L-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu kruċjali biex tinbena r-reżiljenza u jingħelbu l-kriżijiet
Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u Ana Paula Zacarias, Segretarja tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Portugall, iddiskutew il-prijoritajiet politiċi tal-Presidenza tal-UE u l-impatt tagħhom fil-livell lokali u reġjonali. Id-dibattitu sar matul is-sessjoni plenarja tal-KtR ta’ Frar u enfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE li jmiss u tal-pjani tal-UE għall-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19.
Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE enfasizzaw ir-rwol integrali li l-gvernijiet lokali u reġjonali qed jaqdu fil-ġestjoni tal-emerġenza tal-COVID, u enfasizzaw li dawn ser ikunu kruċjali biex jiffaċilitaw irkupru tas-saħħa, soċjali u ekonomiku b’suċċess mill-pandemija. Huma esprimew tħassib dwar il-livell ta’ involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ġie enfasizzat minn konsultazzjoni reċenti mwettqa mill-KtR u s-CEMR li sabet li l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet lokali u reġjonali ftit li xejn għandhom influwenza fuq il-Pjani nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Kemm il-KtR kif ukoll il-Presidenza Portugiża enfasizzaw ukoll li, minkejja l-importanza tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, prijoritajiet kondiviżi oħra, bħall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku u l-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa, għandhom jiġu inkorporati fil-pjani nazzjonali għall-irkupru.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas , qal li: “ Il-Presidenza Portugiża waslet fi żmien importanti ħafna. Il-pandemija għadha qed tikkawża l-imwiet, tagħmel pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u tagħmel ħsara lill-impjiegi u lill-ekonomiji lokali. Fix-xhur li ġejjin irridu niggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-baġit tal-UE u nwettqu pjan ta’ rkupru ambizzjuż li jindirizza b’mod konkret il-ħtiġijiet tan-nies. Flimkien, irridu nsaħħu l-kapaċità tagħna li nirreaġixxu għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika u nipproduċu u nqassmu vaċċini sikuri. It-tilqim għandu jseħħ simultanjament, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-livelli kollha ta’ governanza fl-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula kollha. Il-Presidenza tagħkom ser tgħin ukoll biex tniedi l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: inserrħu fuqkom biex iġġibu dimensjoni reġjonali u lokali b’saħħitha għal dan il-proċess, li jeħtieġ li jimmodernizza l-funzjonament tad-demokrazija u jressaq lill-UE eqreb lejn in-nies. ”
Ana Paula Zacarias , Segretarja tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Portugall, qalet li : " Il-pandemija enfasizzat li l-mexxejja lokali u reġjonali huma l-ixpruni tal-komunitajiet lokali u jaqdu rwol ewlieni fir-rispons għall-kriżi Il-prossimità tagħkom għaċ-ċittadini u l-fehim tagħkom tar-realtà fuq il-post huma fundamentalment importanti biex niżguraw li l-Ewropa tirkupra minn dawn iż-żminijiet diffiċli fi spirtu ta’ solidarjetà, u b’mod li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-bliet u r-reġjuni jaqdu wkoll rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-miżuri fil-pajjiż kollu, bħar-riformi u l-investimenti tant meħtieġa li huma inklużi fil-pjani nazzjonali ta’ rkupru li ser jitħejjew.”
“Iva, huwa minnu li jenħtieġ suq intern, iżda l-UE trid turi l-istess ambizzjoni biex tagħmel progress soċjali,” qal Vasco Cordeiro , l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Kunsillier Reġjonali tal-Assemblea Reġjonali tal-Azores. Huwa żied jgħid: “Li nenfasizzaw ir-rwol u l-importanza tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli fil-mod kif taħdem l-Ewropa ma jikkonċernax biss, u l-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jikkonċerna wkoll it-tip ta’ Unjoni Ewropea li rridu!”
In-natura komplementari tal-prijoritajiet politiċi tal-Presidenza Portugiża u l-prijoritajiet politiċi tal-KtR ħarġet fid-dieher ukoll matul id-dibattitu. B’mod speċjali l-prijorità “ Nibnu komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti ”, imressqa mill- KtR għall-2020-2025 , għandha ħafna punti komuni mal- prijoritajiet tal-Presidenza Portugiża .
Is-sħubija mill-qrib bejn il-KtR u l-Presidenza Portugiża ser tissaħħaħ ukoll bil- parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Portugiż, Antonio Costa, f’dibattitu li għandu jsir fil-plenarja tal-KtR f’Mejju, bil-laqgħa esterna ppjanata tal-Bureau fil-Gżejjer tal-Azores u bl-organizzazzjoni ta’ djalogi lokali fil-Portugall flimkien mal-membri tad-delegazzjoni Portugiża tal-KtR .
Informazzjoni ta’ sfond:
Il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-UE tiffoka fuq tliet prijoritajiet ewlenin :
- il-promozzjoni tal-irkupru tal-Ewropa, bis-saħħa tal-effett ta’ lieva mit-tranżizzjoni klimatika u dik diġitali;
- l-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali tal-Unjoni Ewropea bħala element ewlieni biex tiġi żgurata tranżizzjoni klimatika u diġitali ġusta u inklużiva;
- it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa filwaqt li tibqa’ miftuħa għad-dinja.
Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020-2025 huma disponibbli hawnhekk .
Persuni ta’ kuntatt:
Tobias Kolonko
Tel. +32 22822003
tobias.kolonko@ext.cor.europa.eu
Andrew Gardner
Tel. +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu