Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ddiskutew il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fid-9 ta’ Diċembru, u esprimew appoġġ għal proċess ta’ smigħ attiv għaċ-ċittadini – mekkaniżmu permanenti ta’ djalogu – u bidla ġenerali lejn governanza aktar trasparenti u miftuħa. Huma appellaw ukoll biex il-bliet u r-reġjuni jkunu involuti fil-Konferenza, argument appoġġjat mill- MEP Daniel Freund, koordinatur tal-Grupp Verts/ALE fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO), li qal li l-involviment tar-reġjuni u l-bliet ikun kritiku għas-suċċess tal-Konferenza. Aktar tard dakinhar, il-Kumitat AFCO adotta rapport dwar kif għandha tissawwar il-Konferenza, b’appoġġ għas-sejħa tal-KtR biex jiġi involut fil-proċess u favur mekkaniżmu permanenti ta’ djalogu maċ-ċittadini.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, sejħet għat-twaqqif ta’ Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f’Lulju 2019 meta hi stabbiliet il-prijoritajiet tagħha bħala President. Il-Konferenza, li għandha tibda fir-rebbiegħa tal-2020 u tibqa’ sejra sentejn, hija maħsuba biex tagħti spinta ġdida għall-kostruzzjoni Ewropea u biex issaħħaħ id-demokrazija Ewropea. Din se tinvolvi djalogi maċ-ċittadini.
Membri tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza, l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni - CIVEX - ħadmu fuq abbozz ta’ opinjoni dwar ‘L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini’. Dan huwa l-kontribut ewlieni tal-KtR għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet finali huma skedati għall-adozzjoni fil-Plenarja tal-KtR ta’ Mejju 2020.
Ir-relatur – Mireia Borrell Porta (ES/AE), Segretarju għall-Azzjoni Esterna u l-Unjoni Ewropea tal-Gvern tal-Katalunja – waqt id-dibattitu qalet “L-istabbiliment ta’ djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini, ikkoordinat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, mhux biss huwa eżerċizzju ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni, iżda primarjament ta’ governanza demokratika. Għandu jistabbilixxi mill-ġdid il-linji ta’ komunikazzjoni attwalment danneġġjati bejn iċ-ċittadini u l-UE u jwassal għal evoluzzjoni ta’ strutturi amministrattivi.”
Pia-Ahrenkilde-Hansen , id-Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tkellmet ukoll waqt il-laqgħa tal-Kummissjoni CIVEX. Hija qalet li l-involviment tal-KtR u l-membri tiegħu jkun importanti biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għas-suċċess, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-Konferenza, u biex jintlaħqu ċ-ċittadini .
L- MEP Daniel Freund (DE/Ħodor/AĦE ), li huwa membru tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, qal: “ Aħna għadna fil-fażi ta’ abbozzar ta’ kif eżattament il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jiġi rrappreżentat fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-UE. Fl-ippjanar ġenerali tal-konferenza, għandhom jinstemgħu rappreżentanti tal-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Aħna miftuħa għad-dibattitu u għall-integrazzjoni tal-politiċi lokali u reġjonali fid-dibattitu.”
Aktar tard dakinhar, il-Kumitat AFCO tal-Parlament Ewropew adotta rapport dwar kif għandha tissawwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li jinkludi rakkomandazzjonijiet għall-KtR biex jiġi involut fil-proċess u favur mekkaniżmu permanenti ta’ djalogu maċ-ċittadini.