Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja reġjonali u lokali jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw malajr il-baġit u l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE biex jipproteġu ċ-ċittadini u jtejbu r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali  

Ġimagħtejn qabel Summit Ewropew kruċjali, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – l-assemblea tal-UE tal-awtoritajiet reġjonali u lokali – jappella lill-Istati Membri għal ftehim f’waqtu u ġust dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-Pjan Next Generation EU. F’ riżoluzzjoni u dibattitu mal-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, Johannes Hahn, ir-reġjuni u l-bliet talbu li l-koeżjoni ssir il-boxxla għall-politiki kollha tal-UE u li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE tkun ibbażata fuq responsabbiltajiet kondiviżi u sħubija.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas , qal:

“Il-proposti tal-Kummissjoni għall-pjani ta’ rkupru u l-baġit 2021-2027 jinkorporaw it-talbiet ewlenin tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u juru l-impatt tal-ħidma bla heda tagħna biex leħen ir-rappreżentanti eletti lokalment jinstema’ fi Brussell. Dawn jipprovdu rispons ċar għall-populisti u għall-Ewroxettiċi, billi juru l-valur miżjud tal-UE f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Irridu niżguraw li l-pjan ta’ rkupru jiġi implimentat b’mod effiċjenti u nevitaw ir-riskji ta’ proċess ċentralizzat. Is-sussidjarjetà u l-prinċipju tas-sħubija huma kruċjali u l-gvernijiet lokali u reġjonali, bħala parti mill-awtoritajiet b’kompetenza legali fl-Istati Membri, għandhom ikunu involuti bis-sħiħ biex jidderieġu l-investimenti fejn huma l-aktar meħtieġa. Issa f’idejn il-gvernijiet nazzjonali fl-Istati Membri u l-Parlament Ewropew li jaġixxu malajr. Id-diskussjonijiet huma leġittimi iżda rridu nevitaw dewmien li jxekkel l-isforzi tagħna għal tweġibiet f’waqthom għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna.”

Il-baġit fit-tul u Next Generation EU huma l-mod Ewropew biex nirreaġixxu għall-kriżi u nwittu t-triq lejn l-irkupru . Se nirnexxu biss jekk naħdmu lkoll flimkien – l-Istati Membri ta’ kull daqs u minn kull naħa tal-Ewropa; ir-reġjuni u l-bliet; l-awtoritajiet; l-universitajiet u n-negozji. L-appoġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni għal ftehim f’Lulju huwa importanti ħafna. Neħtieġu ftehim malajr biex ikollna rkupru veloċi ”, qal Johannes Hahn , Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni.

Il-KtR itenni li kemm il-QFP kif ukoll il-Pjan ta’ Rkupru jridu jiffukaw fuq il-koeżjoni bħala valur fundamentali u fuq politika ta’ investiment fil-livell tal-UE fit-tul u b’saħħitha li tgħin biex tinħoloq Unjoni aktar reżiljenti, aktar ekoloġika u orjentata lejn il-futur. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ addizzjonali għall-politika ta’ koeżjoni (EUR 55 bn), l-iżvilupp rurali (EUR 15-il bn) u l-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta (EUR 30 bn), l-Orizzont imsaħħaħ (EUR 12.5-il bn) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 1.5 bn), kif ukoll il-Programm tas-Saħħa indipendenti li jiswa EUR 9.37 biljun.

Hemm interess imġedded fil-politika ta’ koeżjoni, li hija ħaġa tajba . Fir-rigward tal-programm REACT-EU, il-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex tkun “omm surrogata” għal dan il-programm iżda għanda tibqa’ l-matriċi li fuqha tissejjes din it-tweġiba meħtieġa . L-għażla taż-żmien hija wkoll tal-akbar importanza. Wara l-Kunsill tal-UE ta’ Lulju u l-proċeduri nazzjonali, il-QFP li jmiss għandu jkun kompletament operattiv sal-1 ta’ Jannar 2021 ”, qal Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE), l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

“Il-qafas finanzjarju pluriennali futur u l-pjan ta’ rkupru juru li l-Kummissjoni Ewropea ħadet il-miżura tal-kriżi li għaddejjin minnha, iżda r-reġjuni u l-bliet tagħna jeħtieġu – sa minn issa – programmi u investimenti b’rabta ma’ rkupru fit-tul . Kwalunkwe prokrastinazzjoni tkun traġedja għaċ-ċittadini, in-negozji u s-servizzi pubbliċi tagħna. Imbagħad inkunu qed nirriskjaw id-diżintegrazzjoni tas-suq intern u l-pajjiżi kollha, anke dawk frugali, jiġu affettwati. Il-pjan ta’ rkupru jista’ jkun ukoll opportunità biex jiġu implimentati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’rabta mal-Patt Ekoloġiku, jekk ikunu bbażati fuq l-għarfien tar-reġjuni u l-bliet” , żiedet tgħid Isabelle Boudineau (FR/PSE), Viċi President tar-Reġjun ta’ Nouvelle-Aquitaine u President tal-Kummissjoni COTER tal-KtR.

L-implimentazzjoni tal-baġit u l-pjan ta’ rkupru l-ġodda ser tirrappreżenta sfida, mil-lat tal-ippjanar strateġiku, il-koordinazzjoni u l-kapaċità amministrattiva. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jitlob li tiġi evitata kwalunkwe ċentralizzazzjoni u li jiġi żgurat li r-reġjuni u l-bliet ikunu jistgħu jgħinu biex jidderieġu l-investimenti fejn dawn ikunu meħtieġa l-aktar. Il-Kumitat huwa lest li jikkontribwixxi għat-titjib tas-Semestru Ewropew, li se jkollu rwol importanti fil-koordinazzjoni strateġika tal-Pjan ta’ Rkupru. Sħubija ġdida bejn l-atturi tal-UE, u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali se tgħin biex titnaqqas id-distanza attwali bejn il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u l-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini u n-negozji, billi tingħata spinta lill-implimentazzjoni u lill-użu ta’ programmi Ewropej fil-bliet u r-reġjuni.

Għal aktar tagħrif:

Persuna ta’ kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)2 282 2366

Mowbajl: +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Share: