Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-Unjoni Ewropea trid tirriforma l-governanza ekonomika tagħha wara l-kriżi tal-COVID-19  

Il-bliet u r-reġjuni qed jappellaw għal rieżami tal-governanza ekonomika li tagħti spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tippromovi l-investimenti pubbliċi u tagħti aktar leġittimità demokratika lill-proġett tal-UE

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jenfasizzaw il-ħtieġa għal flessibbiltà baġitarja sabiex jitrawmu l-irkupru u r-reżiljenza wara l-kriżi attwali tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) – attivata f’Marzu 2020 għall-ewwel darba fl-istorja taż-żona tal-euro – u l-qafas temporanju tal-għajnuna mill-istat fil-livell tal-UE għandhom ikomplu japplikaw sakemm is-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa tiġi stabbilizzata. Is-sejħa tinsab f’Opinjoni abbozzata minn Elio di Rupo (BE/PSE) li ġiet ippreżentata llum lill-plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR).

Il-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika għandu effetti kbar fuq il-livelli kollha tal-gvern, u b’mod aktar speċifiku fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għal kważi terz tal-infiq pubbliku u aktar minn nofs l-investiment pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. L-Opinjoni dwar ir- rieżami tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea, abbozzata mill-Ministru-President tal-Gvern ta' Wallonja, Elio Di Rupo (BE/PSE), tenfasizza li din ir-riforma trid tqis il-ħtieġa akbar għall-investiment u l-infiq pubbliku meħtieġa biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni fis-setturi ewlenin tas-saħħa, l-ikel, it-trasport, it-teknoloġija diġitali u l-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li EUR 260 biljun fis-sena (madwar 1.7% tal-PDG tal-UE) ta’ investimenti addizzjonali huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot tsunami ekonomika, soċjali u baġitarja mingħajr preċedent. Iċ-ċittadini fl-UE qed ibatu ħafna mill-konsegwenzi tal-pandemija. Għalhekk, ix-xewqa tagħna hija li l-governanza ekonomika Ewropea tiġi rieżaminata u adattata għar-realtajiet tat-territorji u r-reġjuni tagħna. Ladarba l-pandemija tkun taħt kontroll, ma nistgħux nerġgħu lura għall-istatus quo ta’ qabel, u lanqas ma nistgħu nibqgħu għaddejjin bħallikieku ma ġara xejn ,” enfasizza r-relatur, Elio Di Rupo.

Il-membri tal-KtR jaħsbu li l-qafas Ewropew ta’ governanza ekonomika huwa parzjalment responsabbli għat-tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku li seħħ wara l-kriżi taż-żona tal-euro, peress li ma jqisx biżżejjed id-distinzjoni bejn in-nefqa attwali u dik tal-investiment. Bejn l-2009 u l-2018, l-investiment pubbliku kollu fl-UE kollha kemm hi naqas b’20% (bħala sehem tal-PDG). L-investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali naqas bi kważi 25% u b’40% jew aktar f’uħud mill-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi.

Il-Kumitat talab b’mod konsistenti li n-nefqa pubblika mġarrba mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali b'rabta mal-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment m’għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit definit fil-PST. Fil-fatt, tali nefqa hija, min-natura tagħha, investimenti ta’ interess Ewropew ġenerali, li l-effett ta’ lieva tiegħu mil-lat ta’ tkabbir sostenibbli, ngħatat prova tiegħu.

L-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali għall-UE kollha, ippubblikat f’Ottubru, wissa b’mod qawwi: il-kriżi qed taffettwa d-dħul tal-awtoritajiet sottonazzjonali, b’“effett ta’ mqass” perikoluż ta’ żieda fl-infiq u tnaqqis fid-dħul. Barra minn hekk, stħarriġ konġunt tal-KtR-OECD wera li, diġà f’Lulju, 13% tal-gvernijiet sottonazzjonali kienu diġà applikaw għal fondi addizzjonali tal-UE u 49% kienu qed jikkunsidraw li jagħmlu dan sabiex ilaħħqu mal-kriżi.

L-Opinjoni abbozzata mis-Sur Di Rupo ġiet diskussa fit-8 ta’ Diċembru mill-ewwel plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), li saret kompletament mill-bogħod, bil-parteċipazzjoni ta’ Margarida Marques (PT/S&D), membru tal-Parlament Ewropew. Minħabba r-regoli ta’ proċedura, ir-riżultati tal-votazzjonijiet fuq l-emendi u t-test finali se jitħabbru fl-10 ta’ Diċembru, fi tmiem is-sessjoni.

Persuni ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Ikkondividi :