Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea se jiżviluppaw proġetti konġunti biex jappoġġjaw it-tagħlim tal-valuri tal-UE fil-klassi tal-iskola bl-għajnuna tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u fuq bażi volontarja. F’dibattitu plenarju ma’ Margaritis Schinas – Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna – il-mexxejja reġjonali u lokali enfasizzaw ukoll li s-sistemi edukattivi għandhom jirrispettaw u jippromovu bis-sħiħ il-libertà, l-ugwaljanza, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni. Huma enfasizzaw ukoll li t-tagħlim dwar l-Unjoni Ewropea, il-valuri, il-wirt kulturali u d-diversità tagħha huwa vitali u għandu jiġi offrut fil-komunitajiet kollha, għall-etajiet kollha u għal kull ċittadin tal-UE.
Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “Nirringrazzja lill-Viċi President Schinas għad-dibattitu eċċellenti dwar kif nistgħu nippromovu l-valuri Ewropej tagħna permezz tal-edukazzjoni u l-kultura. Hija r-responsabbiltà tagħna – bħala ġenituri u mexxejja – li noffru lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tagħna l-għodod biex jirrealizzaw li l-UE għamlet possibbli l-paċi u l-għaqda tal-lum. Dan huwa dak li rridu nagħmlu llum, jekk irridu li jkollna futur. Flimkien miegħu u mal-Kummissarju Gabriel, irridu nniedu proġett pilota biex nippromovu l-valuri komuni Ewropej tagħna fil-klassi tal-iskola. Dan ser isir fuq bażi volontarja u b’rispett sħiħ tas-sussidjarjetà, u billi nużaw il-momentum tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”.
Margaritis Schinas , Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, responsabbli għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, qal: “Ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea, l-Istil ta’ Ħajja Ewropew tagħna qed jiġi sfidat. Neħtieġu lil dawk kollha li jiddefendu r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza biex jesprimu l-fehmiet tagħhom u jaġixxu. Ninsab kuntent li l-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jingħaqdu flimkien u jappellaw lir-reġjuni u l-bliet madwar l-Unjoni biex jagħmlu wegħdiet għall-iżvilupp tal-klassijiet Ewropej. Jeħtieġ li ż-żgħażagħ tagħna jingħataw l-għodod biex jifhmu l-valuri komuni tagħna, l-istorja komuni tagħna, il-wirt kulturali tagħna u l-importanza tad-diversità u l-pluraliżmu għall-Istil ta’ Ħajja Ewropew tagħna”.
Anne Karjalainen (FI/PSE), President tal-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Impjieg, l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC) tal-KtR u membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava, qalet: “Il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea huma l-essenza tal-identità Ewropea komuni tagħna. Minn dawn l-istess valuri jinbtu d-drittijiet kollha tagħna marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea. Din hija r-raġuni għaliex in-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell Ewropew f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ksur tal-valuri Ewropej idgħajjef il-proġett Ewropew. Dawn il-valuri għandhom jiġu difiżi u mrawma b’mod sinifikanti mis-sistemi edukattivi Ewropej kollha u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja sal-edukazzjoni postterzjarja u vokazzjonali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jista’ jkun alleat b’saħħtu f’dan l-isforz.”
Matul id-dibattitu, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali esprimew ukoll tħassib dwar il-liġi Ungeriża l-ġdida li tipprojbixxi referenzi għal-LGBTIQ fejn jidħlu l-minorenni. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l- Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ f’Ottubru. L- abbozz ta’ Opinjoni , li ġie abbozzat minn Kate Feeney (IE/Renew Europe), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Dun Laoghaire Rathdown, ġie adottat mill-Kummissjoni SEDEC adottat mill-Kummissjoni SEDEC f’April. L-Opinjoni tenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni sesswali universali fil-ġlieda kontra l-isterjotipi u d-diskriminazzjoni u t-trawwim tad-diversità.
Aktar informazzjoni:
Il- Pjan ta’ Azzjoni Konġunt iffirmat bejn il-KtR u s-servizzi tal-Kummissarju Mariya Gabriel f’Novembru 2020 jistabbilixxi l-għan li l-valuri, l-identitajiet u ċ-ċittadinanza Ewropea jiġu promossi flimkien permezz tal-edukazzjoni u l-kultura fil-livell reġjonali u lokali. B’mod konkret, dan jista’ jfisser l-iżvilupp ta’ materjal ta’ tagħlim innovattiv dwar il-valuri Ewropej u d-diversità Ewropea, l-iżvilupp ta’ kampanji edukattivi jew it-twaqqif ta’ networks ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali.
Fl-2018, il-KtR adotta Opinjoni dwar It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura (relatur: Tanya Hristova, BG/PPE). Tirrakkomanda l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi minn età bikrija u l-familjarizzazzjoni tal-istudenti mal-wirt kulturali Ewropew komuni, l-istorja Ewropea u l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea.
Persuna ta’ kuntatt:
Lauri Ouvinen
Tel. +32 473536887
lauri.ouvinen@cor.europa.eu