“Il-baġit tal-UE għandu jkun marbut mal-istat tad-dritt iżda r-reġjuni u l-bliet m’’għandhomx ibatu minħabba l-imġiba tal-gvernijiet nazzjonali”, qal il-President tal-KtR
Matul taħditiet bilaterali mal-President tal-Kunsill Ewropew, il-President Tzitzikostas qal li l-aċċess għall-baġit u l-pjani ta’ investiment tal-UE għandu jkun bil-kundizzjoni li l-istat tad-dritt jiġi rispettat bis-sħiħ. Madankollu, huwa qal li l-gvernijiet reġjonali u lokali m’għandhomx iġarrbu l-konsegwenzi jekk il-gvernijiet nazzjonali jiksru r-regoli. Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni appella wkoll lill-Parlament Ewropew biex jgħin biex jintemm l-impass fil-ftehim dwar il-baġit u l-pjani ta’ rkupru tal-UE, li jistgħu jpoġġu f’riskju l-irkupru tal-Ewropa.
Il- President Tzitzikostas qal,”Il- pandemija ikkawżat tnaqqis kbir fid-dħul mit-taxxa u żieda fid-domanda għas-servizzi pubbliċi. Billi jiġi ttardjat ftehim dwar il-baġit tal-UE ta’ EUR 1.8 triljun kif ukoll il-pjani ta’ rkupru, hemm riskju serju li s-servizzi pubbliċi jisfaxxaw madwar l-Ewropa, u b’hekk jirriskjaw ħajjiet u impjiegi. Il-Parlament Ewropew u n-negozjaturi kollha għandhom jaġixxu biex isibu kompromess fl-interess tal-Ewropa, iċ-ċittadini tagħha u l-irkupru tagħha. ”
Matul il-laqgħa, iż-żewġ mexxejja tal-UE qablu wkoll li l-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-ħtieġa li jiġu vvalutati l-kompetenzi tas-saħħa tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa ppjanata tirrifletti b’mod suffiċjenti l-kompetenzi bejn il-gvernijiet tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. B’referenza għall-kooperazzjoni reċenti mnedija mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-twettiq tal- Patt Ekoloġiku tal-UE fil-livell lokali , il-President Tzitzikostas ippropona wkoll li l-konklużjonijiet futuri tal-Kunsill Ewropew jimpenjaw lill-istati membri biex jaħdmu mal-gvernijiet reġjonali u lokali dwar l-azzjoni klimatika.
Il-President Tzitzikostas irrakkomanda wkoll lill-President Michel l-idea li jsiru “Djalogi Lokali” biex jiġi żgurat “dibattitu miftuħ u onest minn isfel għal fuq man-nies dwar il-ħtiġijiet reali tagħhom”. Huwa tenna l-messaġġ tiegħu li kkondivida ll-ġimgħa li għaddiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel , qalet li ” il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa m’għandhiex tkun kompetizzjoni ta’ sbuħija bejn l-istituzzjonijiet ta’ Brussell iżda għandha twassal għad-demokratizzazzjoni profonda tal-Ewropa. ”
Persuna ta’ kuntatt:
Michele Cercone
Kelliem tal-President
Tel. +32 (0)498 982 349
michele.cercone@cor.europa.eu