Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
“Huwa kompitu u responsabbiltà tagħna lkoll biex insawru l-futur tal-UE”  

Il-President Lambertz jappella lill-President elett von der Leyen biex il-futur tal-UE jissawwar flimkien mal-bliet u r-reġjuni

Fl-okkażjoni tal-elezzjoni ta’ Ursula von der Leyen mill-Parlament Ewropew bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz , qal:

“Nixtieq nifraħ lil Ursula von der Leyen għall-ħatra tagħha. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistenna bil-ħerqa li jilqagħha biex tippreżenta l-aġenda tagħha għall-Ewropa quddiem l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti eletti lokalment u reġjonalment.”

“Hemm bżonn ta’ mod ġdid ta’ ħidma biex isaħħaħ il-leġittimità, is-sjieda u l-prossimità tal-UE. Il-Kummissjoni li jmiss għandha tappoġġja bis-sħiħ parteċipazzjoni akbar mil-livelli kollha tal-gvern f’kull fażi tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Jien napprezza l-istqarrija tal-President elett li “Is-sistema demokratika tal-Unjoni tagħna hija unika, u tlaqqa’ flimkien lill-membri parlamentari eletti direttament fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej mal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern eletti. Inserraħ fuqha biex nibnu azzjoni koordinata ġdida mil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali li tippermetti lill-UE twassal progress soċjali u ekonomiku u tnaqqas id-distakk miċ-ċittadini tagħha.”

“Biex niġġieldu kontra l-kriżi klimatika u l-inugwaljanzi soċjali u niżguraw tranżizzjoni ġusta għal kulħadd, ir-reġjuni u l-bliet kollha huma l-atturi ewlenin fejn il-wegħdiet isiru realtà. Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġja politika ta’ koeżjoni b’saħħitha għar-reġjuni kollha. Huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni fuq diversi livelli u b’kapaċitajiet ta’ investiment pubbliku aktar b’saħħithom li ser inkunu nistgħu nipprovdu Unjoni ġusta u sostenibbli.”

“Il-żieda fil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 ikkonfermat li l-Ewropa hija importanti għaċ-ċittadini, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Wasal iż-żmien biex dan il-momentum jintuża favur l-involviment mal-Ewropej b’mod aktar sistematiku mhux biss fil-kampanji elettorali, inkluż permezz ta’ djalogu taċ-ċittadini permanenti u b’għan komuni li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali.”

“Huwa kompitu u responsabbiltà tagħna lkoll biex insawru l-futur tal-UE. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-bliet u r-reġjuni tal-UE jinsabu lesti biex ikunu parti mill-‘Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa’” .

Fid-dawl tal-isfidi politiċi u l-prijoritajiet fil-futur, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni diġà ressaq l-aspettattivi u l-proposti tiegħu għall-perjodu 2019-2024 permezz ta’ pjan ta’ azzjoni u riżoluzzjoni adottati fis-26 ta’ Ġunju 2019. Dawn jargumentaw li biex l-UE terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini u tindirizza l-isfidi attwali kbar, id-deċiżjonijiet u l-politiki tal-UE għandhom jitfasslu flimkien u jiġu ankrati fil-livell lokali.

Kuntatt:
pressecdr@cor.europa.eu

Tel. +32 (0)2 282 23 66

Ikkondividi :