Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ir-rikonċiljazzjoni tal-forestrija u l-agrikoltura: għandna bżonn skema ġdida ta’ ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tal-foresti  

F’din l-intervista, Roby Biwer (LU/PSE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, iwieġeb sitt mistoqsijiet dwar l-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti madwar id-dinja. Fil-kuntest tal-COVID-19, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KtR dwar “Tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja” jappella għal sistema ta’ ċertifikazzjoni u sistema ta’ informazzjoni tal-UE ġodda li japprovaw prodotti li ma involvewx fil-produzzjoni tagħhom id-deforestazzjoni u ktajjen tal-provvista qosra u trasparenti. L-Opinjoni għandha tiġi adottata fis- sessjoni plenarja tal-1-2 ta’ Lulju .

Id-deforestazzjoni estensiva fl-Amażonja hija xprunata mid-domanda globali għal-laħam, b’eluf ta’ ettari jitwaqqgħu kull sena sabiex jiġu forniti s-swieq dinjija tal-laħam. Aħna litteralment qed nieklu l-foresta pluvjali tal-Amażonja? F’termini ġenerali, kif nistgħu niżguraw li l-produzzjoni tal-ikel (laħam, kafè, kawkaw u żejt tal-palm) ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-foresti? X’inhu r-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja? L-UE qed tagħmel biżżejjed?

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi mhumiex konxji ta’ dan, il-laħam, il-kafè, il-kawkaw u ż-żejt tal-palm huma fost il-prodotti li bħalissa qed jikkawżaw deforestazzjoni qawwija fil-livell globali. Irridu naħdmu fuq żewġ fronti jekk irridu li s-swieq jimxu lejn prodotti aktar sostenibbli u li l-produzzjoni tagħhom ma tinvolvix id-deforestazzjoni. Bħala l-ewwel pass, jeħtieġ li nsaħħu l-informazzjoni u l-azzjonijiet edukattivi biex niżguraw li l-konsumaturi jkunu konxji mill-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tad-drawwiet tal-konsum tal-ikel tagħhom. Ċertament, l-imġiba tal-konsumaturi tista’ ssawwar is-swieq tal-ikel u tħaffef il-produzzjoni ta’ prodotti sostenibbli u li l-produzzjoni tagħhom ma tinvolvix id-deforestazzjoni. Għal dak l-istess skop, irridu wkoll nippromovu dieti tajbin għas-saħħa u etikament korretti, filwaqt li nenfasizzaw kemm il-benefiċċji nutrittivi kif ukoll soċjoekonomiċi ta’ konsum ibbażat fuq il-pjanti b’livelli għoljin ta’ frott u ħaxix li huma ċċertifikati li jirriżultaw minn ktajjen ta’ provvista mingħajr deforestazzjoni. It-tieni front jinvolvi l-ħtieġa li naħdmu fuq impenn Ewropew biex titfassal u tiġi implimentata skema ta’ ċertifikazzjoni ġdida li tħeġġeġ prodotti li l-produzzjoni tagħhom ma tinvolvix id-deforestazzjoni u li tikkontribwixxi għall-promozzjoni madwar id-dinja kollha ta’ viżjoni Ewropea li tħares ’il quddiem dwar il-forestrija u l-produzzjoni tal-ikel.

Filwaqt li fil-biċċa l-kbira tagħha id-deforestazzjoni qed isseħħ b’mod sinifikanti l-iżjed f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, bħalissa qed jitwaqqgħu siġar fil-foresti f’ħafna żoni muntanjużi fl-Ewropa, pereżempju fir-Rumanija u fis-Slovakkja u f’xi pajjiżi tal-Balkani. Għaliex qed jiġri hawn? X’jista’ jsir fil-livell lokali u reġjonali biex tiġi evitata d-deforestazzjoni? Għandek xi eżempji konkreti? X’se jkun il-messaġġ tiegħek lis-sindki, lill-presidenti tar-reġjuni u lir-rappreżentanti lokali u reġjonali madwar l-Unjoni Ewropea?

Ma nistax nikkummenta dwar is-sitwazzjoni speċifika f’pajjiżi individwali, iżda fuq il-bażi tal-esperjenza tiegħi, nista’ ngħid li dejjem huwa essenzjali li jkun hemm djalogu kostruttiv bejn il-partijiet ikkonċernati kollha u l-interessi tagħhom, u aħna, bħala awtoritajiet lokali u reġjonali, qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex inwettqu dan id-djalogu. Jeħtieġ li nħarsu l-foresti u l-bijodiversità, u jeħtieġ li naħdmu ma’ bdiewa u sidien ta’ foresti biex insibu soluzzjonijiet xierqa, li se jkunu ta’ benefiċċju għalihom ukoll fit-tul – inklużi dawk li jridu jiżviluppaw l-użu rikreattiv tal-foresti b’mod sostenibbli. F’dan il-kuntest, għandu jkun ċar li l-ftehimiet internazzjonali u l-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-foresti jeħtieġ li jiġu rispettati u infurzati, iżda l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-medjazzjoni ta’ kunflitti bejn interessi differenti fil-livell lokali u reġjonali.

Illum, huwa diffiċli ħafna li wieħed jittraċċa minn fejn ġej l-ikel tagħna, speċjalment fil-każ ta’ prodotti bħall-kawkaw u l-gomma, peress li hemm ħafna produtturi żgħar involuti u l-katina tal-provvista hija twila u mhux trasparenti. X’jista’ jsir biex il-ktajjen tal-provvista jsiru aktar trasparenti? Kif nistgħu niżguraw li n-negozji joperaw b’mod sostenibbli u li fl-UE jiġu prodotti biss oġġetti minn sorsi sostenibbli u minn ktajjen tal-provvista li jinvolvux id-deforestazzjoni? Il-kodiċijiet ta’ kondotta volontarji u eżistenti huma suffiċjenti?

Huwa diffiċli li wieħed jittraċċa l-ktajjen tal-provvista, u sabiex isiru aktar trasparenti u faċli biex jiġu mmonitorjati, għandha tiġi implimentata sistema ta’ informazzjoni (li tibda mill-esperjenza tal-bażi ta’ data tal-Ekotikketta), bl-għajnuna u l-involviment mill-qrib tal-partijiet interessati kollha li jistgħu jaqsmu l-aspettattivi, l-esperjenzi u t-tħassib tagħhom sabiex jiġu implimentati proċeduri utli u fattibbli. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha tinkludi u tippromovi prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni u timplimenta proċeduri biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-valutazzjonijiet miġbura sabiex titjieb il-fiduċja fl-informazzjoni pprovduta, inklużi rekwiżiti ta’ traċċabilità b’saħħithom li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodotti, u sistemi aktar b’saħħithom ta’ monitoraġġ u infurzar sabiex jgħinu fil-prevenzjoni tal-frodi u t-tikkettar ħażin ta’ prodotti.

Kif se tikkonvinċini li jmissni nixtri ċikkulata “sostenibbli” minflok l-irħas tip? X’inhu r-rwol tal-konsumaturi biex il-ktajjen tal-provvista tagħna jsiru aktar sostenibbli u jevitaw id-deforestazzjoni b’mod partikolari?

Minħabba d-domanda li qed tiżdied għal ikel organiku, li hija xprunata minn domanda akbar tal-konsumaturi għal prodotti tal-ikel bijoloġiċi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni u li huma sostenibbli qed iżidu s-sehem tas-suq tagħhom. Fil-fatt, l-akkwist ta’ prodotti sostenibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent sar moda, u mod kif turi li int cool u sexy . Għalhekk, persuna hija lesta tħallas aktar għal prodott li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent minħabba li qed tagħmel dikjarazzjoni li għandha valur u tissarraf f’rikonoxximent soċjali. Ir-rwol taċ-ċittadini huwa definittivament kruċjali biex jiġu influwenzati s-swieq.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-istrateġiji “Mill-għalqa sal-platt” u dwar il-Bijodiversità fl-20 ta’ Mejju. It-tnejn huma ċentrali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. X’inhuma l-ewwel reazzjonijiet tiegħek? Hemm lok għal tama fil-ġejjieni? Kemm hija importanti r-riforestazzjoni biex tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE?

Il-Patt Ekoloġiku jelenka fost il-ħafna għanijiet tiegħu t-tfassil ta’ sistema tal-ikel ġusta, sana u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità, u l-objettiv ta’ “tniġġis żero” għal ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi. Biex jiġu protetti ċ-ċittadini u l-ekosistemi Ewropej, l-UE trid tkun aktar effettiva fil-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-prevenzjoni u r-rimedjar tal-arja, l-ilma u l-ħamrija u t-tniġġis tal-prodotti tal-konsumatur. Għalhekk nistgħu nikkonkludu li r-riforestazzjoni biex tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE hija ta’ importanza fundamentali. L-Ewropa miexja lejn stil ġdid ta’ ħajja, u qed tibgħat messaġġ essenzjali lid-dinja kollha u timmira li ssir il-mexxej ta’ ekonomija ġdida diżakkoppjata mill-użu tar-riżorsi.

Il-kriżi tal-Covid-19 laqtet il-ktajjen tal-provvista globali tagħna b’mod qawwi. X’imhuma t-tagħlimiet li nistgħu nieħdu minn din il-kriżi?

Din il-kriżi kienet ikkawżata mill-globalizzazzjoni, li xterdet il-virus b’ħeffa kbira. Illum, nafu aħjar kemm il-ktajjen tal-provvista, bħal dawk marbuta mal-azjendi agrikoli industrijali, huma marbutin mill-qrib u kif is-sistema tista’ faċilment tikkollassa jekk tinkiser konnessjoni waħda. Irridu naħsbu mill-ġdid dwar dawn id-dipendenzi reċiproċi u jenħtieġ li l-ktajjen tal-provvista jsiru aktar reżiljenti għall-isfidi globali. Għandna wkoll nikkunsidraw mill-ġdid ir-rwol importanti ta’ ktajjen tal-provvista qosra (u probabbilment iktar faċilment traċċabbli), u l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati r-relazzjonijiet ma’ u bejn fornituri fil-katina twila. Minħabba l-kriżi tal-COVID-19, tgħallimna wkoll li d-disparità soċjali twassal għal inqas attenzjoni li tingħata lill-ambjent. Dan iseħħ għaliex is-sopravivenza tal-bniedem titqiegħed fuq quddiem, filwaqt li l-protezzjoni tal-ambjent hija biss konsiderazzjoni ta’ sfond għal gruppi soċjali bi dħul baxx.

Noti:

L-Unjoni Ewropea għandha qrib ta’ 182 miljun ettaru ta’ foresti, li jkopru 43% tat-territorju tagħha, li jagħmilha waħda mill-aktar reġjuni fid-dinja li fihom foresti. Minbarra li jipprovdu injam u prodotti tal-injam, il-foresti tagħna huma parti kbira mill-bijodiversità tal-Ewropa u jikkontribwixxu għal saħħitna u l-benesseri tagħna. Bħala bir tal-karbonju ewlieni, il-foresti jaġixxu bħala soluzzjoni temporanja għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima ( Kummissjoni Ewropea ).

Mill-1990 ‘l hawn, huwa stmat li ntilfu 420 miljun ettaru ta’ foresti permezz ta’ konverżjoni għal użi oħrajn tal-art, għalkemm ir-rata ta’ deforestazzjoni naqset matul l-aħħar tliet deċennji. Bejn l-2015 u l-2020, ir-rata ta’ deforestazzjoni kienet stmata għal 10 miljun ettaru fis-sena, li huwa tnaqqis minn 16-il miljun ettaru fis-sena fis-snin 90. L-espansjoni agrikola tibqa’ l-ixprun ewlieni tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u t-telf assoċjat tal-bijodiversità tal-foresti. Dan it-tagħrif u iktar jinstab fir-rapport 'The State of the World's Forests 2020'.

Kuntatt għall-Istampa:

David Crous

Tel.: +32 (0) 470 88 10 37

david.crous@cor.europa.eu

Share: