Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi tħeġġeġ favur programm ta’ appoġġ tal-UE biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, ekwa u ta’ suċċess għal industrija ta’ 7,5 miljun impjieg  

Membri tal-alleanza nġabru f’Leipzig u ressqu l-proposti tagħhom biex jippreservaw l-industrija awtomobilistika Ewropea

Biex jirnexxilhom jiffaċċjaw it-tneħħija gradwali tal-magna tal-kombustjoni u d-diġitalizzazzjoni, ir-reġjuni awtomobilistiċi tal-Ewropa jitolbu mekkaniżmu ta’ appoġġ ġdid tal-UE b’fondi ddedikati, valutazzjoni tal-impatt territorjali adegwata tar-regolamenti, u miżuri ġodda għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Fl-ewwel laqgħa politika tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi fis-17 ta’ Novembru f’Leipzig, il-membri adottaw strateġija għat-terminu qasir u medju ta’ żmien u ddiskutew ma’ Nicolas Schmit, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, dwar l-appoġġ li għandhom bżonn ir-reġjuni b’industrija awtomobilistika b’saħħitha.

L-industrija Ewropea tal-karozzi u tal-provvista relatata tinsab f’fażi ta’ taqlib u trasformazzjoni: il-miri klimatiċi tal-UE bil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jeħtieġu kontribut sinifikanti fis-settur tat-trasport bit-triq u għalhekk għandhom impatt fuq ir-reġjuni awtomobilistiċi kollha fl-Ewropa. L-industrija awtomobilistika hija milquta ħafna mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u 7,5 miljun persuna – ekwivalenti għal aktar minn 6 % tal-impjieg Ewropew b’mod ġenerali – jaħdmu fil-manifattura tal-karozzi u fis-servizzi awtomobilistiċi. It-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero u diġitalizzati se jkollha impatt qawwi fuq l-ekosistemi awtomobilistiċi u l-istrutturi soċjoekonomiċi reġjonali.

Għoxrin mid-29 reġjun membru tal-Alleanza kienu rrappreżentati f’Leipzig u ġibdu l-attenzjoni għat-tħassib tas-settur awtomobilistiku tar-reġjuni tagħhom. Abbażi tar-rekwiżiti ta’ karozzi b’emissjonijiet żero sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE u l-bidliet relatati fl-industrija tal-karozzi, l-Alleanza kollettivament tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu Ewropew li jappoġġja tranżizzjoni ġusta u ekwa f’reġjuni b’industrija awtomobilistika sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti ta’ tfixkil fuq l-impjieg, u jissaħħu l-kapaċitajiet u l-opportunitajiet għal kwalifika mill-ġdid teknoloġika tal-industrija awtomobilistika Ewropea u għal kompetittività globali kontinwa fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Michael Kretschmer, Ministru President tas-Sassonja, fetaħ il-laqgħa u qal: “L-industrija tal-karozzi mhux biss għandha n-nieqa tagħha fis-Sassonja, iżda hija wkoll teknoloġija ewlenija għall-Ġermanja. Bis-saħħa ta’ għarfien espert eċċellenti u spirtu ta’ innovazzjoni, is-Sassonja qed tiżviluppa f’ċentru għall-elettromobbiltà. It-tibdil strutturali u l-miri klimatiċi jfissru bidliet għas-Sassonja u l-industrija awtomobilistika tagħha – u għalhekk għandi gratitudni lejn l-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi għax bis-saħħa tagħha nistgħu nimmaniġġjaw b’suċċess din it-trasformazzjoni flimkien.

Emil Boc, Sindku ta’ Cluj-Napoca u President tal-Kummissjoni COTER qal li “Il-bliet u r-reġjuni jistgħu jaqdu rwol attiv fl-indirizzar tat-tfixkil fil-futur tal-ħidma rigward is-settur awtomobilistiku. Flimkien nistgħu nagħmlu minn dan storja ta’ adattament għall-ekonomija l-ġdida bi trasport ekoloġiku u sostenibbli, forza tax-xogħol Ewropea b’ħiliet speċjalizzati u vetturi innovattivi, għall-mobbiltà u l-agroteknoloġija. Jeħtieġ li nħarsu lejn l-Ewropa bħala post wieħed biex jiġu indirizzati l-bidliet li lkoll nafu li se jkollhom impatt fuq dan is-suq. Hemm futur tal-karozzi f’Ewropa nadifa, diġitali, inklużiva u innovattiva jekk l-għarfien jiġi kondiviż u tinħoloq infrastruttura fir-reġjuni kollha biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista iqsar, hawnhekk fl-Ewropa, u b’hekk is-settur awtomobilistiku jsir inqas dipendenti mit-tfixkil fil-katina globali.”

Thomas Schmidt (DE/PPE), membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Ministru tal-Istat tas-Sassonja għall-Iżvilupp Reġjonali, qal: “Li nilqgħu l-ewwel laqgħa tal-Alleanza kien unur kbir għas-Sassonja. Ninsab kuntent li ħafna reġjuni huma preżenti f’Leipzig illum. Dan huwa importanti għaliex isaħħaħ ir-relevanza tal-Alleanza u l-ħidma futura tagħha. L-iskambju dwar it-tħassib tar-reġjuni awtomobilistiċi kien importanti u interessanti ħafna. Kull reġjun huwa affettwat b’mod differenti. Iżda hemm interessi komuni li rridu nirrappreżentaw flimkien fil-futur mal-Alleanza. Irridu naqsmu l-ideat b’mod intensiv – anke permezz tal-KtR u l-Grupp Interreġjonali dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi tiegħu kif ukoll mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali rilevanti. Il-membri kollha ser jirrappreżentaw ukoll individwalment l-għanijiet komuni, pereżempju vis-à-vis l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet rispettivi tal-Istati Membri. Il-laqgħa tal-lum tal-Alleanza hija għalhekk il-bidu tal-ħidma attwali.”

Il-ħidma tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi se tiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-impatt reġjonali tat-trasformazzjoni tal-industrija tal-karozzi u tal-provvista, l-appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol reġjonali kif ukoll l-użu ta’ fjuwils alternattivi. Abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ 10 punti tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi, adottata fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) f’Ġunju 2022, l-alleanza tappoġġja l-impenn li jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport bit-triq u titlob dan il-qafas ta’ tranżizzjoni ġusta biex tiżgura l-koeżjoni ekonomika u soċjali f’kull reġjun Ewropew tal-karozzi. Għal dan l-għan, il-qafas irid jinkludi miżuri baġitarji u ta’ appoġġ politiku u jwassal għal ippjanar konġunt għat-tranżizzjoni fil-livell reġjonali.

Din it-talba ewlenija trid issir realtà, skont l-Alleanza, permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt territorjali li jindirizzaw sfidi u opportunitajiet komuni għar-reġjuni, l-OEMs (fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali) u speċjalment l-SMEs attivi fl-industrija tal-katina tal-provvista tal-karozzi, u għandha tappoġġja t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol reġjonali u timmonitorja l-provvista u d-domanda tal-ħiliet rilevanti.

María Chivite (ES/PSE), membru tal-KtR u President tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, qalet: “Biex nimplimentaw trasformazzjoni ġusta qed nenfasizzaw it-taħriġ f’Navarra. Barra minn hekk, b’politiki attivi dwar l-impjieg, qed nindirizzaw l-isfida tal-kwalifikazzjoni mill-ġdid. Għax jimpurtana mill-impjieg. Iżda ninsabu mħassba wkoll dwar l-adattament tal-profili sabiex id-diġitalizzazzjoni ma toħloqx diskrepanza soċjali u tax-xogħol li timplika telf ta’ impjiegi u inugwaljanzi. Il-fondi Ewropej tan-Next Generation EU huma opportunità, u nifhmu li għandhom ikunu impenn għas-snin li ġejjin b’finanzjament speċifiku biex tiġi indirizzata t-trasformazzjoni tal-industrija tal-karozzi.

Talbiet ulterjuri tal-alleanza huma l-iżvilupp ta’ qafas ta’ riċerka b’saħħtu għat-trasformazzjoni industrijali u l-innovazzjoni fl-industrija awtomobilistika Ewropea, flessibbiltà li tingħata fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex ir-reġjuni awtomobilistiċi jkunu jistgħu jiggwidaw u jimmaniġġjaw din it-trasformazzjoni u jappoġġjaw lir-reġjuni biex jintroduċu stazzjonijiet ta’ riforniment u ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku. Dan se jippromovi l-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u jikkonċentra l-fondi ta’ investiment pubbliċi u privati disponibbli fuq id-diversi soluzzjonijiet teknoloġiċi (eż. l-elettrifikazzjoni, it-teknoloġiji tal-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi) biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija Ewropea tal-karozzi.

Kuntest:

L-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi hija network politiku ta’ reġjuni b’settur b’saħħtu tal-industrija tal-karozzi u l-provvista relatata li se jiġi affettwat mit-tranżizzjoni lejn trasport bit-triq b’emissjonijiet żero. Din tnediet mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni matul is-sessjoni plenarja tiegħu f’Ġunju 2022 biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u ekwa fl-industrija tal-karozzi u l-provvista relatata. L-Alleanza hija forum miftuħ għar-reġjuni kollha affettwati mit-trasformazzjoni. Bħalissa għandha 29 reġjun membru.

L-għan tal-Unjoni Ewropea li tnaqqas l-emissjonijiet fl-UE b’mill-inqas 55 % sal-2030 jinkludi r-Regolament tal-Kummissjoni tal-UE biex jitnaqqsu l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief. Proposta reċenti mill-Parlament Ewropew għall-projbizzjoni tal-karozzi b’magni tal-kombustjoni fil-livell tal-UE mill-2035 ’il quddiem, adottata fit-8 ta’ Ġunju 2022, se tirriżulta f’saħansitra aktar bidliet fl-industrija Ewropea tal-karozzi u tal-fornituri. Għalhekk, l-għan tal-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi huwa li tiżgura li t-tranżizzjoni fis-settur awtomobilistiku tkun ġusta, tirnexxi u ma tħalli l-ebda reġjun jibqa’ lura, filwaqt li tappoġġja bis-sħiħ l-għanijiet klimatiċi tal-UE.

Kuntatt:

Theresa Sostmann

Tel. +32 475999415

Theresa.Sostmann@cor.europa.eu

Ikkondividi :