Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Tibda t-tellieqa bejn ir-reġjuni għall-aħjar strateġija intraprenditorjali  
L-edizzjoni 2020 tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew miftuħ għal applikazzjonijiet

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fetaħ sejħa għal applikazzjonijiet għall-premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) tal-2020 matul l-Assemblea tal-SMEs Ewropej fid-19 ta’ Novembru fi Graz, l-Awstrija. Il-premju EER huwa miftuħ għar-reġjuni u l-bliet kollha tal-UE li huma lesti li jimplimentaw strateġija ambizzjuża biex jappoġġaw l-SMEs u l-intraprendituri tagħhom. L-iskadenza biex japplikaw għat-tikketta EER 2020 hija s-27 ta’ Marzu 2019.

Kull sena, it-tikketta tal-EER hija mogħtija lil tliet territorji tal-UE, bi strateġija eċċellenti orjentata lejn il-futur għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fit-territorji tagħhom. Ir-reġjuni u l-bliet kollha tal-UE jew kwalunkwe istituzzjoni oħra lokali jew reġjonali b’kompetenza politika biex jimplimentaw viżjoni intraprenditorjali huma mistiedna jressqu l-applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mid-daqs jew il-ġid tagħhom.

" Lkoll nafu li għandna bżonn aktar imprendituri u ambjent tan-negozju aktar favorevoli lejn it-tkabbir fl-Ewropa. Il-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol kruċjali hawnhekk: lokalment, nistgħu nsaħħu ekosistemi ekonomiċi fejn l-intraprenditorija tista’ tiffjorixxi. Ir-rebbieħa tal-EER huma diversi daqs kemm tista’ tkun l-Ewropa u ippermettuli nenfasizza li dan mhuwiex klabb riżervat biss għal dawk li jkollhom l-aqwa prestazzjoni. It-tikketta hija miftuħa għat-territorji anqas sinjuri li żviluppaw strateġija ambizzjuża li tippermettielhom jimxu ‘l quddiem mill-punt inizjali speċifiku tagħhom ", qal il-Membru tal-KtR Michiel Scheffer , Ministru Reġjonali għall-Ekonomija, l-Edukazzjoni u l-Ewropa fil-provinċja Netherlandiża ta’ Gelderland, li tirrappreżenta waħda mit-tliet rebbieħa tal-edizzjoni tal-2019.

Il-ġurija tal-premju EER ser timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali u lokali ppremjati matul is-sena tal-premju (2020). Fi tmiem is-sena, il-ġurija – magħmula minn membri tal-KtR, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali – se żżur it-territorji ppremjati sabiex tivverifika l-progress li sar, tipprovdilhom għan barra mill-evalwazzjoni tal-politiki tagħhom u tikseb għarfien ġdid u ispirazzjoni għal żvilupp ulterjuri tal-iskema tal-EER.

Ir-riżultati u l-kisbiet ewlenin tar-rebbieħa tal-EER 2020 ukoll se jiġu kondiviżi u diskussi bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali permezz tan-netwerk tal-EER. Matul dawn l-aħħar tmien snin, in-netwerk kiber għal 27 territorju ppremjati minn 15-il pajjiż tal-UE (sibu l-istrateġiji rebbieħa kollha hawnhekk ), u b’hekk laħaq il-massa kritika meħtieġa għal skambju utli tal-aħjar prattiki, it-tagħlim bejn il-pari u l-kooperazzjoni b’suċċess fost ir-rebbieħa tal-passat u tal-preżent tal-EER.

L- applikazzjonijiet jintlaqgħu sas- 27 ta' Marzu 2019 . Il-formola tal-applikazzjoni u informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji ta’ valutazzjoni huma disponibbli fil- paġna web tal-EER

https://cor.europa.eu/en/engage/Pages/european-entrepreneurial-region.aspx

Nota lill-edituri:

L- Assemblea tal-SMEs hija l-avveniment l-iktar sinifikanti għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-Ewropa. Il-konferenza se sseħħ darba fis-sena matul il-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs. Flimkien man-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, l-Assemblea toħloq struttura ta’ governanza tas- Small Business Act . Din is-sena l-Assemblea saret fi Graz, l-Awstrija mid-19-21 ta’ Novembru 2018.

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)2 282 2366

Mowbajl: +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :