgħixu fuq gżejjer. Minħabba l-ispeċifiċità tagħhom, kull wieħed minn dawn it-territorji huwa partikolarment fraġli u espost għal disparitajiet soċjali u ekonomiċi li qed jiżdiedu, li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari għalihom, kif iddikjarat fit-Trattati kostituttivi tagħha.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, qal li: “It-Tmien Rapport dwar il-Koeżjonijiżvela li d-disparitajiet fl-Ewropa qed jiżdiedu, u qed jaffettwaw territorji li għandhom żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti b’mod partikolari. Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol vitali x’taqdi biex tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa u biex l-ebda territorju ma jitħalla jibqa’ lura. Il-politiki kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali jeħtieġ li jitfasslu b’rispett għall-prinċipju ta’ ‘la tagħmilx ħsara’.”
Ir-relatur tal-Opinjoni adottata fl-1 ta’ Diċembru fis-sessjoni plenarja, Marie-Antoinette Maupertuis (FR/AE), President tal-Assemblea Reġjonali ta’ Korsika, qalet li: “L-Unjoni Ewropea ma tkunx qed tirrispetta it-Trattat kostituttiv tagħha jekk ma tqisx biżżejjed il-limitazzjonijiet ta’ territorji bħall-gżejjer, il-muntanji u ż-żoni rurali. Il-kundizzjoni ġeografika tagħhom timplika spejjeż addizzjonali għal servizzi bħat-trasport, l-enerġija, il-konnettività diġitali, li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati sabiex ma jiżdidux id-disparitajiet interreġjonali. Għalhekk, il-Kumitat jappella sabiex il-ħtiġijiet ta’ dawn ir-reġjuni jiġu inklużi fl-iżvilupp tad-diversi politiki tal-UE b’dimensjoni territorjali, lil hinn mill-Politika ta’ Koeżjoni.”
Matul id-dibattitu, Younous Omarjee, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew, qal li: “L-Artikolu 174 tat-Trattat tal-UE huwa mmirat lejn il-vera objettiv tal-politika ta’ koeżjoni, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà mmirat lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn it-territorji Ewropej kollha.Għad fadal ħafna xi jsir, u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 174 għandhom ikomplu jiġu promossi u affermati mill-ġdid, kif qed jagħmel il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-futur tal-politika ta’ koeżjoni.”
Il-KtR irrimarka li l-isforzi attwali tal-Unjoni Ewropea biex tippromovi l-koeżjoni fil-kontinent – bħall-Aġenda Territorjali 2030 u l-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – jistgħu ma jkunux biżżejjed. L-Opinjoni tissuġġerrixi li d-distakk rurali-urban li qed jikber, kif ukoll it-tnaqqis taż-żoni industrijali, huma wkoll ta’ tħassib sinifikanti minħabba li qed jikkontribwixxu għall-polarizzazzjoni politika, u li dawn qed iqanqlu s-sentiment tan-nies li d-drittijiet demokratiċi tagħhom qed jiġu miċħuda, u qed jaggravaw in-nuqqas ta’ fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE.
Il-mexxejja lokali għalhekk jappellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali element ewlieni tal-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE, b’mod partikolari għal politiki bħat-trasport, l-enerġija, is-suq uniku u l-kompetizzjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza adottati biex jitħaffef l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19. Fil-fehma tal-KtR, approċċ bħal dan jindirizza aħjar l-inugwaljanzi u jippromovi l-koeżjoni ekonomika fl-Ewropa, u jirrispetta l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” propost reċentement mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-KtR iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri joħolqu punti uniċi ta’ servizz fil-livell reġjonali jew lokali għall-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, sabiex jiffaċilitaw il-fehim ta’ dawn ir-riżorsi u l-aċċess għalihom għal territorji bi żvantaġġi ġeografiċi u demografiċi, li ħafna minnhom ibatu minn nuqqas ta’ forza tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.
Kuntest:
Il-ġurnata ta’ qabel l-adozzjoni fil-Plenarja tal-KtR, fit-30 ta’ Novembru, ir-relatur Marie-Antoinette Maupertuis ippreżentat l-Opinjoni tagħha lill-membri tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew. Reġistrazzjoni bil-vidjo tal-laqgħa hija disponibbli hawnhekk.
Skont l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex “tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji”, l-UE għandha tagħti “attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.”
It-8 Rapport dwar il-Koeżjoni ġie ppubblikat fi Frar mill-Kummissjoni Ewropea. Dan juri kemm xejriet pożittivi kif ukoll negattivi fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali tal-UE: ir-reġjuni inqas żviluppati bdew ilaħħqu mad-distakk, iżda ħafna reġjuni fi tranżizzjoni nqabdu f’nassa ta’ żvilupp. Ir-Rapport juri żieda fid-disparitajiet, b’mod partikolari fl-Istati Membri, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat it-territorji bi żvantaġġi ġeografiċi strutturali. Il-KtR adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni f’Ottubru.
Flimkien mal-assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin tal-bliet u r-reġjuni, il-KtR huwa msieħeb fundatur tal-#CohesionAlliance, li l-missjoni tiegħu hija li jafferma l-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u objettiv ewlieni għall-investiment u l-politiki kollha tagħha. Aktar informazzjoni hawnhekk.
Persuni ta’ kuntatt:
Monica Tiberi – Kelliema f’isem il-President
Tel: +32 479 51 74 43
monica.tiberi@cor.europa.eu
Matteo Miglietta
Tel. +32 (0) 470 89 53 82
matteo.miglietta@cor.europa.eu