Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-protezzjoni tad-drittijiet “għandha tingħata prijorità” fil-patt dwar il-migrazzjoni tal-UE  

Il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE jappellaw ukoll għal mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jiffaċilita b’mod effettiv l-isfidi tal-migrazzjoni li jiffaċċjaw ir-reġjuni fil-fruntieri esterni tal-UE.

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jirrevedu l-proposti fil- Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tagħha b’modi li jipprovdu appoġġ akbar lir-reġjuni fil-fruntieri tal-UE, jiżguraw protezzjoni aħjar għall-persuni vulnerabbli, u jnaqqsu t-tul ta’ żmien li jqattgħu fiċ-ċentri ta’ akkoljenza fil-fruntieri tal-UE, jgħid il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) f’sett ta’ rakkomandazzjonijiet adottati fid-19 ta’ Marzu.

Ir- rakkomandazzjonijiet , jekk jiġu aċċettati mill-Istati Membri tal-UE, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea, għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tar-reġjuni tal-fruntiera għall-finanzjament u jnaqqsu r-responsabbiltajiet tagħhom, u joffru l-possibbiltà – fi kriżijiet – li jakkomodaw migranti irregolari fi bnadi oħra fl-UE waqt li l-applikazzjonijiet tagħhom qed jiġu pproċessati. Din il-proposta tnaqqas l-użu tal-hotspots, u tneħħi l-prinċipju ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ dħul” użat biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli. Fost il-miżuri ffukati fuq dawk li jfittxu l-ażil u l-migranti, ir-rakkomandazzjonijiet jargumentaw favur appoġġ akbar għall-gruppi vulnerabbli u l-minorenni, joġġezzjonaw għal proposta tal-Kummissjoni biex jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ tfal iżgħar minn 12-il sena, jitolbu appoġġ mediku u psikoloġiku akbar fiċ-ċentri ta’ akkoljenza, u jħeġġu li t-tfal u n-nisa mhux akkumpanjati jingħataw prijorità fil-proċeduri ta’ risistemazzjoni.

L-Opinjoni tappoġġja wkoll proposta fil-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li l-Kummissjoni ppreżentat f’Settembru 2020, għal mekkaniżmu flessibbli għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE. Madankollu, hija xettika dwar kemm hu prattiku l-kunċett ta’ sponsorizzazzjonijiet tar-ritorn. Il-mekkaniżmu jobbliga lill-Istati Membri tal-UE juru solidarjetà, iżda jkunu liberi li jagħżlu minn varjetà ta’ espressjonijiet ta’ solidarjetà prattika.

Ir-relatur Antje Grotheer (DE/PSE), Viċi President tal-Parlament tal-Belt ta’ Bremen, qalet: “Bħala bliet, muniċipalitajiet u reġjuni Ewropej, irridu naħdmu għal soluzzjonijiet effettivi bbażati fuq il-valuri fundamentali Ewropej, il-ġustizzja u r-responsabbiltà kondiviża. Huwa għalhekk li nappellaw għal mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-migrazzjoni li jqis il-fehmiet tagħna u effettivament itaffi l-piż fuq ir-reġjuni l-aktar esposti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u speċjalment tat-tfal u tal-minorenni għandha tingħata prijorità. Neħtieġu proċeduri aktar mgħaġġla, imwettqa skont id-drittijiet tal-bniedem. Ewropa li fiha ħadd ma jitħalla lura mhijiex proġett à la carte, iżda teħtieġ solidarjetà u ġustizzja.”

Waqt li tkellem fil-plenarja tal-KtR tas-17 ta’ Marzu, ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni – Tomas Tobé (SV/PPE) – qal li s-solidarjetà għandha tkun “obbligatorja” iżda b’għażliet “flessibbli”, filwaqt li żied jgħid li probabbilment se jkunu meħtieġa ideat ġodda għal forom ta’ solidarjetà.

Huwa qal: “Is-sistema Ewropea attwali tal-ażil hija difettuża, u dan jaffettwa b’mod qawwi r-reġjuni u ż-żoni lokali, speċjalment fl-Istati Membri l-aktar esposti. Biex tittaffa din il-pressjoni, jeħtieġ li jkollna sistema ta’ migrazzjoni li tiffunzjona tajjeb. Neħtieġu solidarjetà sinifikanti u kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà madwar l-Unjoni – iżda rridu nsibu soluzzjonijiet prammatiċi, għaliex ilna niddiskutu dan bażikament mill-2016 bi progress kajman ħafna. Iżda irrispettivament minn dak li se naqblu dwaru, neħtieġu implimentazzjoni, għaliex kieku kellna implimentazzjoni li tiffunzjona tas-sistema attwali, ma kienx ikollna l-problemi li għandna issa. Għandna ħafna affarijiet x’nagħmlu qabel ma nkunu nistgħu naslu għal kwalunkwe tip ta’ konklużjonijiet politiċi dwar il-Patt.”

L-Opinjoni tal-KtR tiffoka prinċipalment fuq il-fażi ta’ akkoljenza tal-migrazzjoni, billi tikkunsidra kwistjonijiet kontroversjali fil-proposti tal-Kummissjoni li jvarjaw mill-iskrinjar u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, il-kriterji applikati għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-ritorn ta’ migranti li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu miċħuda, il-forniment ta’ servizzi, u l-piżijiet finanzjarji u amministrattivi assoċjati fuq ir-reġjuni tal-fruntiera. Il-KtR laqa’ wkoll dimensjoni oħra tal-Patt, l-integrazzjoni tal-migranti fid-djar il-ġodda tagħhom, u ddeskriva l- Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2021-2027 dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni bħala “komplement meħtieġ” għall-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

Fl-2019, il-KtR nieda inizjattiva dwar Bliet u Reġjuni għall-Integrazzjoni tal-Migrazzjoni , bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Waqt il-plenarja ta’ Marzu 2021, il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw ftehim li japprofondixxi l-kooperazzjoni tagħhom.

Meta tkellmet fil-plenarja tal-KtR fid-19 ta’ Marzu, Ylva Johansson , il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, iffukat fuq l-integrazzjoni, u qalet: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett biex jipprovdu l-integrazzjoni u servizzi oħra lill-migranti li jkunu għadhom kif waslu kif ukoll biex jappoġġjaw l-inklużjoni fit-tul tagħhom. Ninsab kuntenta li nħabbar din is-sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni, li ser ikollha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-bliet u r-reġjuni fl-UE fil-ħidma tagħhom ta’ integrazzjoni.”

Persuna ta’ kuntatt:

Andrew Gardner

+32 473 943 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ZELENSKYY-PLENARY-MAY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-RIGHTS-MUST-BE-GIVEN-PRIORITY-MIGRATION-PACT.ASPX

President Zelenskyy to EU's cities and regions: "Thank you for your support!"
President Zelenskyy to EU's cities and regions: "Thank you for your support!"
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/COR-UNICEF-JOIN-FORCES-SUPPORT-INCLUSION-CHILDREN-UKRAINE-.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-RIGHTS-MUST-BE-GIVEN-PRIORITY-MIGRATION-PACT.ASPX

European Committee of the Regions and UNICEF join forces to support the inclusion of children from Ukraine
European Committee of the Regions and UNICEF join forces to support the inclusion of children from Ukraine
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FOSTERING-DIVERSITY-AND-INCLUSION-ON-THE-GROUND.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-RIGHTS-MUST-BE-GIVEN-PRIORITY-MIGRATION-PACT.ASPX

Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/LARGER-AND-MORE-RESILIENT-EU.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-RIGHTS-MUST-BE-GIVEN-PRIORITY-MIGRATION-PACT.ASPX

A larger and more resilient EU in spotlight at CIVEX meeting
A larger and more resilient EU in spotlight at CIVEX meeting
19.04.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/INTEGRATION-OF-MIGRANTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PROTECTING-RIGHTS-MUST-BE-GIVEN-PRIORITY-MIGRATION-PACT.ASPX

Integration of migrants can significantly improve social cohesion at the local level, but legal routes to Europe are vital to avoid further tragedies
Integration of migrants can significantly improve social cohesion at the local level, but legal routes to Europe are vital to avoid further tragedies
30.03.2023