Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ir-reġjuni jagħmlu proposti sabiex iqarrbu l-politika ta’ koeżjoni tal-UE 2021–2027 lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini  

Sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jinkisbu aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini Ewropej kollha, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) irid li l-politika ta’ koeżjoni ssir aktar faċli, aktar flessibbli u ma tintużax bħala sanzjoni jew inċentiv biex jinkisbu għanijiet oħrajn għajr l-iżvilupp sostenibbli inklużiv. It-talbiet għal titjib u l-emendi leġislattivi fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-politika ta’ koeżjoni 2021–2027 huma inklużi f’erba’ Opinjonijiet differenti li ġew adottati mill-mexxejja lokali u reġjonali matul is-sessjoni plenarja tal-KtR fil-5 ta’ Diċembru.

Il-politika ta’ koeżjoni, b’valur ta’ EUR 365 biljun sal-2020, hija u se tibqa’ l-istrument ewlieni tal-UE għad-deċennju li ġej biex tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, tinvolvi l-atturi lokali fl-istrateġiji tat-tkabbir komuni u tagħmel l-azzjoni tagħha viżibbli f’kull komunità. Filwaqt li affermaw mill-ġdid l-oppożizzjoni tagħhom għat-tnaqqis ta’ 10 % propost mill-Kummissjoni, illum il-mexxejja lokali ressqu proposti konkreti sabiex din il-politika ssir aktar effettiva.

Il-proposti stabbiliti llum se jimmodernizzaw, jissemplifikaw u jtejbu l-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li juru l-impenn tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa għat-tisħiħ ta’ din il-politika sabiex tkun adattata għall-futur. Neħtieġu aktar flessibbiltà u ġestjoni kondiviża sabiex il-fondi jitwasslu flimkien mal-livelli kollha tal-gvern, ħalli jkun żgurat li l-UE tħalli l-impatt mistenni miċ-ċittadini tagħna. Dan se jippermetti li l-politika ta’ koeżjoni tindirizza l-isfidi li l-Ewropa tiffaċċja mhux biss illum, iżda fil-ġejjieni,” qal il-President Karl-Heinz Lambertz (BE/PSE) .

Il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Corina Cretu , żiedet tgħid, " Il-ħidma siewja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni kkontribwiet biex tistabbilixxi r-ritmu għan-negozjati . Nilqa’ l-approċċ kostruttiv tagħhom fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-appoġġ tagħhom għal prinċipju ta’ sħubija b’saħħtu, għall-iżvilupp lokali u għal ftehimiet ta’ sħubija fl-Istati Membri kollha. Sa mill-bidu nett tad-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat kien wieħed mill-aktar sostenituri vokali tal-politika ta’ koeżjoni, kif jixhed il-kontribut deċiżiv tiegħu għall-Alleanza tal-Koeżjoni. Ninsab fiduċjuża li l-kooperazzjoni tajba tagħna se tkompli tħalli l-frott u twitti t-triq għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha ”.

Il-mexxejja lokali u reġjonali evalwaw il- proposti leġislattivi għall-fażi 2021–2027 imressqa mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju li għadda u ressqu l-pożizzjoni tagħhom dwar kif jistgħu jittejbu d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-fondi prinċipali tal-UE (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew + u l-Fond Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali.

Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR)

L- Opinjoni mmexxija minn Catiuscia Marini (IT/PSE), President tar-Reġjun tal-Umbria, u Michael Schneider (DE/PPE) Segretarju tal-Istat, Rappreżentant tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt fi ħdan il-Gvern Federali, issostni li l-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi ssemplifikata u ssir aktar flessibbli billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-benefiċjarji u l-maniġers tal-fondi. Iżda s-semplifikazzjoni m’għandhiex timmina l-involviment tar-reġjuni, il-bliet u l-partijiet interessati lokali “qalet is-Sinjura Marini, filwaqt li żiedet tgħid: “ Il-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli għandhom jibqgħu pedament u assi demokratiku tal-istrument ta’ investiment ewlieni tal-Ewropa ”. Għalhekk hija meħtieġa implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

Hemm ħtieġa ċara għal rati ta’ kofinanzjament ogħla għat-tliet kategoriji ta’ reġjuni sabiex tiżdied l-attraenza tal-Politika ta’ koeżjoni ” irrimarka s-Sur Schneider, li enfasizza: “ Għalhekk, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandu jerġa’ jiġi introdott fis-CPR sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji mal-fondi l-oħrajn ”.

Fl-Opinjoni, il-Kumitat jargumenta wkoll li:

wara l-2020, l-ebda reġjun tal-UE ma għandu jiffaċċja tnaqqis sproporzjonat fil-finanzjament. Ix-“xibka ta’ sikurezza” nazzjonali proposta mill-Kummissjoni biex tillimita t-telf ta’ Stati Membri individwali għandha, minflok, tiġi introdotta fil-livell reġjonali.

Il-livell attwali ta’ kofinanzjament għandu jinżamm, bl-UE tkopri sa 85 % tal-ispiża tal-proġetti għar-reġjuni anqas żviluppati u dawk ultraperiferiċi, kif ukoll għall-Fond ta’ Koeżjoni u l-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea; 70 % tal-ispejjeż għar-reġjuni ta’ tranżizzjoni u 50 % għar-reġjuni aktar żviluppati;

ir-regola N+3 attwali – li skontha l-finanzjament tal-UE jiġi rtirat jekk l-ispejjeż ippjanati ma jiġux effettivament imħaddma fi żmien 3 snin - għandha tinżamm. Il-proposta tal-Kummissjoni li tqassar il-limitu ta’ żmien għal sentejn toħloq duplikazzjoni bejn l-għeluq tal-programmi 2014-2020 u l-ewwel “mira n+2” tal-programmi l-ġodda, li tikkawża piż amministrattiv sostanzjali għall-maniġers.

Il-“kundizzjonalità makroekonomika” – li tippermetti l-iffriżar ta’ fondi SIE f’pajjiżi fejn il-gvernijiet nazzjonali ma jikkonformawx mad-dixxiplina fiskali tal-UE – għandha titħassar mir-regolament il-ġdid peress li tippenalizza lill-awtoritajiet lokali fuq il-bażi ta’ għażliet li ma għandhomx kontroll fuqhom, filwaqt li tintroduċi inċertezza dannuża fit-twettiq tal-pjanijiet ta’ investiment.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) - li attwalment huwa l-aktar fond b’saħħtu ta’ investiment uniku tal-UE (b’madwar EUR 200 biljun fuq 7 snin) - u l-Fond ta’ Koeżjoni - riżervat għal pajjiżi li l-Prodott Gross Domestiku per capita tagħhom huwa taħt id-90 % tal-medja tal-UE - għandhom ikomplu jiffokaw fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Fl- Opinjoni mfassla minn Michiel Rijsberman (NL/ALDE), il-Ministru Reġjonali tal-Provinċja ta’ Flevoland, ir-reġjuni u l-bliet jitolbu li t-tnaqqis ta’ 46 % propost mill-Kummissjoni għall-baġit tal-Fond ta’ Koeżjoni għandu jiġi rivedut u limitat, u jiġi żgurat baġit stabbli għall-FEŻR (+1 %). “ Sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna, il-konċentrazzjoni tematika, li tiffoka r-riżorsi tal-FEŻR fuq objettivi politiċi magħżula, m’għandhiex taħdem fuq il-livell nazzjonali, kif propost mill-Kummissjoni, iżda fil-livell reġjonali”, enfasizza is-Sur Rijsberman, filwaqt li spjega li: “Konċentrazzjoni tematika nazzjonali tiċċentralizza l-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni u tmur kontra l-approċċ ibbażat fuq il-post tal-Politika ta’ Koeżjoni .”

Skont ir-reġjuni u l-bliet tal-UE:

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u r-regoli dwar il-fondi speċifiċi għandhom jiżguraw il-komplementarjetà bejn il-FEŻR, il-FAEŻR u l-FSE u jippermettu li jkun hemm sinerġiji fit-twettiq ta’ Investiment Territorjali Integrat u inizjattivi ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità.

Il-Fondi għandhom isiru “aktar ekoloġiċi”, li jippermettu lir-reġjuni jiffinanzjaw azzjonijiet għall-adattament għall-klima, inkluża l-promozzjoni tar-reżiljenza għad-diżastri naturali.

L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe trasferiment ta’ riżorsi tal-FEŻR jew tal-FK għal strumenti jew programmi oħrajn tal-UE li jinvolvu l-imsieħba lokali u reġjonali, f’konformità mal-prinċipju tas-sħubija. It-trasferiment issuġġerit ta’ 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR jew tal-FK għall-istrument ta’ InvestEU, kif ukoll ta’ 5 % ulterjuri tal-allokazzjoni tal-FEŻR għall-programmi tal-UE ġestiti direttament mill-Kummissjoni għandhom jiġu miftiehma mar-reġjuni u l-bliet u jwieġbu għal ħtiġijiet lokali speċifiċi.

Il-fokus fuq l-iżvilupp urban sostenibbli għandu jissaħħaħ billi jsir investiment ta’ mill-inqas 6 % tar-riżorsi nazzjonali tal-FEŻR għal dan il-għan, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-FEŻR għandu jindirizza żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti.  u jinkoraġġixxi wkoll “approċċ aktar ekoloġiku” tal-Fondi, li jippermetti lir-reġjuni jiffinanzjaw azzjonijiet għall-adattament għall-klima, inkluża l-promozzjoni tar-reżiljenza għad-diżastri naturali.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) +

L- Opinjoni mmexxija mill-President tar-Reġjun ta’ Andalucia, Susana Díaz Pacheco (ES/PSE), tilqa’ r-rabta diretta bejn l-FSE+, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi tal-Istati Membri permezz tas-Semestru Ewropew bħala mezz biex tingħata spinta lid-dimensjoni soċjali Ewropea tas-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni. Ir-reġjuni u l-bliet iridu li l-koeżjoni soċjali tibqa’ l-għan ewlieni tal-FSE u jitolbu għat-tisħiħ tar-rabta tagħha mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż magħmula mill-Kummissjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex din il-prijorità titwettaq aħjar. Il-ħtiġijiet taċ-ċittadini għandhom jiġu l-ewwel.

Fl-Opinjoni, il-mexxejja lokali u reġjonali jitolbu:

Allokazzjonijiet finanzjarji adegwati biex ikopru l-objettivi addizzjonali assenjati lill-FSE+. Jekk jiżdiedu kompiti ġodda u l-allokazzjonijiet jitħallew fl-istess livell iwassal għal tnaqqis sinifikanti u impatt imnaqqas.

Integrazzjoni finanzjarja tal-FSE+ mal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni. Is-separazzjoni proposta mill-Kummissjoni tirriskja li tkisser il-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li tkompli tgħarraq l-effetti negattivi tas-separazzjoni tal-FAEŻR deċiża f’dawn l-aħħar snin.

Il-ftuħ tal-FSE+ għall-qasam tal-innovazzjoni soċjali, kif propost mill-Kummissjoni. Iżda l-kapaċitajiet tal-atturi ewlenin biex ifasslu, jimplimentaw u jevalwaw il-programmi f’dan il-qasam għandhom jissaħħu b’mod proattiv.

Ir-rikonoxximent adegwat tax-xogħol imwettaq minn bliet u reġjuni għall-integrazzjoni soċjoekonomika tal-immigranti, b’mod partikolari f’żoni bi fruntieri esterni.

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

Bl- Opinjoni mfassla minn Marie-Antoinette Maupertuis (FR/AE), Membru eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali ta’ Korsika, il-Kumitat jilqa’ d-deċiżjoni li din il-politika fundamentali tal-UE tiġi pprovduta b’regolament iddedikat. Fl-istess ħin, “ Reġjuni u bliet jirrifjutaw il-proposta tal-Kummissjoni li tnaqqas il-baġit tal-KTE b’EUR 1,847 biljun ” qalet is-Sinjura Maupertuis, li argumentat ukoll li: “ il-Kumitat huwa determinat li jaħdem mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex titreġġa’ lura l-proposta tal-Kummissjoni li r-reġjuni jinqatgħu mill-kooperazzjoni transkonfinali marittima billi jqisu lil din tal-aħħar bħala transnazzjonali biss ”.

Il-Kumitat jirrifjuta wkoll bħala arbitrarja l-proposta li jiġu prijoritizzati l-fondi għar-reġjuni tal-fruntieri biss jekk mill-inqas nofs il-popolazzjoni tagħhom tgħix inqas minn 25 km ’il bogħod mill-fruntiera li ma tirriflettix ir-realtà tal-parti l-kbira tat-territorji transkonfinali; Huwa jopponi wkoll it-tnaqqis tar-rati ta’ kofinanzjament tal-UE minn 85 % għal 70 %. Il-KtR japprova t-twaqqif ta’ investimenti ġodda fl-innovazzjoni interreġjonali u jappella għall-involviment ukoll ta’ reġjuni u territorji inqas innovattivi li jiffaċċjaw restrizzjonijiet ġeografiċi u naturali sabiex jitnaqqsu d-differenzi fl-innovazzjoni madwar l-UE.

Kuntatt:

Pierluigi Boda

Tel.: +32 (0)2 282 2461

pierluigi.boda@cor.europa.eu

Share: