Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Azzjoni Pilota dwar is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali: Ir-reġjun tiegħek jista’ japplika issa  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea nedew is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għal azzjoni pilota ġdida dwar is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali. L-Azzjoni Pilota ser tinvolvi sa 24 parteċipant Ewropew (Stati Membri, reġjuni jew gruppi ta’ reġjuni) li jħossu l-bżonn li jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom u li huma lesti jkomplu jiżviluppaw il-qafas ta’ politika strateġika tagħhom stess li jindirizza l-innovazzjoni, l-iżvilupp industrijali, it-tranżizzjonijiet tas-sostenibbiltà u żvilupp ekonomiku u soċjali usa’. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sal-25 ta’ April 2022.

Is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali huma approċċ komplementari, li jibni fuq esperjenzi pożittivi bi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni u d-direzzjonalità tal-politiki reġjonali, nazzjonali u tal-UE b’rabta mar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi implimentata t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-Ewropa u biex jiġi indirizzat id-distakk fl-innovazzjoni fl-UE.

Is-Sħubijiet ser ikunu ankrati b’mod sod fil-qafas ta’ politika tal-UE, u b’hekk tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal- Patt Ekoloġiku Ewropew , l- Orizzont Ewropa , il- politika ta’ koeżjoni u n- NextGenerationEU . Ser tingħata attenzjoni partikolari lill-għodod u l-mekkaniżmi ta’ governanza li jimmobilizzaw diversi sorsi ta’ finanzjament u politiki biex jiġi amplifikat l-impatt u li jistgħu jgħinu biex l-inizjattivi reġjonali u nazzjonali jiġu konnessi mal-inizjattivi tal-UE għat-tranżizzjoni doppja.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “L-esperjenza, il-kuntatti, il-kooperazzjoni, l-interessi kondiviżi u l-għarfien espert li din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħmel disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE kollha se jgħinuhom jindirizzaw b’suċċess l-isfidi tas-soċjetà li lkoll qed niffaċċjaw bħalissa . Fuq medda itwal ta’ żmien, dan l-eżerċizzju ser jgħin biex jattira l-investiment meħtieġ u jimmobilizza b’mod koerenti l-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti kollha.”

Elisa Ferreira , Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, qalet: “ Il-promozzjoni u t-tixrid tal-innovazzjoni huma kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.  Ir-reġjuni kollha għandhom potenzjal ta’ innovazzjoni li għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Neħtieġu sħubijiet ta’ innovazzjoni b’saħħithom imsejsa fuq strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti adattati għall-punti tajbin u l-isfidi ta’ kull territorju u li jintegraw fondi u politiki differenti. Ir-reġjuni jeħtieġ li jkunu atturi ċentrali biex isawru l-mudell tat-tkabbir innovattiv tal-Ewropa.”

Mariya Gabriel , Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, qalet: “ Konnessjonijiet b’saħħithom fost l-atturi tal-innovazzjoni huma s-sisien ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali li jirnexxu. Is-“Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali” ser jipprovdu pjattaforma għall-atturi pubbliċi u privati biex jinvestu fl-innovazzjoni u n-negozji ġodda għal ekonomija u soċjetà sostenibbli.  Is-Sħubijiet ser jintegraw l-istrumenti kollha disponibbli tal-UE biex iwettqu impatti tanġibbli. Neħtieġu innovaturi u investituri f’kull reġjun u pajjiż. Is-Sħubijiet għall-Innovazzjoni Reġjonali ser jgħaqqduhom ilkoll flimkien biex tinbena Ekosistema tal-Innovazzjoni pan-Ewropea ġenwina.”

Il-parteċipanti fl-Azzjoni Pilota ser ikunu mistennija jidentifikaw, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma-lJRC u l-KtR, l-oqsma li fuqhom jixtiequ jiffukaw l-Azzjoni Pilota. Dawn jistgħu jkunu sfidi soċjoekonomiċi jew ta’ politika, setturi ekonomiċi speċifiċi u/jew oqsma jew strumenti ta’ politika. L-attivitajiet taħt l-Azzjoni Pilota ser jiġu adattati abbażi tal-oqsma tal-akbar interess għal kull parteċipant.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sal- 25 ta’ April 2022 . Tista’ ssib aktar informazzjoni u struzzjonijiet dwar kif tapplika fl- ittra tal-President Tzitzikostas u l-ppendiċi tagħha . It-territorji magħżula ser jitħabbru f’Mejju u hemm avveniment ta’ tnedija uffiċjali skedat fis-17 ta’ Mejju.

Kuntatt:

Segretarjat tal-Kummissjoni SEDEC

sedec@cor.europa.eu

Ikkondividi: