Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Sitt Reġjuni Ewropej ippremjati għall-viżjoni intraprenditorjali tagħhom ta’ rkupru sostenibbli  

Il-Muniċipalità ta’ Castelo Branco (il-Portugall), il-Muniċipalità ta’ Gabrovo (il-Bulgarija), ir-Reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa (il-Finlandja), ir-Reġjun ta’ Madrid (Spanja), Provence-Alpes-Côte d’Azur (Franza) u l-Provinċja ta’ Silesia (il-Polonja) intgħażlu bħala r-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER) 2021-22

Il-Muniċipalità ta’ Castelo Branco (il-Portugall), il-Muniċipalità ta’ Gabrovo (il-Bulgarija), ir-Reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa (il-Finlandja), ir-Reġjun ta’ Madrid (Spanja), Provence-Alpes-Côte d’Azur (Franza) u l-Provinċja ta’ Silesia (il-Polonja) intgħażlu bħala r-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER) 2021-22. Din it-tikketta ta’ eċċellenza, mogħtija mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), tingħata lir-reġjuni li jkunu wrew prospettiva intraprenditorjali eċċezzjonali u strateġija ta’ tkabbir intelliġenti, filwaqt li jqisu sfidi soċjetali akbar. L-edizzjoni magħquda tal-2021-22 hija ċċentrata madwar it-tema “Intraprenditorija għal irkupru sostenibbli”.

Filwaqt li kienu affettwati b’mod profond mill-kriżi, ir-reġjuni rebbieħa tal-EER għall-2021-22 urew li kienu kapaċi jużaw il-kriżi bħala tieqa ta’ opportunità biex jerġgħu jwittu t-triq tal-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Il-KtR jippremja lil dawn it-territorji bħala xempji ta’ rkupru Ewropew sostenibbli.

Waqt il-ftuħ taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, il-President tal-KtR Apostolos Tzitzikostas qal: “ Nifraħ lir-reġjuni kollha li rċevew il-premju u lill-mexxejja politiċi tagħhom għall-istrateġiji intraprenditorjali kuraġġużi u li jħarsu ’l quddiem. Il-pandemija tal-COVID-19 kienet ta’ sfida għall-SMEs fl-Istati Membri kollha . Din ħarġet fid-dieher il-ħtieġa għal reviżjoni tal-mudelli tan-negozju, evalwazzjoni mill-ġdid tal-impatt tal-prattiki ekonomiċi u li r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Irridu nkomplu nappoġġjaw l-SMEs tagħna, il-muturi tat-tkabbir u l-impjegaturi ewlenin fir-reġjuni tagħna .”

Michael Murphy (IE/PPE), President tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika tal-KtR, qal: “ Ir-reġjuni u l-bliet fejn jgħixu persuni bi spirtu intraprenditorjali għandhom ċans aħjar li jegħlbu l-kriżijiet u jirnexxu f’dinja li qed tinbidel malajr. Nistieden lir-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej li għadhom kif ingħataw il-premju biex jiċċelebraw l-intraprenditorija fit-territorji tagħhom u biex ikunu ħabrieka fl-isforzi tagħhom ħalli jibnu ambjenti ekonomiċi u soċjali li jwasslu għall-attività intraprenditorjali .”

Peress li l-premju tal-EER kien frott il-kollaborazzjoni mill-qrib tal-KtR mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament, Hubert Gambs , Viċi Direttur tad-DĠ GROW, u Eva Maydell , MEP, ingħaqdu fiċ-ċerimonja biex jifirħu lir-reġjuni rebbieħa, fejn Eva Maydell qalet: “ Matul il-kriżi tal-COVID-19, rajna l-aġilità, ir-reżiljenza u l-ispirtu intraprenditorjali ta’ ħafna reġjuni Ewropej. Ninsab ċerta li r-reġjuni intraprenditorjali tagħna se jkunu l-mutur għall-irkupru ekonomiku tal-Ewropa. Jeħtieġ li nappoġġjawhom b’investimenti u riżorsi fix-xhur u s-snin li ġejjin. Ma nistgħux nirrepetu l-istess żbalji – il-flus li nonfqu jeħtieġ li jmorru f’reġjuni li huma lesti jħaddnu ħila kreattiva f’konformità mal-għanijiet soċjali u ambjentali tas-soċjetà tagħna .”

Ir-rebbieħa tal-EER 2021-22:

Ir-Reġjun ta’ Madrid (Spanja)

Il-pjan ta’ rkupru tar-Reġjun ta’ Madrid, filwaqt li huwa integrat fi strateġija ta’ żvilupp fit-tul f’diversi livelli, huwa prinċipalment iċċentrat fuq elementi kollaborattivi li għandhom l-għan li joħolqu konnessjonijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat. Il-ħolqien ta’ Kunsill għall-Intraprenditorija se jiġbor flimkien varjetà ta’ intraprendituri, mikrointrapriżi u SMEs u se joħloq sinerġiji u effetti tan-network. L-istrateġija twieġeb mill-qrib għal-linji gwida tal-politika tal-UE dwar l-SMEs u timmobilizza riżorsi sinifikanti. B’mod partikolari jitqiesu l-interessi tal-intraprendituri nisa.

Isabel Diaz Ayuso , il-President tar-Reġjun ta’ Madrid, qalet: “Aħna nemmnu li l-aħjar mod biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika u soċjali li thedded lil Madrid, lil Spanja u lill-Ewropa huwa billi l-imprendituri innovattivi u kreattivi jitħallew imexxu l-irkupru. Għalhekk, issa aktar minn qatt qabel, irridu nkunu qrib tagħhom. Irridu nkunu l-mutur ekonomiku ta’ pajjiż li jmexxi l-irkupru ekonomiku u tal-impjiegi fil-livell Ewropew, kif diġà għamilna fil-kriżi tas-snin 2000.”

Provence-Alpes-Côte d’Azur, Franza

L-istrateġija tal-SMEs tar-Reġjun Provence-Alpes-Côte d’Azur (Région Sud) hija integrata fi pjan ta’ żvilupp reġjonali usa’ li għandu l-għan li jsaħħaħ id-“DNA Intraprenditorjali” tar-reġjun madwar mudell ta’ rkupru ekonomiku sostenibbli. Ir-reġjun intlaqat ħażin ferm min-nuqqas attwali fit-turiżmu u jantiċipa li se jġarrab effetti sostanzjali mit-tibdil fil-klima. F’dan il-kuntest mimli sfidi, l-awtoritajiet reġjonali jippruvaw jivvintaw mill-ġdid iċ-ċikli ekonomiċi lokali u jkomplu jikkapitalizzaw fuq l-ekosistema vibranti tan-negozji l-ġodda u l-SMEs li jħaddnu teknoloġija avvanzata. L-integrazzjoni reġjonali b’saħħitha ta’ Région Sud, b’mod partikolari r-rabtiet ekonomiċi li għandu fiż-żona tal-Mediterran, għandha potenzjal kbir li tisfrutta l-effetti multiplikaturi fir-reġjuni konnessi permezz ta’ tranżizzjoni ekoloġika ta’ suċċess tal-ekonomija tagħha.

Renaud MUSELIER , President tar-Reġjun Provence-Alpes-Côte d’Azur u President ta’ Régions de France qal:

Huwa unur kbir għar-Reġjun Provence-Alpes-Côte d’Azur li llum qed jirċievi dan il-premju. Il-fatt li r-reġjun tagħna kien l-uniku reġjun Franċiż li rċieva l-premju, minn fost biss sitt reġjuni Ewropej, juri kemm huwa innovattiv, dinamiku u intraprendenti. Minn Marzu 2020, għamilna dak kollu li stajna biex naħdmu flimkien mal-imsieħba ekonomiċi tagħna biex ngħinuhom joħorġu minn din il-kriżi storika. Dan il-premju huwa r-riżultat ta’ ħidma kkoordinata mal-istituzzjonijiet Ewropej, u l-Kummissjoni Ewropea b’mod partikolari, li għamlu l-għażla ġusta billi taw is-setgħa lir-reġjuni ħalli jimplimentaw il-pjan ta’ rkupru Ewropew.

Ir-Reġjun ta’ Silesia, il-Polonja

Bħala ċentru ewlieni għax-xogħol tal-minjieri u tal-metall mis-seklu 19, l-industriji peżanti tradizzjonalment sawru l-ekonomija ta’ Silesia. Ir-riformi strutturali u l-allokazzjoni intelliġenti tal-fondi Ewropej taw bidu għal modernizzazzjoni profonda tal-industriji varji tagħha u ppermettew l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien iffukata fuq interkonnessjonijiet b’saħħithom bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp u n-negozji lokali. Filwaqt li aċċellerat it-trasformazzjoni tal-ekonomija ta’ Silesia, il-pandemija li għaddejja serviet ta’ sfond biex il-gvern reġjonali jistabbilixxi skema ta’ modernizzazzjoni industrijali fuq skala kbira: l-Istrateġija Ekoloġika ta’ Silesia, li tinvolvi b’mod attiv partijiet interessati importanti, l-SMEs u l-atturi tas-soċjetà ċivili biex flimkien isawru l-bidla lejn ekonomija ekoloġika.

Jakub Chełstowski , Marixxal tal-Provinċja ta’ Silesia u membru tal-KtR, qal: “ It-tikketta Reġjun Intraprenditorjali Ewropew 2021-2022 hija ta’ unur kbir għalina, iżda fuq kollox hija obbligu biex inwettqu aktar attivitajiet immirati lejn l-appoġġ u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fir-reġjun. It-tikketta EER hija opportunità li l-Provinċja ta’ Silesia se tuża bis-sħiħ fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.”

Il-Muniċipalità ta’ Gabrovo, il-Bulgarija

Il-Muniċipalità ta’ Gabrovo nbidlet f’wieħed mill-aktar ċentri ekonomiċi importanti fil-Bulgarija hekk kif l-industrija tal-manifattura u tal-ipproċessar tagħha qed tikber b’rata mgħaġġla. Strateġikament, ir-reġjun għandu l-għan li jorjenta l-mudell ekonomiku tiegħu lejn aktar reżiljenza u sostenibbiltà ekoloġika. Din il-bidla se timxi id f’id ma’ investiment fl-attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud ogħla. Setturi ġodda bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u s-settur tas-servizzi jitqajmu bħala parti mill-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti ta’ Gabrovo. Biex jegħleb b’suċċess l-isfidi assoċjati ma’ din il-bidla, ir-reġjun jista’ jibni fuq rekord b’saħħtu fl-espansjoni tal-infrastruttura edukattiva tiegħu fil-qasam tal-inġinerija.

Tanya Hristova , Sindku tal-Muniċipalità ta’ Gabrovo, qalet: “ Il-viżjoni tagħna hija li niżviluppaw Gabrovo bħala muniċipalità ekoloġika, intelliġenti u innovattiva, filwaqt li nikkapitalizzaw fuq il-kisbiet rikki fl-oqsma intraprenditorjali, kummerċjali, tar-riċerka u tal-edukazzjoni filwaqt li nqisu l-opportunitajiet ġodda għal trasformazzjoni ekoloġika, diġitali u inklużiva.

Ir-Reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa, il-Finlandja

Ir-reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa għandu rekord partikolarment b’saħħtu fil-qasam tal-edukazzjoni tan-negozju. Fl-2012 kien diġà ngħata l-premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew għall-promozzjoni qawwija tiegħu tal-intraprendituri żgħażagħ. Kważi għaxar snin wara, ir-reġjun qed jimmira li joħloq l-ambjent ideali għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ intraprendituri mmexxija mis-sostenibbiltà biex jagħmlu l-pass li jmiss u jpoġġu l-ħiliet tagħhom għas-servizz ta’ trasformazzjoni soċjali u ekonomika profonda. Mogħni b’infrastruttura ta’ riċerka u edukazzjoni b’saħħitha, ir-reġjun irid iwettaq sett koerenti ta’ miżuri biex iħaffef l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u kondiviża tiegħu u biex jagħmel mudelli ta’ konsum kollaborattiv ekonomikament vijabbli.

Markku Markkula , President tar-Reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa u President tad-delegazzjoni Finlandiża għall-KtR, qal: “ Helsinki-Uusimaa kien fost l-ewwel reġjuni li ngħata t-tikketta EER fl-2012. Organizzajna sena b’aktar minn 100 avveniment li jippromovu l-intraprenditorija, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Issa qed niffaċċjaw sitwazzjoni differenti minħabba l-effetti tal-pandemija u l-emerġenza klimatika. Il-premju EER 2021-2022 għar-Reġjun ta’ Helsinki se jkun, fuq kollox, pjattaforma biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi l-ġodda u biex nikkollaboraw lokalment u internazzjonalment ħalli jkollna futur integrat ekoloġiku, diġitali u intraprenditorjali .”

Il-Muniċipalità ta’ Castelo Branco, il-Portugall

Bis-settur agroalimentari dinamiku tagħha u l-impenn politiku qawwi tagħha għall-bidla ekoloġika, il-Muniċipalità ta’ Castelo Branco għandha potenzjal sinifikanti għal irkupru sostenibbli wara l-pandemija. Sabiex jisfrutta l-effiċjenza tal-approċċi intraprenditorjali ħalli jindirizza varjetà ta’ sfidi lokali, ir-reġjun jimpenja ruħu bis-sħiħ fil-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali. Fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u fl-istituzzjonijiet edukattivi ttieħdu serje ta’ miżuri ta’ appoġġ. Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ żvilupp ta’ Castelo Branco hija integrata tajjeb ħafna fl-Istrateġija ta’ Innovazzjoni Reġjonali usa’ taċ-Ċentru tar-Reġjun tal-Portugall.

José Augusto Alves , President ta’ Castelo Branco, qal: “ F’dawn l-aħħar snin, il-Kunsill tal-Belt ta’ Castelo Branco wettaq ħidma strateġika fir-rigward tal-intraprenditorija. Illum il-ġurnata għandna ekosistema intraprenditorjali reali li tispikka fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Il-pilastri ta’ din il-ħidma huma bbażati fuq għadd ta’ infrastrutturi, li d-dinamiżmu tagħhom jippermetti li jingħata stimolu lill-intraprenditorija taż-żgħażagħ u li din titmexxa sabiex in-negozji jsiru aktar kompetittivi. It-titlu ta’ Reġjun Intraprenditorjali Ewropew mhuwiex biss raġuni li jagħmilna kburin, iżda wkoll rikonoxximent tal-istrateġija tagħna u tal-ħidma kollha li wettaqna f’dan il-qasam. Il-muniċipalità tagħna, it-task force li taħdem ta’ kuljum għall-iżvilupp tal-kumpaniji u ċ-ċittadini tagħna ta’ Castelo Branco jħossuhom kburin ħafna b’dan ir-rikonoxximent.”

Filmat tar-reġjuni rebbieħa tal-EER . Materjal vidjow addizzjonali huwa disponibbli fuq talba; jekk jogħġbok ikkuntattja lis-servizz AV audiovisualCoR@cor.europa.eu .

EER 2021-22 “Referenza speċjali”:

Il-Kontea ta’ Vukovar-Srijem, il-Kroazja

Għall-ewwel darba mit-tnedija tal-premju EER fl-2011, il-ġurija ddeċidiet ukoll li tagħti “referenza speċjali” lill-Kontea Kroata ta’ Vukovar-Srijem. L-idea hija li r-reġjun jitħeġġeġ ikompli bl-isforzi tiegħu u jerġa’ japplika fl-edizzjoni li jmiss tal-premju. Il-Kontea ta’ Vukovar-Srijem ħadet miżuri konsiderevoli biex iżżid il-kapaċitajiet innovattivi tagħha billi ssinkronizzat l-objettivi ekonomiċi tar-reġjun mal-istrateġija ta’ riċerka u żvilupp tagħha.

Sfond:

Il-premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) huwa proġett li kull sena jidentifika u jippremja territorji tal-UE li juru strateġija ta’ politika innovattiva u intraprenditorjali mill-aqwa u rrispettivament mid-daqs, il-ġid jew il-kompetenzi tagħhom. It-territorji bil-pjan l-iżjed kredibbli, promettenti u li jħares ’il quddiem jingħataw it-tikketta “Reġjun Intraprenditorjali “Ewropew” (EER) għas-sena ta’ wara.

It-tikketta tal-EER twaqqfet bi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u għandha l-appoġġ ta’ partijiet interessati fil-livell tal-UE, bħalma huma SME United , Eurochambres , Social Economy Europe  u  EURADA .

Il-ġurija tal-EER – magħmulha minn membri tal-KtR, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, imsieħba soċjali u assoċjazzjonijiet territorjali – se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali rebbieħa matul l-2021 u l-2022 bil-għan li r-rebbieħa jingħataw perspettiva oġġettiva minn barra tal-politiki tagħhom u ħarsa lejn il-progress li jkun intlaħaq matul dik is-sena.

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-edizzjoni tal-EER 2021-2022 tkopri sentejn. Fid-dawl tal-kriżi sanitarja u ekonomika attwali, il-ġurija tal-EER iddeċidiet li tgħaqqad is-sejħiet tal-2020 u l-2021, biex b’hekk ir-reġjuni jingħataw l-opportunità li jfasslu mill-ġdid l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali tagħhom u jadattawhom għall-kuntest mibdul.

Il-lista tar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej mill-2011 hija disponibbli hawnhekk .

Persuna ta’ kuntatt:

Maximilian v. Klenze

Tel. +32 22822044

Maximilian.vonKlenze@ext.cor.europa.eu

Share: