Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Wara s-Summit Soċjali ta’ Porto, ir-reġjuni u l-bliet iħeġġu r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom fil-bini ta’ Ewropa Soċjali  

L-ewwel Viċi President Vasco Cordeiro u l-President tal-Kummissjoni SEDEC Anne Karjalainen irrappreżentaw lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fis-Summit Soċjali tal-UE f’Porto fis-7 u t-8 ta’ Mejju. Huma laqgħu l-impenn tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE biex isaħħu l-wegħda li jaħdmu lejn Ewropa Soċjali, biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u biex jilħqu l-miri ewlenin ġodda tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar. Madankollu, huma ddispjaċihom li d- Dikjarazzjoni finali tas-Summit ma tagħmilx referenza għar-rwol tal-gvernijiet reġjonali u lokali.

L-ewwel Viċi President Vasco Alves Cordeiro , Membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores, qal: “L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tista’ tirnexxi biss jekk ikunu involuti l-livelli kollha ta’ governanza, minn dawk Ewropej sa dawk lokali. Huwa pożittiv ħafna li l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali u soċjali, bl-involviment tal-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-gvern, ġiet inkluża fid-dikjarazzjoni tal-partijiet interessati tas-Summit Soċjali. Madankollu, huwa diżappuntanti li l-Kunsill Ewropew ma rrikonoxxiex ir-rwol tagħna fid-Dikjarazzjoni finali tas-Summit. Il-bini ta’ Ewropa soċjali jista’ jseħħ biss mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u bis-saħħa tagħhom, u din it-tendenza inkwetanti jeħtieġ li tinbidel, anke fid-dawl tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.”

Il-President tal-Kummissjoni SEDEC Anne Karjalainen (FI/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava u r-relatur tal- Opinjoni mitluba mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-UE dwar id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, qalet: “Aħna nilqgħu l-fatt li l-mexxejja tal-UE qablu dwar għanijiet komuni bil-għan li jpoġġu l-benesseri u l-ugwaljanza tan-nies fil-qalba tal-politika u li l-kwistjonijiet soċjali jsiru prijorità dejjiema fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, is-suċċess se jiddependi mill-impenn tal-livelli kollha tal-gvern, minn dak Ewropew għal dak lokali, għall-bini ta’ Ewropa soċjali b’saħħitha u reżiljenti, li tiggarantixxi li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkunu ġusti u li jiffaċilitaw l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment.”

Aktar informazzjoni:

Is-Sur Cordeiro u s-Sinjura Karjalainen ipparteċipaw fil- konferenza ta’ livell għoli tas-Summit li ġiet organizzata l-Ġimgħa mal-mexxejja tal-UE u ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Fi tmiem il-konferenza, ġiet iffirmata dikjarazzjoni konġunta .

Il-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru tal-Portugall António Costa indirizza s-sessjoni plenarja tal-KtR , u enfasizza r-rwol tal-bliet u r-reġjuni bħala msieħba ewlenin għas-suċċess ta’ rkupru ġust, ekoloġiku u diġitali fl-Ewropa.

Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu f’Porto fit-8 ta’ Mejju biex jaqblu dwar miri kwantitattivi u skedi ta’ żmien speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat fl-2017 f’Gothenburg. Kif speċifikat fil- Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu, Il-miri ewlenin il-ġodda proposti jimplikaw li sal-2030 mill-inqas 78% tal-popolazzjoni tal-UE ta’ bejn l-20 u l-64 sena għandhom ikunu impjegati, mill-inqas 60% tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun. 

Persuna ta’ kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :