Ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula jitolbu wkoll rwol b’saħħtu fil-ġestjoni tal-investimenti tal-UE għall-irkupru, biex jiġi żgurat li l-fondi jilħqu lil dawk l-aktar affettwati mill-pandemija.
Il-kriżi tal-COVID tenfasizza l-bżonn li t-tfassil tal-politika tal-UE jintrabat mal-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali permezz tar-rwol kruċjali tal-politiċi eletti lokalment: dan huwa l-messaġġ mgħoddi llum mill-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič. Matul dibattitu fil-plenarja, il-mexxejja lokali u reġjonali tennew l-impenn tagħhom li jtejbu l-leġiżlazzjoni tal-UE billi jikkontribwixxu għall- pjattaforma Fit for Future (F4F) . F’ Riżoluzzjoni bi proposti għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022 , il-membri tal-KtR jitolbu li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-konsegwenzi tal-pandemija fil-prattika . Huma jitolbu wkoll li jiġu estiżi l-miżuri kruċjali ta’ flessibbiltà li ġew introdotti biex jiġu mobilizzati l-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej matul il-kriżi tal-COVID.
It-titjib tar-regoli tal-UE huwa prijorità ewlenija għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ 70% tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-mexxejja reġjonali u lokali tennew li l-liġijiet tal-UE għandhom iġibu l-aqwa valur miżjud lill-komunitajiet lokali u jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dan jista’ jinkiseb biss jekk il-politiċi eletti lokalment ikunu involuti bis-sħiħ fil-proċess leġiżlattiv tal-UE u jekk il-kontribut tagħhom jiġi rikonoxxut u rispettat fl-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, matul kull fażi tat-tfassil tal-politika.
Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , qal: “ Il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE titjieb meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqsmu mal-Kummissjoni l-esperjenza u l-għarfien tagħhom fil-prattika . Bl-involviment tagħhom, il-ħidma tal-Kummissjoni ssir aktar trasparenti u effiċjent. Kooperazzjoni attiva mal-politiċi lokali tippermetti li jitjieb iċ-ċiklu kollu tal-politika: it-tfassil u t-tħejjija tal-politika, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni. L-esperjenza żviluppata mill-mexxejja lokali fl-indirizzar tal-konsegwenzi ekonomiċi u tas-saħħa tal-pandemija hija eżempju konkret tal-valur miżjud li jistgħu jipprovdu lill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet lokali tagħna.”
Fid-diskors tiegħu fil-Plenarja, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva Maroš Šefčovič qal: “ Dak li għandna bżonn hija leġiżlazzjoni tal-UE li hija faċli li tiġi rispettata, effiċjenti u adattata għall-futur. Il-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni hija partikolarment importanti hawnhekk, peress li l-Pjattaforma Fit for Future għandha mandat b’saħħtu għal suġġetti ta’ importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Pereżempju, il-Programm ta’ Ħidma annwali tagħha għall-2021 jinkludi l-kura tas-saħħa transkonfinali, l-akkwist pubbliku u l-kwalità tal-arja – kollha ssuġġeriti mir-rappreżentanti tal-Kumitat. Bl-istess mod, ninsab kuntent li l-Kumitat tar-Reġjuni jibni l-kapaċitajiet ta’ prospettiva tiegħu. L-Ewropa teħtieġ soċjetà reżiljenti u, għalhekk, sabiex it-tfassil tal-politika tal-UE jinkorpora perspettiva li tħares ’il quddiem tinħtieġ kooperazzjoni fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE. B’segwitu għall-kontribut dirett minn dan il-Kumitat, id-dashboards tagħna tar-reżiljenza – għodda ġdida biex ir-reżiljenza tiġi vvalutata b’mod olistiku – ser jimmiraw ukoll li jinkludu indikaturi tad-disparitajiet reġjonali.”
Kuntest:
Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-kontribut tal-KtR għall-aġenda tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar: issir distinzjoni ċara bejn il-kontributi minn livelli differenti ta’ gvern, u jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li timplimenta s-“sussidjarjetà attiva” u tappella għall-użu sistematiku tal- Grilja għall-Valutazzjoni tas-Sussidjarjetà żviluppata mill-KtR. Iżda l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jista’ jissaħħaħ aktar u jsir eżerċizzju strutturat u interattiv, pereżempju permezz ta’ Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali u konsultazzjonijiet sistematiċi li huma adattati aħjar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.
Il-pjattaforma F4F bħala l-istrument ewlieni tal-aġenda tal-KE għal Regolamentazzjoni Aħjar hija mfassla biex tissemplifika u timmodernizza l-liġijiet tal-UE biex tindirizza aħjar l-isfidi futuri, filwaqt li tnaqqas il-burokrazija. Bis-saħħa ta’ tliet president tal-kummissjonijiet fil-korp governattiv tal-Pjattaforma u n-network taċ-Ċentri Reġjonali , bħala sottogrupp tal-Pjattaforma, il-KtR huwa preżenti fil-Pjattaforma fil-livell kemm tar-reviżjoni kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Għalhekk jirrappreżenta mhux biss lill-awtoritajiet lokali u reġjonali iżda wkoll liċ-ċittadini u lin-negozji li jimplimentaw il-liġi tal-UE kuljum preċett. It-tliet presidenti tal-Kummissjonijiet tal-KtR nħatru bħala relaturi matul l-aħħar plenarja tal-F4F f’Marzu: Mark Speich (DE/PPE) , Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali għan-Nordrhein-Westfalen u President tal-Kummissjoni tal-KtR għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni ( CIVEX ), huwa relatur għal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku b’enfasi fuq l-akkwist elettroniku; Anne Karjalainen (FI/PSE) , Kunsillier tal-Belt ta’ Kerava, President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC) hija r-relatur dwar id-Direttiva INSPIRE – Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Ewropa li tistabbilixxi standards komuni sabiex tiġi deskritta u kondiviża d-data ġeografika bħaż-żoni ta’ riskju naturali, networks tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni; Ulrika Landergren (SE/RE) , Kunsillier fil-muniċipalità Żvediża ta’ Kungsbacka u President tal-Kummissjoni tal-KtR għar-Riżorsi Naturali, hija r-relatur dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KtR jikkontribwixxi għat-tieni rapport ta’ prospettiva tal-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni miġbura min-networks tiegħu u mill-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali tiegħu sabiex jiġi żgurat li r-realtajiet fil-livell lokali, u perspettiva sottonazzjonali, jiġu inklużi fil-perspettiva globali tal-prospettiva tal-UE.
Is-sussidjarjetà tiżgura li l-UE tista’ taġixxi biss meta tkun aktar effettiva mil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-indirizzar ta’ ċerti kwistjonijiet. B’hekk, jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed valur miżjud fl-azzjonijiet kollha tal-UE. Il-kunċett ta’ Sussidjarjetà Attiva huwa mod ġdid ta’ ħidma li jtejjeb l-approċċ tradizzjonali lejn is-sussidjarjetà. Hija tħeġġeġ lill-atturi istituzzjonali, nazzjonali u sottonazzjonali kollha biex jikkontribwixxu b’mod kostruttiv għat-titjib tal-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni tal-UE matul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika. L-approċċ tas-Sussidjarjetà Attiva ġie propost mill-KtR matul it-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir Inqas b’mod Aktar Effiċjenti” u ġie inkluż fil- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità f’Ottubru 2018 .
Il-kontribut tal-KtR għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
Persuna ta’ kuntatt:
Marie-Pierre Jouglain
Mob: +32 (0)473 52 41 15
mariepierre.jouglain@cor.europa.eu