Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Jeħtieġ li r-reġjuni jkunu fil-qalba tal-politika ekonomika Ewropea  

Li nitgħallmu mill-awsterità li segwiet l-aħħar kriżi jfisser li jinbidlu r-regoli attwali tal-UE dwar il-governanza ekonomika u li jiġi promoss l-investiment pubbliku

L-involviment tant meħtieġ tal-bliet u r-reġjuni fit-tiswir tal-irkupru Ewropew wara l-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll fit-tfassil ta’ sistema Ewropea ġdida ta’ governanza ekonomika, kienu l-fokus ewlieni tal-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika (ECON) wara l-waqfa tas-sajf.

Il-membri tal-Kummissjoni ECON kellhom dibattitu inizjali dwar Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), l-istrument ta’ EUR 672,5 biljun (EUR 312,5 biljun f’għotjiet u EUR 360 biljun f’self) imfassla biex tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fit-twettiq tar-riformi u l-investiment fil-prijoritajiet komuni tal-UE. L-RRF hija l-akbar għodda finanzjarja inkluża fl-istrument ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun ta’ Next Generation EU, magħruf ukoll bħala l- Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa .

Christophe Rouillon (FR/PSE) , Sindku ta’ Coulaines, huwa r-relatur ġenerali tal-Opinjoni Pjan Ewropew ta’ Rkupru: Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku , li ser tiġi adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru 2020. Huwa qal li "Il-pjan ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun għandu jippermetti kemm li noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll li nidderieġu mill-ġdid il-mudell Ewropew tal-iżvilupp. Bħala r-rappreżentanti istituzzjonali tal-bliet u r-reġjuni, jiddispjaċina li l-governanza hija ċentralizzata wisq fil-livell nazzjonali u li m’hemmx biżżejjed ambizzjoni f’termini ta’ żvilupp sostenibbli. Fir-rigward tal-fondi strutturali tal-politika ta’ koeżjoni, irridu nevitaw id-duplikazzjoni u li nisirqu minn Pietru biex inħallsu lil Pawlu. Il-Fond għall-Irkupru, magħruf bħala l-“Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, jista’ jirrappreżenta qabża kwalitattiva reali biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ investiment Ewropea, iżda dan mhux se jseħħ mingħajr l-involviment tal-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa”.

Il-laqgħa li seħħet kompletament mill-bogħod ffukat ukoll fuq it-testi abbozzati minn żewġ rappreżentanti tal-Gvern tal-Vallonja. Il-membri tal-ECON ivvutaw fuq l-abbozz ta’ Opinjoni dwar Ir-rieżami tal-governanza ekonomika , imwettqa mill-Ministru-President, Elio di Rupo (BE/PSE) , u kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-abbozz ta’ Opinjoni dwar Ir-rieżami tal-politika kummerċjali, imħejjija mill-Viċi President u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Kummerċ, Willy Borsus (BE/Renew Europe). Din l-aħħar Opinjoni hija skedata li tiġi adottata mill-Kummissjoni ECON fid-19 ta’ Novembru.

Elio di Rupo (BE/PSE) , qal : " L-implimentazzjoni tas-sospensjoni tal-mekkaniżmi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir matul il-pandemija tal-COVID-19 tippermetti lill-Istati u l-awtoritajiet lokali jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji. Madankollu, ir-regoli tal-governanza ekonomika jeħtieġ li jiġu riveduti fil-fond sabiex ikunu denji tal-ambizzjonijiet ta’ Ewropa li twieġeb għall-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha u biex jiġu rilokati kumpaniji strateġiċi essenzjali (saħħa, ikel, eċċ.). Nistenna li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi test ambizzjuż għal Ewropa reżiljenti, diġitali u sostenibbli”.

Ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rieżami tal-Governanza Ekonomika, Margarida Marques (PT/PSE) , ħadet sehem fid-dibattitu. Minħabba l-miżuri tal-COVID-19, il-votazzjoni kompletament mill-bogħod dwar it-test ser tiġi ffinalizzata nhar il-Ħamis 1 ta’ Ottubru. L-adozzjoni tal-Opinjoni mill-plenarja tal-KtR hija skedata għad-9-10 ta’ Diċembru 2020.

Fit-28 ta’ Lulju, is-Sur Di Rupo u s-Sur Rouillon kellhom laqgħa virtwali mal-Kummissarju tal-UE għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni . It-tnejn li huma enfasizzaw l-importanza li l-komunitajiet lokali u reġjonali jitqiegħdu fil-qalba ta’ kull pjan nazzjonali ta’ rkupru.

Preċedentement, fit-2 ta’ Lulju, il-President tal-KtR, Apostolos Tzitzikostas , iltaqa’ mal-Kummissarju Gentiloni biex jiddiskutu kif l-aħjar jiġu involuti r-reġjuni u l-bliet fit-tmexxija ta’ Next Generation EU.

Il-Kummissarju Gentiloni se jattendi s- sessjoni plenarja tal-KtR ta’ Ottubru għal dibattitu dwar ir-reżiljenza u l-irkupru.

Il-membri kellhom ukoll skambju ta’ fehmiet ma’ Fabian Zuleeg, il-kap eżekuttiv tal-grupp ta’ riflessjoni indipendenti European Policy Centre (EPC), dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, kif ukoll dwar ir-riżerva ta’ aġġustament tal-Brexit. L-istrument speċjali l-ġdid tfassal biex jiġġieled il-konsegwenzi mhux previsti u negattivi fl-Istati Membri u s-setturi li huma l-aktar milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Skont il- konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew speċjali tas-17–21 ta’ Lulju 2020 , ir-riżerva ta’ aġġustament tal-Brexit ser ikollha baġit ta’ EUR 5 biljun għall-2021-2027.

Il-Kummissjoni ECON ħatret lil Isolde Ries (DE/PSE) , l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Saarland, biex isservi bħala r-relatur tagħha dwar Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-materja prima kritika . Il-Pjan ta’ Azzjoni ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fit-3 ta’ Settembru.

L-effetti tal-COVID-19 fir-reġjuni tal-UE u l-isfidi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala riżultat ser ikunu s-suġġett tal- ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali , li l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) – Apostolos Tzitzikostas , Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali – ser jippreżenta waqt diskors fis-sessjoni plenarja tal-KtR fit-12 ta’ Ottubru. Il-Barometru jibbaża fuq studji kkummissjonati b’mod speċjali kif ukoll fuq riċerka oħra biex jipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-kriżi u ta’ wħud mill-kwistjonijiet politiċi u ta’ politika ewlenin li jqajjem.

Dokumenti tal-laqgħa

Ikklikkja hawn biex tirreġistra għall-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet 2020

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0)2 282 2440

Mob: +32 (0)470 895382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Ikkondividi :