Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Iż-żoni rurali ma għandhomx jitħallew jibqgħu lura fil-pjani ta’ rkupru  

Fil-bidu tal- Ġimgħa tal-Viżjoni Rurali , il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) esprimew tħassib li ż-żoni rurali jistgħu jibbenefikaw inqas mill-pjani tal-Unjoni Ewropea biex jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ Ewropa wara l-COVID-19 li tkun aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti. L-istqarrija li ġejja, li ġiet adottata mill-membri matul il-laqgħa tal- Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali (NAT) tal-KtR, hija appoġġjata mill-Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti u Rħula Intelliġenti, li jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe pjan li ma jħaddanx il-prinċipju tas-sħubija u li ma jinvolvix liż-żoni rurali fl-abbozzar.

Il-pandemija qed taggrava ħafna mill-problemi li diġà kienu jeżistu fiż-żoni rurali, u enfasizzat għal darb’oħra l-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari f’termini ta’ kapaċità diġitali, kwalità u għoti ta’ servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-broadband, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-popolazzjoni, ir-reżiljenza tal-ktajjen tad-distribuzzjoni, u l-ħiliet tal-innovazzjoni. Tenħtieġ strateġija ċara sabiex jiġi evitat li l-pjani ta’ rkupru jaggravaw id-diskrepanza bejn il-komunitajiet rurali li għadhom lura u ż-żoni urbani li qed jaċċelleraw lejn is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, nirriskjaw li nitilfu opportunità importanti ta’ tkabbir ekonomiku u soċjali għall-Unjoni kollha kif ukoll li nitilfu l-kunsens tal-ġenerazzjonijiet futuri fil-biċċa l-kbira tat-territorji tal-UE.

Il-membri tal-Kummissjoni NAT huma mħassba li:

  • ir-reġjuni u, b’mod partikolari, ir-reġjuni rurali mhumiex involuti biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-elaborazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;
  • iż-żoni rurali jistgħu jiġu allokati inqas fondi ta’ Next Generation EU minħabba l-qafas strutturali tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u l-prijoritajiet għal azzjoni u l-metodi ta’ implimentazzjoni tagħhom, minkejja li r-reġjuni rurali ntlaqtu partikolarment ħażin mill-pandemija tal-COVID-19;
  • bosta fondi se jiġu allokati permezz ta’ sejħa għal proposti, liema ħaġa tista’ ddgħajjef il-kapaċità taż-żoni rurali li jaċċessaw il-fondi ta’ Next Generation UE, peress li tradizzjonalment iż-żoni rurali mhumiex b’saħħithom f'termini ta’ bini tal-kapaċitajiet u appoġġ tekniku fl-ipprogrammar u l-infiq tal-fondi tal-UE;
  • id-delineazzjoni attwali taż-żoni rurali probabbilment tissottovaluta l-firxa reali taż-żoni rurali fl-Ewropa peress li ż-żoni griżi intermedji x’aktarx li jaffaċċjaw l-istess sfidi bħaż-żoni rurali.

Il-membri tal-Kummissjoni NAT jistiednu:

  • lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza: dawn il-miżuri għandhom bżonn dimensjoni lokali biex ikunu effettivi;
  • lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi djalogi ta’ politika mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Ir-reġjuni rurali ma jistgħux jitħallew jibqgħu lura u l-ħtiġijiet tagħhom iridu jiġu riflessi u ssemplifikati bis-sħiħ fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza;
  • lill-atturi istituzzjonali rilevanti kollha biex jimmonitorjaw bir-reqqa l-użu tal-fondi ta’ Next Generation EU fil-livell territorjali biex jiżguraw li l-fondi jitqassmu b’mod ġust bejn ir-reġjuni;
  • lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jiffaċilitaw u jissemplifikaw l-aċċess għaż-żoni rurali għall-fondi ta’ Next Generation EU.

Hawnhekk issib il-lista tal-membri tal- Kummissjoni NAT u tal- Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti u Rħula Intelliġenti .

Persuni ta’ kuntatt:

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti u Rħula Intelliġenti

Adam Mouchtar

Tel. +32 499 421 655

adam.mouchtar@europarl.europa.eu

Ikkondividi :