Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Konsultazzjoni ġdida twissi: bosta gvernijiet tal-UE qed jeskludu r-reġjuni u l-bliet ‎ mit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru għal wara l-COVID-19  

Il-ħidma tal-KtR-CEMR tindika li ftit pajjiżi biss għamlu użu mill-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u b’hekk qed jheddu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni konġunta ġew ippreżentati matul il-laqgħa tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika (ECON) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR). Il-membri tal-ECON adottaw ukoll b’unanimità l-abbozz ta’ Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika, imħejji minn Isolde Ries (DE/PSE), l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Saarland.

Sabiex jifhmu sa liema punt il-komunitajiet lokali huma involuti fit-tħejjija tal-Pjani nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-KtR u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej ( CEMR ) wettqu konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-sottomissjoni tal-pjani nazzjonali lill-Kummissjoni Ewropea hija obbligatorja jekk l-Istati Membri jridu jibbenefikaw mill-appoġġ tal- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza , l-istrument ta’ EUR 672,5 biljun li huwa l-pedament tal-istrument ta’ rkupru ta’ Next Generation EU, magħruf ukoll bħala l- Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa .

Il-KtR u l-ECON huma kburin bir-riċerka li wettqu bbażata fuq l-evidenza u dawn ir-riżultati juru li sfortunatament minoranza biss tal-Istati Membri jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom fit-tħejjija tal-Pjani nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li numru saħansitra iżgħar jagħmel verament użu mill-kontribut tagħhom ’. L-ostaklu prinċipali identifikat minn dawk li wieġbu huwa sempliċi nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-gvern nazzjonali, li ma ppruvax jinvolvi lir-rappreżentanti ta’ gvern sottonazzjonali’. Għall-ġejjieni, dak li huwa importanti hu li din ir-realtà tiġi kondiviża b’mod wiesa’ mal-istituzzjonijiet li jistgħu jħeġġu aktar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dawn il-pjani qabel ma titressaq il-verżjoni finali tagħhom ”, enfasizza Michael Murphy (IE/PPE), president tal-Kummissjoni ECON u membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary.

Christophe Rouillon (FR/PSE), Sindku ta’ Coulaines u relatur ġenerali tal-KtR dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, enfasizza li “ir-regolament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fih dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni għall-involviment tal-bliet u r-reġjuni fil-pjani ta’ rkupru nazzjonali . L-involviment tagħhom fl-istadju tal-ippjanar jiggarantixxi użu effiċjenti tar-riżorsi fuq il-post biex jiġu evitati l-effetti deadweight u superfluwi, b’mod partikolari għall-fondi strutturali Ewropej. Jeħtieġ li l-id ix-xellugija tkun taf x’qed tagħmel il-leminija. Il-pass li jmiss għadu f’idejn l-Istati Membri: jistgħu, u jmisshom, jagħmlu aktar f’termini ta’ trasparenza u koordinazzjoni” .

Dario Nardella , president ta’ Eurocities u s-Sindku ta’ Firenze, li ngħaqad mad-diskussjoni round table, qal: “ Jekk naġixxu malajr, xorta nistgħu niżguraw li l-fondi ta’ rkupru jilħqu l-mira tagħhom biex inpoġġu ħajjet in-nies lura fit-triq it-tajba u nwettqu ż-żewġ prijoritajiet diġitali u ekoloġiċi lokalment. Issa li l-bliet ġew rikonoxxuti bħala msieħba importanti fir-regolament tal-Pjan ta’ Rkupru, neħtieġu li l-gvernijiet nazzjonali u dawk lokali jaħdmu flimkien biex jipprovdu riżorsi urġenti lin-nies li ntlaqtu l-agħar fil-bliet tagħna ”.

Dragos Pîslaru (RO/Renew Europe), membru tal-Parlament Ewropew u korelatur dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, qal: " Meta bdejt naħdem għall-ewwel darba fuq il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, irrealizzajt li t-tweġibiet se jinstabu biss permezz ta’ djalogu maċ-ċittadini. Huwa għalhekk li nedejt 13-il konsultazzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Pjan nazzjonali ideali għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jirrifletti b’mod koerenti l-ideat tajbin kollha. Nappella lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess eżerċizzju. Il-Parlament Ewropew żgura li l-Istati Membri jwettqu konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, meta jabbozzaw u jimplimentaw il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza ”.

Lucia Puttrich , Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Federali tal-Land Ġermaniż ta’ Hessen, iddikjarat li " Il-Faċilita għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-akbar komponent tal-Pjan ta’ Rkupru. Minħabba l-ammont ta’ għajnuna, l-implimentazzjoni hija partikolarment importanti. L-enfasi issa trid tkun fuq l-iżgurar li l-flus jaslu fir-reġjun u jiġġeneraw impulsi importanti. Dan ifisser investiment fil-kompetittività, fil-Patt Ekoloġiku, fit-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa u fid-diġitalizzazzjoni. Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu implimentati biss jekk ir-reġjuni jkollhom vuċi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi. Għaliex li wieħed ikollu vuċi jfisser kodisinn qrib ħafna tal-ħtiġijiet fuq il-post. Din hija l-idea bażika tas-sussidjarjetà u aħna nippromovuha b’mod espliċitu ”.

Il-KtR impenja ruħu fi proċess estensiv ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din l-attività se tirriżulta f'Forum dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza li l-ewwel edizzjoni tiegħu hija ppjanata f'Ottubru 2021 matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet.

Matul il-laqgħa, il-membri tal-Kummissjoni ECON adottaw ukoll b’unanimità l-abbozz ta’ Opinjoni dwar il- Pjan ta' Azzjoni għall-Materja Prima Kritika . Ir-relatur Isolde Ries (DE/PSE), l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Saarland, qalet: " Soċjetajiet u ekonomiji moderni ma jistgħux jiffunzjonaw fit-tul mingħajr provvista ta’ materja prima affidabbli, sikura, kompetittiva u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-materja prima kritika hija meħtieġa f’ħafna industriji Ewropej ewlenin, bħas-setturi tal-karozzi, tal-azzar, tal-ajruspazju, tal-IT, tas-saħħa u tal-enerġija rinnovabbli. Id-dipendenza fuq il-materja prima kritika għandha titnaqqas permezz ta’ użu ċirkolari ta’ riżorsi, prodotti sostenibbli u innovazzjonijiet. L-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ materja prima domestika fl-UE għandhom jissaħħu u l-akkwist minn pajjiżi terzi għandu jiġi diversifikat ”. Huwa skedat li ssir votazzjoni dwar l-abbozz ta’ Opinjoni matul is-sessjoni plenarja tal-KtR f’Marzu.

Il-Kummissjoni ECON ħatret lil Loïg Chesnais-Girard (FR/PSE), president tal-kunsill reġjonali ta’ Bretanja u president tal- Grupp ta’ Kuntatt KtR-Renju Unit , bħala relatur ġenerali dwar ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet baġit ta’ EUR 5 biljun għal dan l-istrument maħsub biex jappoġġja lin-negozji , ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali l-aktar milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. L-abbozz ta’ Opinjoni ser jittieħed vot dwaru matul is-sessjoni plenarja f’Marzu.

Barra minn hekk Ricardo Rio  ( PT/PPE), is-Sindku ta’ Braga, inħatar minn qabel bħala relatur tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja  It-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030. Il-ħatra hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Bureau tal-KtR.

Sfond:

Il-konsultazzjoni konġunta tal-KtR-CEMR ġabret il-fehmiet u l-esperjenzi ta’ 25 organizzazzjoni li jirrappreżentaw varjetà ta’ livelli ta’ gvernijiet sottonazzjonali f’19-il Stat Membru tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja. Il-konsultazzjoni mmirata twettqet mill-bidu ta’ Novembru 2020 sal-bidu ta’ Jannar 2021.

Ir-riżultati jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk .

Il- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-istrument ta’ EUR 672,5 biljun (EUR 312,5 biljun f’għotjiet u EUR 360 biljun f’self) imfassal biex jappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fit-twettiq tar-riformi u l-investiment fil-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-akbar għodda finanzjarja inkluża fl-istrument ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun ta’ Next Generation EU, magħruf ukoll bħala l- Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa . Sabiex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw Pjani nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jindikaw ir-riformi u l-investimenti li jkunu se jiġu ffinanzjati.

Fit-18 ta’ Diċembru 2020 , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE laħqu ftehim politiku dwar il-faċilità. Il-Parlament mistenni jivvota dwar it-test fis-sessjoni plenarja tiegħu ta' Frar, qabel l-adozzjoni formali mill-Kunsill.

F’Ottubru, il-Plenarja tal-KtR adottat l-Opinjoni Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa li jindirizza l-pandemija tal-COVID-19: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Strument ta’ Appoġġ Tekniku , abbozzata minn Christophe Rouillon (FR/PSE). Jekk jogħġbok sib l-istqarrija għall-istampa hawnhekk .

Il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea sat-30 ta’ April 2021 . Il-governanza ta’ dan l-istrument il-ġdid hija allinjata mill-qrib mal-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew. Għal bosta snin il-KtR ilu jikkritika n-nuqqas ta' involviment strutturat u sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza ekonomika b'mod ġenerali, u b'mod partikolari fis-Semestru Ewropew. Il-kummenti u l-proposta tal-Kumitat għal reviżjoni tal-governanza ekonomika tal-UE jinsabu miġburin f’ din l-Opinjoni abbozzata mill-Ministru-President tal-Gvern ta’ Wallonia, Elio di Rupo (BE/PSE). L-Opinjoni ġiet adottata f’Diċembru mill-Plenarja. Jekk jogħġbok sib l-istqarrija għall-istampa hawnhekk .

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0)470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Share: