Strateġija ġdida tal-UE għan-negozji ż-żgħar għandha tkun appoġġjata minn finanzjament addizzjonali, minn programmi għall-bini tal-kapaċità, u minn sħubija usa’ mal-gvern lokali.
In-negozji ż-żgħar jeħtieġu azzjoni usa’ u aktar fit-tul mill-Unjoni Ewropea biex tgħinhom jespandu l-operazzjonijiet tagħhom, jiksbu aċċess għall-offerti pubbliċi, u jibbenefikaw aktar mis-suq uniku, jargumenta l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jikkontribwixxu għal strateġija ppjanata mill-president il-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-proposti tal-assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali, li ġew adottati fit-8 ta’ Ottubru, jinkludu aġġustament fid-definizzjoni ta’ negozju żgħir u ta’ daqs medju, aċċess iżjed faċli għal finanzjament akbar mill-UE, u mudell ta’ sħubija favur in-negozju li jagħti aktar attenzjoni lid-dimensjoni lokali u reġjonali.
L-Opinjoni – intitolata “ Il-kontribut tar-reġjuni u l-bliet għall-qafas ta’ politika ġdid tal-UE għall-SMEs ” – tespandi fuq riżoluzzjoni adottata f’Ġunju 2019, li fiha l-KtR talab li l-Kummissjoni l-ġdida, li għandha tibda l-kariga tagħha f’Novembru, “iżżid il-kapaċità tal-SMEs biex ikunu innovattivi, joperaw b’mod transkonfinali u jadattaw għal mudelli ekonomiċi ġodda” u ssaħħaħ “[i]d-dimensjoni tal-SMEs fit-tfassil tal-politika tal-UE”. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew abbozzati minn Tadeusz Truskolaski (PL/AE), Sindku tal-belt Pollakka ta’ Białystok u eksekonomista li kiteb żewġ Opinjonijiet preċedenti dwar l-appoġġ tal-UE għan-negozji żgħar.
Is-Sur Truskolaski qal: “Is-Small Business Act tal-UE li ilu għaddej għaxar snin kien rivoluzzjonarju u l-Kummissjoni li se ttemm il-mandat tagħha dalwaqt għamlet kontributi importanti, inkluż li għamlitha aktar faċli għall-SMEs biex ikollhom aċċess għas-swieq tal-flus pubbliċi u billi tiżgura li jkun hemm dimensjoni reġjonali u lokali b’saħħitha għan- Netwerk Enterprise Europe . Iżda jeħtieġ li nimlew il-lakuni li għad fadal u nirreaġixxu għal żviluppi ġodda, inklużi aspettattivi dejjem akbar dwar ir-rwol tan-negozji ż-żgħar fit-tranżizzjoni għal ekonomija soċjalment u ambjentalment sostenibbli. B’mod ġenerali, is-suq uniku huwa storja ta’ suċċess għall-UE, iżda ninsabu ’l bogħod minn suq uniku li verament jaħdem għall-SMEs. Għalhekk ninsab kuntent ħafna li l-President eletta tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ipproponiet strateġija ġdida għall-SMEs, inkluża enfasi akbar fuq id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs.”
Huwa ssokta jgħid li: “Bħalissa, qed naraw polarizzazzjoni ekonomika tar-reġjuni tal-UE, minħabba li negozji akbar – ħafna minnhom ikkonċentrati f’ċentri ekonomiċi nazzjonali – qed jikbru b’rata aktar mgħaġġla min-negozji ż-żgħar. Għalhekk, it-tisħiħ tal-politiki tal-SMEs se jgħin lill-ekonomija Ewropea biex issir aktar ġusta u inklużiva soċjalment. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandu jkollhom rwol aktar attiv fit-tfassil u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE. Fil-fehma tagħna, dan jirrifletti l-ħtieġa li tingħata prijorità lil approċċ orjentat l-ewwel lejn il-livell lokali u reġjonali, imbagħad lejn dak nazzjonali u internazzjonali. B’mod ġenerali, għandna nappoġġjaw lin-negozji ż-żgħar biex jespandu u jinnovaw mill-mument li jidħlu fis-suq lokali sa meta jidħlu fis-suq globali.”
L-Opinjoni tal-KtR tappella għal żieda fil-livell ta’ finanzjament tal- Programm għas-Suq Uniku tal-UE. “L-investiment tal-UE fin-negozji ż-żgħar – u, b’mod iżjed ġenerali, fl-ikkompletar tas-suq uniku – jiżgura benefiċċji finanzjarji u soċjali kbar għar-reġjuni tal-UE,” qal is-Sur Truskolaski, “u n-negozji ż-żgħar huma wkoll atturi kruċjali fl-emerġenza tal-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa.” Huwa żied jgħid li, fir-reġjun tiegħu tal-Lvant tal-Polonja, hemm raggruppamenti ta’ negozji kompetittivi u innovattivi attivi fil-produzzjoni tat-tagħmir mediku, tessuti u softwer li bbenefikaw mill-għajnuna tal-UE.
Minbarra li jitlob baġit akbar għall-iżvilupp tas-suq uniku, il-KtR jargumenta li l-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE għandhom jitfasslu b’mod li jappoġġjaw l-SMEs u l-mikrointraprenditorija f’firxa ta’ programmi. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika l-modi għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-fondi tal-UE u biex tiżviluppa programmi li jgħinu biex tinbena l-kapaċità ta’ appoġġ għal ambjent li jiffavorixxi n-negozju.
Il-KtR huwa wkoll favur reviżjoni tad-definizzjoni ta’ “SMEs” attwalment użata fil-livell tal-UE, għall-benefiċċju tal-intrapriżi ta’ daqs medju (kumpaniji li jħaddmu sa 500 ruħ). Huwa jargumenta li l-intrapriżi ta’ daqs medju “jistgħu jiġu mqabbla fl-istrutturi tagħhom” mal-SMEs (kumpaniji b’inqas minn 250 impjegat) “iżda xorta ma jibbenefikaw mill-ebda privileġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji kbar”.
Filwaqt li jinnota li n-negozji ż-żgħar fl-UE huma kawti rigward il-kummerċ transkonfinali u dwar l-applikazzjoni għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, l-Opinjoni tissuġġerixxi li l-għoti ta’ punti ta’ bonus lil kumpaniji ta’ oriġini lokali u reġjonali jista’ jinkoraġġixxi aktar offerti minn negozji żgħar. Fid-9 ta’ Ottubru, il-KtR iddedika Opinjoni separata għall-akkwist pubbliku. Din l-Opinjoni, ta’ Thomas Habermann (DE/PPE), kienet ibbażata fuq feedback minn netwerk ta’ 36 reġjun tal-UE , minn Alentejo fil-Portugall sa Mazowsze fil-Polonja.
Fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, bħalissa huwa mistenni li l-politika dwar l-SMEs tkun ir-responsabbiltà ta’ tliet persuni: Margrethe Vestager, Viċi President Eżekuttiv għall-portafoll “Ewropa Adatta għall-Era Diġitali” u Kummissarju għall-Kompetizzjoni; Valdas Dombrovskis, Viċi President Eżekuttiv għall-portafoll “Ekonomija li taħdem għan-nies” u Kummissarju għas-Servizzi Finanzjarji; u Sylvie Goulard, Kummissarju għas-Suq Intern.
Kuntatt:
Andrew Gardner
Tel. +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu