Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Diżastri naturali: l-UE għandha tinvesti lokalment illum biex issalva l-ħajjiet għada  
Ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali jħeġġu lill-UE biex tipproteġi l-fondi reġjonali biex issaħħu r-reżiljenza tal-bliet u r-reġjuni u jindirizzaw it-tibdil fil-klima

L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tinvesti b’mod sinifikanti f’miżuri għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-klima, minħabba l-impatt kontinwu tal-għargħar, il-mewġiet ta’ sħana u t-terremoti fuq il-komunitajiet lokali madwar l-Ewropa, ġie ddikjarat f’konferenza koorganizzata min-Nazzjonijiet Uniti u l-assemblea tal-UE tal-politiċi lokali u reġjonali qabel il-Jum Internazzjonali ta’ Tnaqqis tad-Diżastri.

Fid-diskors tiegħu waqt l-avveniment konġunt, Robert Glasser, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, Karl-Heinz Lambertz, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), l-assemblea tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Corina Cretu, qablu li t-tibdil fil-klima qed jamplifika avvenimenti estremi tat-temp madwar il-kontinent, biex b’hekk xeħtu l-pressjoni fuq l-infrastruttura u sistemi kritiċi fl-Ewropa li ser jirrikjedu investiment kontinwu biex jitnaqqas ir-riskju ta’ diżastri.

“Diżastru jieħu ħafna forom, iżda huwa ċar li t-tibdil fil-klima għandu impatt kbir. It-temp u l-klima qed jiddominaw il-pajsaġġ tar-riskju bħal qatt qabel, li jammonta għal 90 % tat-total ta’ avvenimenti ta’ diżastri kbar irreġistrati,” qal ir-Rappreżentant Speċjali Glasser, li jmexxi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (UNISDR).

Ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU Glasser qal: “Hemm aħbar tajba. L-Ewropa wriet li l-imwiet minn diżastri jistgħu jiġu evitati. Għargħar u mewġiet ta’ sħana joqtlu anqas Ewropej bis-saħħa ta’ twissijiet bikrija u tħejjija aħjar. L-Ewropa adottat il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri, il-pjan globali biex jitnaqqas it-telf mid-diżastri. Aħna nistennew li ser ikun hemm żieda sostanzjali fin-numru ta’ pajjiżi fir-reġjun bi pjani fis-seħħ fil-livell nazzjonali u lokali biex inaqqsu t-telf mid-diżastri, sal-iskadenza tal-2020, u l-UE għandha rwol importanti x’taqdi f’li tiżgura li dan iseħħ.”

Huwa kompja jgħid: “Bħall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, inħeġġu lill-bliet u r-reġjuni jiżviluppaw strateġiji biex jitnaqqsu r-riskji ta’ diżastri. Nixtiequ li l-awtoritajiet lokali biex jsaħħu l-kapaċità tagħhom u biex jirċievu l-finanzjament meħtieġ, partikolarment biex itejbu l-infrastruttura. Il-Kampanja Nagħmlu Bliet Reżiljenti tal-UNISDR illum għandha madwar 600 gvern lokali madwar il-kontinent jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja, filwaqt li jieħdu azzjonijiet essenzjali sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ diżastru.”

Il-President Lambertz, li ilu jmexxi l-KtR minn Lulju, qal: “L-Unjoni Ewropea hija determinata li tibqa’ mexxej fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima, u għandha tmexxi l-isforzi biex inaqqsu r-riskju ppreżentat minn perikli naturali, li ħafna minnhom huma aggravati mit-tibdil fil-klima. Il-Jum Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri jfakkarna li l-UE għad għandha ħafna x’tagħmel biex tnaqqas l-impatt ta’ għargħar, mewġiet ta’ sħana u terremoti. Bl-użu tal-fondi reġjonali tal-UE biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-tħejjija għal diżastri, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE hi politika vera ta’ reżiljenza. Hekk kif deħlin f’diskussjonijiet dwar il-baġit tal-UE wara l-2020, irridu nkomplu li jkollna impatt b’saħħtu u flessibbli tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE bi flus allokati biex jgħinu lill-bliet u r-reġjuni jagħmlu l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jagħmlu infrastruttura ġdida kontra d-diżastri u jkunu kapaċi jibnu mill-ġdid b’mod rapidu wara diżastri.”

Fl-Ewropa, l-għargħar storikament kienu l-akbar periklu naturali, u n-NU qed jistennew li l-frekwenza ta’ għargħar aħrax madwar l-Ewropa tirdoppja sal-2050. Il-mewġiet ta’ sħana qed isiru iktar komuni, fejn mewġa ta’ sħana fl-2015 qatlet 3275 persuna fi Franza biss. Fl-Italja, it-terremoti qatlu medja ta’ 100 persuna fis-sena għal dawn l-aħħar 50 snin, fejn l-ispiża ekonomika kienet ta’ madwar EUR 3 biljun fis-sena. It-terremoti għandhom ukoll il-potenzjal li jwasslu għal tsunamis f'bosta partijiet tan-Nofsinhar tal-Ewropa, minn Lisbona sa Ċipru.

Commissioner Cretu qalet: “Id-diżastri jistgħu jseħħu kullimkien fi kwalunkwe ħin, u dawn jibdlulna ħajjitna kompletament f’temp ta’ minuta. Mill-2005, id-diżastri naturali swew aktar minn EUR 100 biljun madwar il-kontinent tagħna. Din hija r-raġuni għalfejn il-konferenza għall-Ġestjoni tar-Riskju tad-Diżastri llum hija kruċjali. L-UE tgħin lill-bliet tagħha jitħejjew aħjar: il-politika ta’ koeżjoni waħedha toffri EUR 8 biljun f'dan il-perjodu finanzjarju għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju. Madankollu, il-kelma prinċipali hija l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi, speċjalment f’termini ta’ prevenzjoni u tħejjija. Meta l-bliet jikkomunikaw ma’ xulxin, l-Ewropa ssir aktar sikura u aktar b’saħħitha.”

Fl-2016, id-diżastri relatati mal-perikli affettwaw aktar minn 445 miljun persuna madwar id-dinja, u d-data preliminari minn EM-DAT, database internazzjonali tad-diżastri, tindika li 80 miljun ruħ oħra kienu milquta minn 149 diżastru fi 73 pajjiż fl-ewwel kwart tal-2017. Ċifri tal-Bank Dinji jistmaw li d-diżastri jiswew lill-ekonomija dinjija madwar $520 biljun (EUR 442 biljun) fis-sena.

Il-qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, amministrat minn UNISDR, jifforma parti mill-aġenda tal-iżvilupp usa’ tan-NU u huwa rifless fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030. Il-Qafas ta’ Sendai huwa voluntarju; s’issa rreġistraw 3 678 muniċipalità mal-inizjattiva mill-iktar livell baxx tal-UNISDR mal-gvernijiet lokali intitolata Making Cities Resilient. Fl-2016, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-UNISDR iffirmaw pjan ta’ azzjoni għal ħames snin bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ bliet u reġjuni Ewropej li jieħdu passi sabiex inaqqsu r-riskji ta’ diżastri.

Noti lill-edituri:

Fil-11 ta’ Ottubru li għadda, il-KtR adotta opinjoni, abbozzata fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar Politika Ewropea dwar l-adattament antisismiku tal-istokk tal-bini u tal-infrastruttura. Ir-relatur huwa s-Sur Vito Santarsiero (IT/PSE) Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Basilicata F’Marzu 2017, hija bagħtet bagħat ir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 għall-kunsiderazzjoni mill-korpi deċiżjonali tal-UE. L-awtur tal-opinjoni kien Adam Banaszak (PL/KRE), Viċi President tal-Parlament Reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie.

F’Mejju 2017, il-President, l-ewwel Viċi President u l-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi fil-KtR, marru fuq missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni fir-reġjuni Taljani ta’ Umbria, Lazio, Abruzzo u Marche biex jaraw l-ħsara kkawżata mit-terremoti. Ir-rapport b’filmat huwa disponibbli.

In-Nazzjonijiet Uniti stabbiliet il-Jum Internazzjonali ta’ Tnaqqis tad-Diżastri – issa stabbilit fit-13 ta’ Ottubru – fl-1989, fi sforz biex tiġi promossa kultura globali ta’ tnaqqis tad-diżastri, inklużi l-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u t-tħejjija għad-diżastri.

In-Nazzjonijiet Uniti qablu dwar Strateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri fl-1999, u ħolqu l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (UNISDR) li jservi bħala s-segretarjat. Il-qafas ta’ Sendai tat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 huwa l-aħħar aġġornament. Huwa magħmul minn seba’ miri globali – biex jitnaqqsu l-imwiet, l-impatt uman, it-telf ekonomiku u l-ħsarat ikkawżati minn perikli naturali, u biex tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, l-informazzjoni u n-numru ta’ strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru fil-livell nazzjonali u lokali. Għandu erba’ prijoritajiet għal azzjoni: jifhem ir-riskju ta' diżastru, isaħħaħ il-governanza, iżid l-investiment fir-reżistenza u jtejjeb it-tħejjija għad-diżastri. Bħala parti mill-Kampanja Nagħmlu Bliet Reżiljenti, l-UNISDR stabbilixxa sett ta’ għodod maħsuba biex jikkatalizza azzjoni minn muniċipalitajiet, inklużi gwida ta’ politika u għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju.

Kuntatti:

Andrew Gardner, Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, andrew.gardner@cor.europa.eu, +32 473 843 981

Rosalind Cook, Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, rosalind.cook@un.org, +32 2 2904 953

Ikkondividi :