Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja reġjonali jitolbu li tiġi żgurata konverġenza ’l fuq tal-pagi minimi fl-Ewropa kollha u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu, peress li l-kriżi tal-COVID qed taffettwa d-dħul tal-ħaddiema  

Il-KtR japprova l-abbozz ta’ direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE

Ir-reġjuni u l-bliet huma tal-fehma li l-ġlieda kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu u l-iżgurar ta’ konverġenza ’l fuq tal-pagi minimi huma prerekwiżiti għal ekonomija tas-suq soċjali, ġusta u sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) għalhekk laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal direttiva li għandha l-għan li tipprovdi qafas għall-istabbiliment ta’ pagi minimi adegwati filwaqt li tirrispetta l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u r-rwol tal-imsieħba soċjali. L- Opinjoni tal-KtR imħejjija minn Peter Kaiser (AT/PSE), Gvernatur ta’ Kärnten, ġiet adottata din il-ġimgħa wara dibattitu ma’ rappreżentant tal-Presidenza Portugiża tal-Kunsill.

F’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fl-inugwaljanza fil-pagi f’ħafna Stati Membri: il-proporzjon ta’ ħaddiema f’riskju ta’ faqar żdied minn 8.3% fl-2010 għal 9.3% fl-2018. Barra minn hekk, it-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq il-pagi tal-ħaddiema, speċjalment dawk bl-aktar dħul baxx. Għalhekk il-KtR qed jitlob li jitnieda proċess ta’ konverġenza bil-għan li jintlaħaq livell limitu aktar baxx ta’ mill-inqas 60% tal-paga medjana grossa nazzjonali għal impjieg full-time u 50 % tal-paga medja grossa nazzjonali għal impjieg full-time fl-Istati Membri kollha li għandhom paga minima statutorja. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tappoġġja kemm il-bini tal-kapaċitajiet fil-futur kif ukoll l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni Vasco Cordeiro qal: “B’pagi minimi adegwati fl-UE, qed nieħdu pass ieħor fid-direzzjoni tal-qerda tal-faqar fost dawk li jaħdmu u tat-tnaqqis tal-faqar b’mod ġenerali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma f’pożizzjoni ewlenija biex jinfurzaw, jippromovu u jimmonitorjaw id-Direttiva proposta. Flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Summit Soċjali ta’ Porto, id-Direttiva ser tafferma mill-ġdid li l-UE għandha għal qalbha l-poplu tagħha, id-dimensjoni soċjali tagħha u l-irkupru fil-perjodu wara l-pandemija”.

Miguel Cabrita , Viċi Ministru Portugiż għax-Xogħol u t-Taħriġ Vokazzjonali, qal: “Ilkoll kemm aħna naħsbu li l-iżgurar li l-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea jaqilgħu pagi adegwati huwa essenzjali biex jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien adegwati, kif ukoll biex jinbnew ekonomiji u soċjetajiet ġusti u reżiljenti. Pagi adegwati huma komponent essenzjali tal-Mudell Soċjali Ewropew. Ilkoll niddefendu l-idea li x-xogħol irid jipprovdi paga u nikkondividu l-objettivi li jiġu żgurati pagi minimi adegwati fl-UE kollha, jew bil-liġi jew b’negozjar kollettiv, filwaqt li jiġu rispettati s-sistemi nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.”

Filwaqt li huma biss ftit ir-reġjuni tal-UE li għandhom setgħat leġiżlattivi biex jistabbilixxu pagi minimi, għandhom rwol ewlieni fin-negozjar ta’ ftehimiet kollettivi reġjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala impjegaturi u fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, li għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet applikabbli tar-remunerazzjoni u jirrispettaw id-dritt ta’ negozjar kollettiv. Fl-istess ħin, l-Opinjoni tal-KtR tappella biex il-faqar fost dawk li jaħdmu jiġi indirizzat b’approċċ multidimensjonali li jqis fatturi oħra, bħas-sistema tat-taxxa, l-inizjattivi ta’ taħriġ, il-livell tal-benefiċċji soċjali u l-politiki tal-impjiegi.

Ir-relatur Peter Kaiser (AT/PSE), Gvernatur ta’ Kärnten, qal: “Pagi minimi deċenti huma element importanti tal-Pilastru Soċjali Ewropew. Il-kontribuzzjoni ta’ dawk bi dħul baxx għas-soċjetajiet tagħna matul il-kriżi tal-COVID-19 jistħoqqilha rikonoxximent, iżda fuq kollox, azzjoni konkreta. Hemm ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-ispiral ’l isfel ta’ kompetizzjoni li ma tagħmilx ġid għall-kost lavorattiv. Biex ix-xogħol fl-UE jkun ta’ sodisfazzjon għal kulħadd, neħtieġu mira vinkolanti ta’ paga minima li tirrappreżenta mill-inqas 60% tal-paga medjana grossa nazzjonali u 50% tal-paga medja grossa nazzjonali. Dan il-proċess ta’ konverġenza għandu jirrispetta s-sistemi nazzjonali eżistenti tal-iffissar tal-pagi u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.”

Aktar informazzjoni:

L-iżgurar ta’ pagi minimi adegwati għall-ħaddiema kollha huwa wieħed mill-20 prinċipju tal- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali . Fl-4 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni biex tħaffef l-implimentazzjoni tiegħu u biex twitti t-triq għas- Summit Soċjali tal-UE f’Porto fis-7 u t-8 ta’ Mejju.

Din il-ġimgħa l-KtR ippubblika studju ġdid li janalizza d-dimensjoni lokali u reġjonali tal-pagi minimi fl-Ewropa. Jikkonkludi li l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni jistgħu jinnegaw l-intenzjonijiet tajba tal-politiki dwar pagi minimi. Pereżempju, f’ħafna reġjuni kapitali b’livell tal-għajxien għoli, il-paga minima nazzjonali ma tiggarantixxix dħul deċenti. Barra minn hekk, fl-UE hemm reġjuni tal-fruntiera fejn il-pagi minimi jvarjaw b’mod sinifikanti, li jista’ jkollu konsegwenzi fuq is-suq tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat. L-istudju jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet reġjonali dwar “paga li tiggarantixxi l-għajxien” bħala l-bażi għall-valuri ta’ referenza u jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-objettivi tad-direttiva l-ġdida.

Persuna ta’ kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :